Levitiku 27:1-34

  • Il-fidwa t’affarijiet imwegħdin (1-27)

  • Affarijiet li jiġu ddedikati għalkollox lil Ġeħova (28, 29)

  • Il-fidwa tal-għaxra fil-100 (30-34)

27  Ġeħova kompla jgħid lil Mosè:  “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Jekk raġel jagħmel wegħda speċjali biex joffri l-valur stmat taʼ persuna lil Ġeħova,  il-valur stmat taʼ raġel minn 20 sa 60 sena jkun 50 xekel* fidda skont ix-xekel tal-post qaddis.*  Imma jekk tkun mara, il-valur stmat ikun 30 xekel.  Jekk l-età tkun minn ħames snin sa 20 sena, il-valur stmat taʼ tifel jew taʼ raġel ikun 20 xekel u taʼ tifla jew taʼ mara għaxar xwiekel.  Jekk l-età tkun minn xahar sa ħames snin, il-valur stmat taʼ tifel ikun ħames xwiekel fidda u taʼ tifla jkun tliet xwiekel fidda.  “‘Jekk l-età tkun minn 60 sena ’l fuq, il-valur stmat taʼ raġel ikun 15-il xekel u taʼ mara għaxar xwiekel.  Imma jekk ikun fqir wisq biex iħallas il-valur stmat, irid jieħu lill-persuna quddiem il-qassis, u l-qassis irid jagħti stima tagħha. Il-qassis jagħti stima skont kemm ikun jiflaħ iħallas dak li qed jagħmel il-wegħda.  “‘Jekk il-wegħda tkun annimal li jistaʼ jiġi offrut lil Ġeħova, kulma jistaʼ jingħata lil Ġeħova jsir xi ħaġa qaddisa. 10  Ma jistax jibdel wieħed tajjeb maʼ wieħed ħażin jew wieħed ħażin maʼ wieħed tajjeb. Imma jekk xi darba jibdlu m’annimal ieħor, kemm l-ewwel wieħed u kemm dak li jibdlu miegħu għandhom isiru qaddisin. 11  U jekk ikun annimal mhux nadif li ma jistax jippreżentah b’offerta lil Ġeħova, irid iqiegħed l-annimal quddiem il-qassis. 12  Il-qassis irid jagħti stima tiegħu, sew jekk ikun tajjeb u sew jekk ikun ħażin. U jkun jiswa skont il-valur stmat mill-qassis. 13  Imma jekk xi darba jkun irid jixtrih lura, irid iżid 20 fil-100 mal-valur stmat tiegħu. 14  “‘Jekk raġel iqaddes lil daru bħala xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova, il-qassis irid jagħti stima tagħha, sew jekk tkun tajba u sew jekk tkun ħażina. Għandha tiswa skont kemm jistmaha l-qassis. 15  Imma jekk min iqaddes lil daru jkun irid jixtriha lura, imbagħad irid iżid 20 fil-100 mal-valur stmat tagħha, u ssir tiegħu. 16  “‘Jekk raġel ikun irid iqaddes parti mill-għalqa tiegħu lil Ġeħova, il-valur irid ikun stmat skont kemm hemm bżonn żerriegħa biex tinżeraʼ: 50 xekel fidda għal kull ħomer* żerriegħa tax-xgħir.* 17  Jekk hu jqaddes l-għalqa tiegħu mis-sena tal-Ġublew, il-valur stmat tagħha għandu jibqaʼ l-istess. 18  Jekk iqaddes l-għalqa tiegħu wara l-Ġublew, il-qassis irid jikkalkula l-prezz skont is-snin li jkun fadal sas-sena tal-Ġublew li jkun imiss, u għandu jsir tnaqqis mill-valur stmat. 19  Imma jekk dak li jqaddisha xi darba jerġaʼ jixtri l-għalqa lura, imbagħad irid iżid 20 fil-100 mal-valur stmat tagħha, u din tibqaʼ tiegħu. 20  Jekk l-għalqa ma jixtrihiex lura u tinbiegħ lil raġel ieħor, ma tistax terġaʼ tinxtara lura. 21  Meta l-għalqa tinħeles fil-Ġublew, din issir xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova bħala għalqa li tkun iddedikata lilu. Din issir il-propjetà tal-qassisin. 22  “‘Jekk raġel iqaddes għalqa lil Ġeħova li jkun xtara u li ma tkunx parti mill-art li hu jiret, 23  il-qassis jikkalkula l-ammont tal-valur sas-sena tal-Ġublew, u jagħti l-valur stmat f’dak il-jum. Din hi xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova. 24  Fis-sena tal-Ġublew, l-għalqa terġaʼ lura għand min biegħha lilu, għand sid l-art. 25  “‘Kull valur għandu jkun stmat skont ix-xekel tal-post qaddis. Ix-xekel jiswa 20 gera.* 26  “‘Madankollu, ħadd ma jistaʼ jqaddes l-ewwel ferħ tal-annimali, għax dan jitwieled bħala l-ewwel imwieled għal Ġeħova. Sew jekk barri u sew jekk nagħġa, dawn diġà jkunu taʼ Ġeħova. 27  Jekk ikun fost l-annimali mhux nodfa u jifdih* skont il-valur stmat, irid iżid 20 fil-100 mal-valur tiegħu. Imma jekk ma jinxtarax lura, irid jinbiegħ skont il-valur stmat. 28  “‘Imma kull ħaġa li raġel jiddedika għalkollox* lil Ġeħova minn dak li hu tiegħu ma tistax tinbiegħ jew tinxtara lura, la bniedem, la annimal, u lanqas għalqa. Kull ħaġa ddedikata hi mill-iktar qaddisa għal Ġeħova. 29  Iktar minn hekk, ebda persuna li tkun ikkundannata għall-mewt* ma tistaʼ tiġi mifdija. Żgur li għandha tinqatel. 30  “‘Kull għaxra fil-100* tal-art, sew jekk mill-prodott tal-għalqa u sew jekk mill-frott tas-siġar, hi taʼ Ġeħova. Hi xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova. 31  Jekk raġel xi darba jkun irid jixtri lura xi ħaġa mill-għaxra fil-100 li jkun ta, għandu jżid 20 fil-100 mal-valur tagħha. 32  Kull għaxra fil-100 mill-merħla tal-baqar u tan-nagħaġ, isiru xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova. Dan ifisser li l-għaxar annimal li jgħaddi minn taħt il-bastun tar-ragħaj hu u jgħoddhom, isir t’Alla. 33  M’għandux joqgħod jara jekk hux tajjeb jew ħażin, u lanqas m’għandu jibdlu. Imma jekk xi darba jipprova jibdlu, kemm l-ewwel wieħed u kemm dak li jibdlu miegħu għandhom isiru xi ħaġa qaddisa. Ma jistax jinxtara lura.’” 34  Dawn huma l-kmandamenti li Ġeħova ta lil Mosè għall-Iżraelin fuq il-Muntanja Sinaj.

Noti taʼ taħt

Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.
Jew “skont ix-xekel qaddis.”
Ħomer kien daqs 220 litru. Ara App. B14.
Jiġifieri barley.
Gera kien daqs 0.57 grammi. Ara App. B14.
Jew “jiddedika għall-qerda.”
Jew “iddedikata għall-qerda.”
Jew “L-għexur kollha.”