Levitiku 9:1-24
-
Aron jagħmel l-offerti (1-24)
9 Fit-tmien jum, Mosè għajjat lil Aron, lit-tfal tiegħu, u lill-anzjani* t’Iżrael.
2 Hu qal lil Aron: “Ħu għalik barri żgħir* bħala offerta għad-dnub u muntun bħala offerta tal-ħruq, it-tnejn bla difett, u ppreżentahom quddiem Ġeħova.
3 Imma lill-Iżraelin għidilhom: ‘Ħudu bodbod bħala offerta għad-dnub, barri żgħir* u muntun żgħir, kull wieħed taʼ sena u bla difett, bħala offerta tal-ħruq,
4 u barri u muntun għas-sagrifiċċji tal-paċi, biex toffruhom bħala sagrifiċċju quddiem Ġeħova. Ħudu wkoll offerta taċ-ċereali* mħallta biż-żejt, għaliex illum Ġeħova se jidher lilkom.’”
5 Għalhekk, ħadu quddiem it-tinda tal-laqgħa dak li kien ikkmanda Mosè. Imbagħad il-ġemgħa kollha resqet qrib u qagħdet quddiem Ġeħova.
6 U Mosè qal: “Dan ikkmandakom tagħmlu Ġeħova, sabiex taraw il-glorja taʼ Ġeħova.”
7 Imbagħad Mosè qal lil Aron: “Mur ħdejn l-artal u ppreżenta l-offerta għad-dnub u l-offerta tal-ħruq tiegħek, u agħmel tpattija għalik u għal familtek.* Wara, ippreżenta l-offerta tan-nies u agħmel tpattija għalihom, bħalma kkmanda Ġeħova.”
8 Aron minnufih mar ħdejn l-artal u qatel il-barri żgħir* tal-offerta għad-dnub li kienet għalih.
9 Imbagħad it-tfal t’Aron ippreżentawlu d-demm u hu bell sebgħu fid-demm u poġġieh fuq il-qrun tal-artal, u l-bqija tad-demm ferrgħu man-naħa t’isfel tal-artal.
10 Hu ħaraq fuq l-artal ix-xaħam u l-kliewi u x-xaħam tal-fwied mill-offerta għad-dnub, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
11 U l-laħam u l-ġilda ħaraqhom bin-nar ’il barra mill-kampijiet.
12 Imbagħad Aron qatel l-offerta tal-ħruq, u t-tfal tiegħu newlulu d-demm u hu raxxu fuq kull naħa tal-artal.
13 Huma newlulu l-biċċiet tal-offerta tal-ħruq u r-ras, u ħaraqhom fuq l-artal.
14 Barra minn hekk, ħasel l-imsaren u s-saqajn* u ħaraqhom fuq l-offerta tal-ħruq taʼ fuq l-artal.
15 Imbagħad hu ppreżenta l-offerta tan-nies u ħa l-bodbod tal-offerta għad-dnub li kien għalihom u qatlu u għamel offerta għad-dnub bih bħalma għamel bl-ewwel wieħed.
16 Hu ppreżenta l-offerta tal-ħruq u offrieha skont il-proċedura tas-soltu.
17 Imbagħad hu ppreżenta l-offerta taċ-ċereali u mela idu bi ftit minnha u ħarqu fuq l-artal, flimkien mal-offerta tal-ħruq taʼ filgħodu.
18 Wara, Aron qatel il-barri u l-muntun tas-sagrifiċċju tal-paċi li kien għan-nies. Imbagħad it-tfal tiegħu newlulu d-demm u hu raxxu fuq kull naħa tal-artal.
19 Dwar il-biċċiet tax-xaħam tal-barri, id-denb imxaħħam tal-muntun, ix-xaħam li jiksi l-imsaren, il-kliewi, u x-xaħam tal-fwied,
20 huma poġġew dawn il-biċċiet kollha tax-xaħam fuq l-isdra, u mbagħad hu ħaraq il-biċċiet tax-xaħam fuq l-artal.
21 Imma l-isdra u s-sieq il-leminija, Aron xejjirhom ’il quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova, bħalma kien ikkmanda Mosè.
22 Imbagħad Aron għolla jdejh lejn in-nies u berikhom u niżel minn ħdejn l-artal wara li offra l-offerta għad-dnub, l-offerta tal-ħruq, u s-sagrifiċċji tal-paċi.
23 Fl-aħħar, Mosè u Aron daħlu fit-tinda tal-laqgħa, imbagħad ħarġu u bierku lin-nies.
Issa l-glorja taʼ Ġeħova dehret lin-nies kollha,
24 u Ġeħova bagħat nar u beda jaħraq l-offerta tal-ħruq u l-biċċiet tax-xaħam fuq l-artal. Meta n-nies kollha raw dan, bdew jgħajtu u nxteħtu wiċċhom fl-art.
Noti taʼ taħt
^ Jew “għoġol.”
^ Jew “għoġol.”
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Jew “għat-tribù tiegħek.”
^ Jew “l-għoġol.”
^ Jiġifieri mill-irkoppa sal-għaksa.