L-Aħbar Tajba Skont Marku 6:1-56

  • Ġesù ma jiġix aċċettat fl-inħawi fejn trabba (1-6)

  • Jagħti istruzzjonijiet lit-Tnax dwar l-ippritkar (7-13)

  • Il-mewt taʼ Ġwanni l-Għammied (14-29)

  • Ġesù jitmaʼ 5,000 raġel (30-44)

  • Ġesù jimxi fuq l-ilma (45-52)

  • Ġesù jfejjaq in-nies f’Ġennesaret (53-56)

6  Imbagħad telaq minn hemmhekk u mar fl-inħawi fejn trabba, u d-dixxipli tiegħu marru warajh.  Meta kien is-Sabat, hu beda jgħallem fis-sinagoga, u ħafna minn dawk li semgħuh baqgħu mistagħġbin u qalu: “Dan ir-raġel minn fejn tgħallem dawn l-affarijiet kollha? Għala rċieva dan l-għerf u qed jagħmel dawn il-mirakli?  Dan mhux il-mastrudaxxa, it-tifel taʼ Marija u ħu Ġakbu, Ġużeppi, Ġuda, u Xmun? U lil ħutu l-bniet mhux kollha nafuhom?” Allura m’emmnuhx.  Imma Ġesù qalilhom: “Profeta jiġi rrispettat kullimkien minbarra fejn trabba u mill-familja tiegħu.”  Għalhekk, hu m’għamilx ħafna mirakli hemmhekk u fejjaq biss ftit morda billi qiegħed idejh fuqhom.  Infatti, baqaʼ sorpriż li ma kellhomx fidi fih. Imbagħad mar fl-irħula tal-madwar jgħallem.  Wara, għajjat lit-Tnax ħdejh, u beda jibgħathom tnejn tnejn, u tahom awtorità fuq l-ispirti ħżiena.*  Ukoll, ikkmandahom biex ma jieħdu xejn magħhom għall-vjaġġ ħlief bastun. La ħobż, la basket tal-ikel, u lanqas flus.*  Qalilhom ukoll biex ma jiħdux sandli u tibdila żejda.* 10  Barra minn hekk, hu qalilhom: “F’kull dar li tidħlu, ibqgħu hemm sakemm titilqu minn dik il-belt. 11  U f’kull post fejn ma jilqgħukomx jew ma jkunux iridu jisimgħu, intom u ħerġin minn hemm, farfru saqajkom mit-trab biex ikunu jafu li Alla wissiehom.” 12  Imbagħad huma telqu u bdew ixandru li n-nies għandhom jindmu. 13  Huma keċċew ħafna demonji u dilku biż-żejt lil ħafna nies morda u fejquhom. 14  Issa r-Re Erodi sar jaf b’dan, għax isem Ġesù kien sar magħruf sew, u n-nies bdew jgħidu: “Ġwanni l-Għammied ġie mqajjem mill-mewt. Hu għalhekk li għandu l-qawwa li jagħmel dawn il-mirakli.” 15  Imma oħrajn bdew jgħidu: “Hu Elija.” Jerġaʼ oħrajn bdew jgħidu: “Hu profeta bħal wieħed mill-profeti tal-antik.” 16  Imma meta Erodi semaʼ dan, hu qal: “Dan hu Ġwanni li qtajtlu rasu, hu ġie rxoxtat.” 17  Erodi kien iżżewweġ lil Erodja, il-mara taʼ ħuh Filippu. Hu minħabba fiha li Erodi arresta lil Ġwanni u rabtu fil-ħabs. 18  Għax Ġwanni kien jgħid lil Erodi: “Skont il-Liġi, int ma tistax tiżżewweġ lill-mara taʼ ħuk.” 19  Għalhekk, Erodja kienet tobogħdu u riedet toqtlu, imma ma setgħetx. 20  Peress li Erodi kien jaf li Ġwanni kien raġel sewwa u qaddis, kien jibżaʼ minnu u ma kien iħalli lil ħadd iweġġgħu. Hu kien jieħu pjaċir jisimgħu, allura ma kienx ikun jaf x’se jagħmel bih. 21  Imma Erodja ġietha l-opportunità meta Erodi għalaq żmienu u għamel festa. Hu stieden lill-uffiċjali taʼ pożizzjoni għolja tiegħu, il-kmandanti militari, u l-iktar irġiel importanti tal-Galilija. 22  It-tifla taʼ Erodja daħlet u bdiet tiżfen, u Erodi u dawk li kienu qed jieklu miegħu ħadu pjaċir biha. Ir-re qalilha: “Itlobni kulma trid, u jien nagħtihulek.” 23  Iva, hu ħalfilha: “Jien se nagħtik kulma titlobni, anki nofs is-saltna tiegħi.” 24  Għalhekk hi ħarġet u staqsiet lil ommha: “X’nitolbu?” Hi wiġbitha: “Ras Ġwanni l-Għammied.” 25  Hi mill-ewwel daħlet tiġri għand ir-re u talbitu: “Irridek tagħtini issa stess fuq platt ras Ġwanni l-Għammied.” 26  Għalkemm ir-re sewwed qalbu, xorta aċċetta dak li talbet minħabba li kien ħalef quddiem il-mistidnin tiegħu. 27  Għalhekk, ir-re mill-ewwel bagħat suldat u kkmandah biex iġib ras Ġwanni. Dan mar, qataʼ ras Ġwanni fil-ħabs, 28  ħadha fuq platt, u taha lit-tifla. Imbagħad din tatha lil ommha. 29  Meta d-dixxipli taʼ Ġwanni saru jafu b’dan, huma marru u ħadu l-ġisem tiegħu u qegħduh f’qabar.* 30  L-appostli nġabru madwar Ġesù u qalulu kulma kienu għamlu u għallmu. 31  Imma kien hemm ħafna ġejjin u sejrin, u ma kellhomx ċans jistrieħu u jieklu. Għalhekk qalilhom: “Ejja mmorru f’post imwarrab ħalli tistrieħu ftit.” 32  Allura telqu bid-dgħajsa lejn post imwarrab biex ikunu waħedhom. 33  Imma n-nies rawhom sejrin u ħafna saru jafu b’dan. Huma telqu malajr mill-bliet kollha u waslu qabilhom. 34  Malli niżel mid-dgħajsa, ra folla kbira u tħassarhom, għax kienu bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. Hu beda jgħallimhom ħafna affarijiet. 35  Meta sar il-ħin, id-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan il-post hu mwarrab, u diġà sar ħafna ħin. 36  Ibgħathom fil-kampanja u fl-irħula fil-viċin ħalli jixtru xi ħaġa x’jieklu.” 37  Hu wiġibhom: “Agħtuhom intom xi ħaġa x’jieklu.” Huma qalulu: “Tridna mmorru nixtru b’200 dinar* ħobż u nagħtuh lil dawn in-nies?” 38  Hu qalilhom: “Morru araw kemm għandkom ħobż.” Wara li ċċekkjaw, qalulu: “Għandna ħames ħobżiet, kif ukoll żewġ ħutiet.” 39  Hu qal lin-nies biex ipoġġu fi gruppi fuq il-ħaxix. 40  Għalhekk huma poġġew fi gruppi taʼ 100 u taʼ 50. 41  Hu ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, ħares lejn is-sema, u qal talba. Imbagħad qasam il-ħobż u tah lid-dixxipli biex iqassmuh lin-nies. Hu għamel l-istess biż-żewġ ħutiet. 42  Għalhekk kulħadd kiel u xebaʼ, 43  u b’li kien għad fadal imlew 12-il qoffa, minbarra l-ħut. 44  Kien hemm 5,000 raġel li kielu mill-ħobż. 45  Eżatt wara, hu qal lid-dixxipli tiegħu jitilgħu fid-dgħajsa ħalli jmorru qablu n-naħa l-oħra tax-xatt lejn Betsajda, waqt li hu bagħat lin-nies lejn djarhom. 46  Imma wara li n-nies telqu, hu telaʼ fuq muntanja biex jitlob. 47  Tard filgħaxija, id-dgħajsa kienet f’nofs taʼ baħar, imma hu kien għadu hemm waħdu. 48  Meta kien kważi sebaħ,* hu rahom qed jitħabtu biex jaqdfu, għax ir-riħ kien kontrihom. Għalhekk, mexa lejhom fuq il-baħar. Imma hu kien qisu se jibqaʼ għaddej. 49  Meta rawh miexi fuq il-baħar, huma bdew jgħajtu: “Din xi viżjoni?” 50  Għax huma kollha rawh u tħawdu. Imma hu kellimhom mill-ewwel u qalilhom: “Agħmlu kuraġġ. Jien Ġesù, tibżgħux.” 51  Imbagħad telaʼ fid-dgħajsa magħhom, u r-riħ waqaf. Meta raw dan, baqgħu mbellhin għall-aħħar, 52  għax huma ma kinux fehmu l-miraklu tal-ħobż. Kienu għadhom qed isibuha diffiċli biex jifhmu kollox. 53  Meta qasmu għan-naħa l-oħra, waslu Ġennesaret u ankraw hemm. 54  Imma malli niżlu mid-dgħajsa, in-nies għarfu lil Ġesù. 55  U huma marru jgħidu b’dan lin-nies taʼ dak il-post u bdew iġibu lin-nies morda fuq is-sodod għand Ġesù. 56  U kull fejn kien imur fl-irħula, fil-bliet, jew fil-kampanja kienu jpoġġu l-morda fil-pjazez.* Huma kienu jitolbuh bil-ħniena biex imqar imissu tarf il-libsa tiegħu. U kull min messha, fieq.

Noti taʼ taħt

Letteralment “mhux nodfa.”
Letteralment “ram.”
Letteralment “ma jilbsux żewġ tibdiliet.”
Jew “fil-qabar tat-tifkira.”
Letteralment “fir-rabaʼ għassa.” Jiġifieri minn madwar it-3:00 a.m. sakemm titlaʼ x-xemx madwar is-6:00 a.m.
Jew “fis-swieq.”