Ittra lil-Lhud 7:1-28
7 Għax Melkisedek, li kien ir-re taʼ Salem u qassis tal-Alla l-Iktar Għoli, iltaqaʼ m’Abraham u bierku. Abraham kien ġej lura mill-gwerra fejn qatel ir-rejiet
2 u tah għaxra fil-100 minn kollox. L-ewwel nett, Melkisedek ifisser “Re tal-Ġustizzja,” u kien ukoll ir-re taʼ Salem, li jfisser “Re tal-Paċi.”
3 Ma nafux min huma missieru u ommu, m’hemmx rekords tal-familja tiegħu, taʼ meta twieled, u taʼ meta miet. B’dan il-mod, hu bħall-Iben t’Alla, u għalhekk jibqaʼ qassis għal dejjem.
4 Meta tqis li Abraham, il-kap tal-familja, tah l-aħjar għaxra fil-100 minn dak kollu li rebaħ fil-gwerra, tara kemm dan kien raġel importanti.
5 Skont il-Liġi, it-tfal taʼ Levi li ġew inkarigati bħala qassisin ġew ikkmandati biex jiġbru l-għaxra fil-100 mingħand in-nies, jiġifieri mingħand ħuthom, avolja dawn kienu jiġu minn Abraham.*
6 Imma dan ir-raġel, li ma jiġix mill-familja taʼ Levi, ħa l-għaxra fil-100 mingħand Abraham, il-wieħed li Alla għamel il-wegħda miegħu, u bierku.
7 M’hemmx dubju, il-wieħed li jbierek hu aqwa mill-wieħed li jiġi mbierek.
8 Il-Leviti rċivew l-għaxra fil-100 u huma bnedmin li jmutu, imma l-wieħed bħal Melkisedek li rċieva l-għaxra fil-100, il-Bibbja turi li hu ħaj.
9 Allura nistgħu ngħidu li anki Levi li jirċievi l-għaxra fil-100 ħallas l-għaxra fil-100 permezz t’Abraham,
10 għax meta Melkisedek iltaqaʼ m’Abraham, Levi kien għadu ma twilidtx imma fil-futur kien se jkun dixxendent tiegħu.*
11 L-arranġament biex ikun hemm qassisin mill-familja taʼ Levi kien parti mil-Liġi li ngħatat lill-Iżraelin. Jekk il-qassisin setgħu jgħinu lin-nies isiru mingħajr dnub, allura ma kienx hemm bżonn qassis bħal Melkisedek, għax kien ikun biżżejjed qassis bħal Aron.
12 Jekk l-arranġament tal-qassisin qed jinbidel, anki l-Liġi hemm bżonn li tinbidel.
13 Għax ir-raġel li dwaru ntqalu dawn l-affarijiet kien minn tribù ieħor, u ħadd minn dak it-tribù ma qeda ħdejn l-artal.
14 Għax jidher ċar li l-Mulej tagħna kien mit-tribù taʼ Ġuda, imma Mosè ma qalx li kellu jiġi xi qassis minn dan it-tribù.
15 U dan isir iktar ċar meta jkun hemm qassis ieħor bħal Melkisedek,
16 li jaqdi bħala qassis mhux għax ġej minn xi tribù bħalma kienet titlob il-Liġi, imma bil-qawwa li tgħinu jkollu ħajja li ma tinqeridx.
17 Għax skrittura minnhom tgħid: “Int qassis bħalma kien Melkisedek u se tkun qassis għal dejjem.”
18 B’hekk, il-kmandament taʼ qabel tneħħa, għax kien limitat u mhux taʼ benefiċċju.
19 Għax il-Liġi ma saritx biex tneħħi d-dnub għalkollox, imma Alla tana tama aħjar, u permezz tagħha, aħna nistgħu nkunu qrib tiegħu.
20 Kien permezz taʼ ħalfa li Alla inkariga lil Ġesù bħala qassis.
21 (Għax hemm irġiel li saru qassisin u Alla ma ħalifx dwarhom. Imma hemm raġel li Alla ħalef dwaru meta qal: “Ġeħova* mhux se jbiddel fehmtu* dwar din il-ħalfa: ‘Int qassis għal dejjem.’”)
22 Minħabba f’hekk, Ġesù sar il-garanzija taʼ patt aħjar.
23 Iktar minn hekk, ħafna qassisin qdew wieħed wara l-ieħor, għax minħabba li mietu ma setgħux ikomplu jaqdu.
24 Imma minħabba li Ġesù jgħix għal dejjem, ma jkunx hemm qassis ieħor warajh.
25 Allura jistaʼ anki jsalva għalkollox lil dawk li jersqu lejn Alla permezz tiegħu, għax peress li dejjem ħaj ikun jistaʼ jitlob bil-ħniena għalihom.
26 Għax hu xieraq għalina li jkollna qassis kbir bħal dan, li hu leali, m’għandu ebda ħażen, mingħajr difett, separat minn dawk li jagħmlu d-dnub, u ’l fuq mis-sema.*
27 Għall-kuntrarju taʼ dawk il-qassisin il-kbar, hu m’għandux bżonn joffri sagrifiċċji kuljum, l-ewwel għad-dnubiet tiegħu u mbagħad għal tal-oħrajn, għax hu għamel dan darba għal dejjem meta offra lilu nnifsu.
28 Għax il-Liġi tagħżel bħala qassisin kbar irġiel li huma midinbin,* imma l-ħalfa li saret wara l-Liġi, tagħżel Iben li ntgħamel perfett għal dejjem.
Noti taʼ taħt
^ Jew “dixxendenti t’Abraham.”
^ Jew “jiġi minnu.”
^ Jew “mhux se jiddispjaċih.”
^ Dan milli jidher jirreferi għall-gvernijiet.
^ Jew “li jagħmlu d-dnub.”