Lill-Galatin 4:1-31
4 Kieku l-werriet kien għadu tifel żgħir, minkejja li kollox hu tiegħu, hu mhux differenti minn ilsir,
2 għax hemm nies li qed jieħdu ħsieb tiegħu u tad-dar saż-żmien li missieru għażel minn qabel.
3 Hekk ukoll aħna, meta konna tfal, konna lsiera billi mxejna fuq il-mentalità tad-dinja.
4 Imma meta wasal iż-żmien magħżul, Alla bagħat lil Ibnu, li wilditu mara u li għex skont il-Liġi,
5 biex jixtri u jeħles lil dawk li kienu taħt il-Liġi, ħalli aħna niġu adottati bħala tfal.
6 Peress li issa intom it-tfal t’Alla, hu bagħat l-ispirtu qaddis li ngħata lil Ibnu fi qlubna, u dan l-ispirtu jqanqalna ngħajtu: “Abba,* Missier!”
7 Għalhekk, kull wieħed minnkom m’għadux ilsir, imma t-tifel t’Alla. U jekk int it-tifel t’Alla, hu se jagħtik ukoll wirt.
8 Minkejja dan, meta ma kontux tafu lil Alla, intom kontu lsiera taʼ dawk li mhux veru kienu allat.
9 Imma issa li sirtu tafu lil Alla, jew aħjar minn hekk, Alla sar jafkom, kif tridu terġgħu tmorru lura għall-affarijiet tad-dinja li ma jiswew għal xejn u tridu terġgħu tkunu lsiera tagħhom?
10 Intom taħsbu li hemm ġranet, xhur, staġuni, u snin, li huma speċjali u għalhekk tiċċelebrawhom.
11 Qed nibżaʼ li l-isforzi li għamilt biex ngħinkom huma għalxejn.
12 Ħuti, jien ukoll kont bħalkom, imma nbdilt. Għalhekk nitlobkom bil-ħniena, inbidlu bħalma għamilt jien. Intom m’għamiltuli xejn ħażin.
13 Imma intom tafu li kien minħabba li kont marid li qgħadt magħkom u kelli l-ewwel opportunità li nippritkalkom l-aħbar tajba.
14 U għalkemm il-kundizzjoni fiżika tiegħi kienet taʼ sfida għalikom, ma ttrattajtunix b’diżrispett jew tqażżiżtuni,* imma lqajtuni bħal anġlu t’Alla, jew bħal Kristu Ġesù.
15 Fejn hu l-ferħ li kellkom? Għax jien ċert illi kieku stajtu, kontu taqilgħu għajnejkom u tagħtuhomli.
16 Allura sirt l-għadu tagħkom għax qed ngħidilkom il-verità?
17 Ċertu nies qed jagħmlu minn kollox biex jikkonvinċukom tmorru man-naħa tagħhom, imma mhux bi skop tajjeb. Huma jridu jifirdukom minni, ħalli tkunu tixtiequ tmorru warajhom.
18 Minkejja dan, dejjem hu tajjeb li xi ħadd juri interess kbir fikom bi skop tajjeb, u mhux biss meta nkun magħkom jien.
19 Tfal żgħar tiegħi, jien qed nerġaʼ nħoss l-uġigħ minħabba fikom, bħall-uġigħ tal-ħlas, u se nibqaʼ nħossni hekk sakemm il-personalità tagħkom tkun bħal taʼ Kristu.*
20 Nixtieq li kont magħkom bħalissa u li qed inkellimkom b’mod differenti, għax qed inħossni mħawwad bil-mod kif qed taġixxu.
21 Għiduli, intom li tridu tobdu l-Liġi, Ma tafux x’tgħid?
22 Pereżempju, hemm miktub li Abraham kellu żewġ subien, wieħed mill-qaddejja u l-ieħor mill-mara tiegħu li ma kinitx qaddejja.
23 It-tifel tal-qaddejja twieled bħat-tfal l-oħra kollha,* imma t-tifel tal-mara twieled minħabba wegħda.
24 Dawn l-affarijiet għandhom tifsira oħra, għax dawn in-nisa jirrappreżentaw żewġ pattijiet. Wieħed minnhom sar fuq il-Muntanja Sinaj. Dawk kollha li huma taħt dan il-patt huma lsiera. Dan il-patt hu bħal Ħagar.
25 Ħagar tirrappreżenta lis-Sinaj, muntanja fl-Arabja, u s-sitwazzjoni tagħha hi bħal dik taʼ Ġerusalemm illum, għax qiegħda fil-jasar mat-tfal tagħha.
26 Imma Ġerusalemm taʼ fuq hi bħal ommna, u hi mara ħielsa.
27 Għax fl-Iskrittura hemm miktub: “Ifraħ, mara li ma jistax ikollok tfal; għajjat bil-ferħ, mara li m’għandekx l-uġigħ tal-ħlas; għax għalkemm hi abbandunata, għandha ħafna iktar tfal minn dik li għandha raġel.”
28 Issa intom ħuti, tfal tal-wegħda bħalma kien Iżakk.
29 Imma bħalma dak iż-żmien dak li twieled bħat-tfal kollha* beda jippersegwita lil dak li twieled permezz tal-ispirtu, hekk qed jiġri issa.
30 Minkejja dan, x’tgħid l-Iskrittura? “Keċċi ’l barra lill-qaddejja u t-tifel tagħha, għax hu żgur li mhux se jkun werriet mat-tifel taʼ dik li mhix qaddejja.”
31 Għalhekk ħuti, aħna m’aħniex tfal taʼ qaddejja, imma tfal tal-mara li mhix qaddejja.
Noti taʼ taħt
^ Kelma bl-Ebrajk jew bl-Aramajk li tfisser “O Missier!”
^ Jew “bżaqtuli.”
^ Jew “sakemm Kristu jifforma fikom.”
^ Letteralment “skont il-laħam.”
^ Letteralment “skont il-laħam.”