Lill-Efesin 6:1-24
6 Tfal, obdu lill-ġenituri tagħkom bħalma jrid il-Mulej, għax hekk hu xieraq.
2 “Irrispetta lil missierek u lil ommok,” dan hu l-ewwel kmand li ngħata maʼ din il-wegħda:
3 “Biex tirnexxi* u tgħix ħajja twila fuq l-art.”
4 Missirijiet, iddejqux lit-tfal tagħkom, imma komplu ħudu ħsiebhom billi tiddixxiplinawhom u tittrennjawhom* bħalma jrid Ġeħova.*
5 Ilsiera, obdu mill-qalb lis-sidien tagħkom* b’rispett kbir u biżaʼ, bħallikieku lill-Kristu.
6 Tagħmlux dan għal għajn in-nies, biex tingħoġbu minnhom, imma bħala lsiera taʼ Kristu li jagħmlu dak li jrid Alla b’ruħhom* kollha.
7 Kunu lsiera b’attitudni tajba, bħallikieku qed taqdu lil Ġeħova* u mhux lill-bnedmin.
8 Għax intom tafu li kull wieħed se jiġi ppremjat minn Ġeħova* għat-tajjeb li jkun għamel, kemm jekk hu lsir u kemm jekk le.
9 Ukoll sidien, ibqgħu ttrattawhom bl-istess mod, u mhux thedduhom, għax intom tafu li s-Sid tagħkom u tagħhom qiegħed fis-sema, u hu ma jurix preferenzi.
10 Fl-aħħar, jalla l-Mulej jagħtikom il-qawwa permezz tas-saħħa kbira tiegħu.
11 Ilbsu l-armatura sħiħa mingħand Alla ħalli tkunu tistgħu żżommu sod kontra l-pjanijiet qarrieqa* tax-Xitan;
12 għax il-ġlieda li għandna mhix kontra d-demm u l-laħam, imma kontra l-gvernijiet, l-awtoritajiet, u l-mexxejja taʼ din id-dinja mdallma, jiġifieri kontra d-demonji li hemm fis-sema.
13 Għal din ir-raġuni, ilbsu l-armatura sħiħa mingħand Alla, biex tkunu tistgħu tieqfu lil dan l-għadu fiż-żmien meta jattakka, u tibqgħu sodi għax tkunu għamiltu dak li hu mitlub minnkom.
14 Għalhekk, żommu sod biċ-ċinturin tal-verità maqful, lebsin il-kurazza tal-ġustizzja,
15 u bis-sandli f’saqajkom biex tkunu lesti tippritkaw l-aħbar tajba tal-paċi.
16 Barra minn hekk, aqbdu t-tarka kbira tal-fidi, li biha tkunu tistgħu titfu l-vleġeġ tan-nar kollha tal-wieħed mill-agħar.
17 Ukoll, ilbsu f’raskom l-elmu tas-salvazzjoni, u ħudu x-xabla tal-ispirtu qaddis, jiġifieri l-kelma t’Alla,
18 waqt li b’kull tip taʼ talb u suppliki* komplu itolbu f’kull okkażjoni permezz tal-qawwa tal-ispirtu qaddis. Għalhekk, ibqgħu għassa u itolbu bil-ħniena l-ħin kollu għall-qaddisin kollha.
19 Itolbu għalija wkoll, ħalli ningħata l-abbiltà li nitkellem u nkun nistaʼ nipprietka bil-kuraġġ dwar is-sigriet qaddis tal-aħbar tajba.
20 Jien ambaxxatur taʼ din l-aħbar tajba* u għalhekk qiegħed marbut bil-ktajjen. Itolbu għalija ħalli nkun nistaʼ nipprietka bil-kuraġġ, bħalma għandi nagħmel.
21 Tikiku, ħu għażiż u qaddej leali tal-Mulej, se jgħidilkom x’qed nagħmel u kif jien.
22 Jien qed nibagħtu għandkom, biex jgħidilkom kif aħna u biex ikun jistaʼ jinkuraġġikom.
23 Jalla l-aħwa jkollhom il-paċi u l-imħabba flimkien mal-fidi li jiġu mingħand Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu.
24 Jalla Alla juri qalb tajba kbira maʼ dawk kollha li jħobbu b’mod ġenwin lill-Mulej tagħna Ġesù Kristu.
Noti taʼ taħt
^ Jew “jaħbatlek tajjeb.”
^ Jew “tgħallmuhom; tiggwidawhom.”
^ Jew “lis-sidien tagħkom li huma bnedmin.”
^ Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Ruħ.”
^ Jew “it-tnassis.”
^ Jiġifieri talb bil-ħniena. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “nirrappreżenta lil Alla u nipprietka l-aħbar tajba.”