L-Aħbar Tajba Skont Mattew 22:1-46
22 Ġesù reġaʼ kellimhom bl-eżempji u qal:
2 “Is-Saltna t’Alla* tistaʼ tiġi mqabbla maʼ re li għamel ikla kbira għat-tieġ taʼ ibnu.
3 Hu bagħat lill-ilsiera tiegħu biex jgħidu lill-mistidnin ħalli jiġu għat-tieġ, imma l-mistidnin ma ridux imorru.
4 Hu reġaʼ bagħat ilsiera oħrajn biex jgħidu lill-mistidnin: ‘Jien ippreparajt l-ikel, u l-barrin u l-aqwa annimali huma maqtulin. Għandi kollox lest. Ejjew għat-tieġ.’
5 Imma l-mistidnin injorawhom, u min telaq lejn l-għalqa tiegħu u min lejn in-negozju tiegħu.
6 Jerġaʼ l-oħrajn qabdu lill-ilsiera, ittrattawhom ħażin, u qatluhom.
7 “Xħin semaʼ b’dan, ir-re rrabja ħafna u bagħat lis-suldati tiegħu biex joqtlu lill-qattiela u jaħarqu l-belt tagħhom.
8 Imbagħad qal lill-ilsiera tiegħu, ‘Kollox hu lest għat-tieġ, imma l-mistidnin ma kienx ħaqqhom jiġu.
9 Għalhekk, morru fit-toroq prinċipali u stiednu lil kull min taraw għat-tieġ.’
10 Dawn l-ilsiera għamlu skont ma qalilhom. Huma marru fit-toroq u stiednu lil kull min sabu, kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena, u l-kamra tat-tieġ imtliet.
11 “Meta r-re daħal jara l-mistidnin, hu nnota raġel li ma kienx liebes għall-okkażjoni.
12 Allura qallu, ‘Sieħbi, int kif dħalt hawn u m’intix liebes adattat?’ U dan ma qallu xejn.
13 Imbagħad ir-re qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Orbtulu jdejh u saqajh u itfgħuh barra fid-dlam fejn se jibki u jħossu ddisprat.’*
14 “Għax ħafna ġew mistidnin, imma ftit huma li ntgħażlu.”
15 Imbagħad il-Fariżej marru u ftiehmu kif se jġiegħlu lil Ġesù jgħid xi ħaġa li jistgħu jakkużawh biha.
16 Għalhekk, bagħtu għandu lid-dixxipli tagħhom flimkien maʼ xi wħud li kienu jappoġġaw lil Erodi. Dawn qalulu: “Għalliem, aħna nafu li int tgħid il-verità u li tgħallem il-verità dwar Alla. Int ma tipprovax tingħoġob min-nies u ma turix preferenzi.
17 Għalhekk għidilna x’taħseb. Skont il-Liġi, għandna* nħallsu t-taxxa* lil Ċesari jew le?”
18 Imma peress li Ġesù kien jaf bl-intenzjoni ħażina tagħhom, qalilhom: “Għala qed tfittxu fuqiex takkużawni, ja ipokriti?
19 Uruni dinar.”* Imbagħad tawh dinar.
20 Hu staqsiehom: “Dan il-wiċċ u l-isem taʼ min huma?”
21 Wiġbuh: “Taʼ Ċesari.” Imbagħad qalilhom: “Mela agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.”
22 Meta semgħu dan, huma stagħġbu u ħallewh bi kwietu.
23 Dakinhar, is-Sadduċej, li ma kinux jemmnu bl-irxoxt, marru u staqsewh:
24 “Għalliem, Mosè qal, ‘Jekk raġel imut mingħajr tfal, ħuh għandu jiżżewweġ lill-mara tiegħu u jkollu t-tfal għal ħuh.’
25 Issa magħna kien hemm sebaʼ aħwa. L-ewwel wieħed iżżewweġ u miet, u ma kellux tfal. Għalhekk, il-mara żżewwiġha ħuh.
26 Dan ukoll miet bla tfal u l-istess ġara lill-oħrajn, sas-sebaʼ wieħed.
27 Imbagħad mietet il-mara wkoll.
28 Allura fl-irxoxt, min se jkun ir-raġel tagħha minn dawn is-sebgħa la kollha żżewġuha?”
29 Ġesù wiġibhom: “Għandkom żball, għax la tafu l-Iskrittura u lanqas kemm hi kbira l-qawwa t’Alla.
30 Għax fl-irxoxt la l-irġiel u lanqas in-nisa mhu se jiżżewġu, imma se jkunu bħall-anġli.
31 Ma qrajtux dwar l-irxoxt tal-mejtin u dwar dak li qalilkom Alla? Hu qal:
32 ‘Jien l-Alla t’Abraham, l-Alla taʼ Iżakk, u l-Alla taʼ Ġakobb.’ Mela hu l-Alla tal-ħajjin u mhux tal-mejtin.”
33 Meta semgħu dan, il-folol stagħġbu bit-tagħlim tiegħu.
34 Meta l-Fariżej semgħu li kien għalaq ħalq is-Sadduċej, dawn marru flimkien għandu.
35 Wieħed minnhom li kien jaf il-Liġi sew, ittestjah billi staqsieh:
36 “Għalliem, liema hu l-iktar kmandament importanti fil-Liġi?”
37 Hu qallu: “‘Għandek tħobb lil Ġeħova* l-Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek* kollha, u b’moħħok kollu.’
38 Dan hu l-ewwel kmandament u l-iktar importanti.
39 It-tieni jixbhu u jgħid hekk: ‘Ħobb lil ħaddieħor bħalek innifsek.’
40 Fuq dawn iż-żewġ kmandamenti huma bbażati l-Liġi u l-kitbiet tal-profeti.”
41 Meta l-Fariżej kienu miġburin flimkien, Ġesù staqsiehom:
42 “X’taħsbu dwar il-Kristu? It-tifel taʼ min hu?” Huma qalulu: “Taʼ David.”
43 Hu qalilhom: “Allura David kif permezz tal-ispirtu qaddis irrefera għalih bħala Mulej? Għax hu qal,
44 ‘Ġeħova* qal lill-Mulej tiegħi: “Poġġi fuq in-naħa tal-lemin tiegħi sakemm inqiegħed l-għedewwa tiegħek taħt saqajk.”’
45 Għalhekk, jekk David irrefera għall-Kristu bħala Mulej, kif jistaʼ jkun li hu t-tifel tiegħu?”
46 U ħadd ma setaʼ jwieġbu, u minn dakinhar ’il quddiem ħadd ma ssogra jistaqsih xi ħaġa oħra.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “Is-Saltna tas-smewwiet.”
^ Letteralment “jheżżeż snienu.
^ Jew “Hu tajjeb li.”
^ Milli jidher din kienet taxxa li kellu jagħtiha kull individwu.