L-Aħbar Tajba Skont Mattew 24:1-51

  • IS-SINJAL TAʼ META KRISTU JIĠI LURA (1-51)

    • Gwerer, nuqqas taʼ ikel, u terremoti (7)

    • L-aħbar tajba se tiġi ppritkata (14)

    • Żmien taʼ tbatija kbira (21, 22)

    • Is-sinjal taʼ Bin il-bniedem (30)

    • Is-siġra tat-tin (32-34)

    • Bħal żmien Noè (37-39)

    • Ibqgħu għassa (42-44)

    • L-ilsir leali u lsir ħażin (45-51)

24  Hekk kif Ġesù telaq mit-tempju, id-dixxipli tiegħu resqu lejh biex juruh il-bini tat-tempju.  Ġesù qalilhom: “Qed tarawh dan kollu? Naċċertakom li l-ġebel kollu se jitwaqqaʼ u ma tibqax ġebla fuq oħra.”  Waqt li kien bilqiegħda fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ, id-dixxipli resqu lejh waqt li kien waħdu u qalulu: “Għidilna, meta se jiġru dawn l-affarijiet, u x’se jkun is-sinjal taʼ meta tiġi lura* u tat-tmiem taʼ din id-dinja?”*  Ġesù wiġibhom: “Oqogħdu attenti li ħadd ma jqarraq bikom,  għax ħafna se jiġu u jużaw ismi u jgħidu, ‘Jien il-Kristu,’ u jqarrqu b’ħafna.  Se tisimgħu bi gwerer f’postijiet differenti. Tibżgħux, għax dawn l-affarijiet iridu jiġru, imma ma jkunx għadu t-tmiem.  “Se jkun hemm il-ġlied bejn poplu u ieħor u bejn pajjiż u ieħor, u se jkun hemm nuqqas taʼ ikel u terremoti f’post wara l-ieħor.  Dawn l-affarijiet kollha huma l-bidu taʼ żmien taʼ tbatija.*  “In-nies se jippersegwitawkom u joqtlukom, u l-popli kollha se jobogħdukom minħabba li intom dixxipli tiegħi. 10  Imbagħad ħafna ma jibqgħux jafdaw f’Alla,* jittradixxu lil xulxin, u jobogħdu lil xulxin. 11  Se jkun hemm ħafna profeti foloz li jqarrqu b’ħafna. 12  U peress li jiżdied il-ħażen, il-biċċa l-kbira tan-nies ma jibqgħux iħobbu lil oħrajn. 13  Imma min jissaporti sal-aħħar se jsalva. 14  U din l-aħbar tajba tas-Saltna* se tiġi ppritkata mad-dinja kollha biex tingħata xhieda lill-popli kollha, u mbagħad jiġi t-tmiem. 15  “Għalhekk, bħalma qal Alla permezz tal-profeta Danjel, intom se taraw fil-post qaddis il-ħaġa moqżieża li se teqred l-affarijiet kollha (ħa juża moħħu l-qarrej).* 16  Meta dawk li jkunu fil-Lhudija jaraw dan, għandhom jaħarbu lejn il-muntanji. 17  Min ikun fuq il-bejt m’għandux jidħol id-dar tiegħu biex jieħu l-affarijiet. 18  Min ikun fl-għalqa m’għandux imur lura biex jieħu l-ħwejjeġ tiegħu. 19  Ħa jkun żmien ikrah għan-nisa tqal u għal dawk li jkunu qed jieħdu ħsieb xi tarbija. 20  Ibqgħu itolbu biex ma jkollkomx għalfejn taħarbu fix-xitwa jew f’jum is-Sabat. 21  Dan għax se jkun żmien taʼ tbatija kbira* li qatt ma kien hawn bħalu fid-dinja u li qatt mhu se jerġaʼ jkun hawn. 22  Fil-fatt, jekk dan iż-żmien ma jitqassarx, ħadd ma jsalva, imma minħabba l-magħżulin dan iż-żmien se jitqassar. 23  “Mela jekk xi ħadd jgħidilkom, ‘Hawn qiegħed il-Kristu!’ jew, ‘Hemm qiegħed!’ temmnuhx. 24  Għax se jkun hemm Kristijiet foloz u profeti foloz li se jagħmlu mirakli kbar biex iqarrqu, anki bil-magħżulin. 25  Jien qed inwissikom minn qabel. 26  Għalhekk, jekk in-nies jgħidulkom li l-Kristu qiegħed fid-deżert, tmorrux hemm. U jekk jgħidulkom li qiegħed fil-kmamar taʼ ġewwa, temmnuhomx. 27  Għax iż-żmien meta nerġaʼ niġi jien,* Bin il-bniedem, se jkun bħal sajjetta mil-Lvant li tidher ukoll mill-Punent. 28  Fejn ikun hemm il-ġisem mejjet, ikun hemm l-ajkli miġburin. 29  “Eżatt wara ż-żmien tat-tbatija, ix-xemx se tiddallam, il-qamar mhux se jagħti d-dawl, l-istilel se jaqgħu mis-sema, u l-affarijiet li hemm fis-sema jitheżżu. 30  Imbagħad fis-sema se jidher is-sinjal tiegħi, Bin il-bniedem, u n-nies* kollha tal-art se juru li huma mdejqin ħafna* u se jarawni ġej fis-sħab tas-sema b’qawwa u glorja kbira. 31  Se jinstemaʼ ħoss qawwi taʼ trumbetta, u mbagħad nibgħat lill-anġli tiegħi biex jiġbru l-magħżulin mill-erbaʼ naħat tad-dinja, minn tarf sa tarf tas-sema. 32  “Tgħallmu mis-siġra tat-tin: Meta din toħroġ friegħi ġodda u ttellaʼ l-weraq, tkunu tafu li ġej is-sajf. 33  Bl-istess mod, meta intom taraw dawn l-affarijiet kollha, tkunu tafu li jien kważi wasalt.* 34  Naċċertakom li dawn l-affarijiet kollha se jiġru qabel ma tmut din il-ġenerazzjoni. 35  Is-sema u l-art se jispiċċaw, imma dak li ngħid jien se jibqaʼ għal dejjem. 36  “Ħadd ma jaf meta u x’ħin ġejja din il-ġurnata, la l-anġli tas-sema u lanqas jien, l-Iben. Il-Missier biss jaf. 37  Iż-żmien meta niġi jien,* Bin il-bniedem, se jkun bħal żmien Noè. 38  Għax qabel id-Dulluvju n-nies kienu aljenati jieklu, jixorbu, u jiżżewġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka. 39  Huma ma tawx kas, u ġie d-Dulluvju u kaxkarhom kollha. Hekk se jiġri meta niġi jien, Bin il-bniedem. 40  Żewġt irġiel se jkunu fl-għalqa; wieħed se jiġi aċċettat u l-ieħor se jiġi abbandunat. 41  Żewġ nisa se jkunu qed jitħnu l-qamħ; waħda se tiġi aċċettata u l-oħra se tiġi abbandunata. 42  Għalhekk, ibqgħu għassa, għax ma tafux il-jum meta se niġi jien, il-Mulej tagħkom. 43  “Imma kunu afu li kieku sid id-dar kien jaf x’ħin ġej il-ħalliel, kien jibqaʼ mqajjem u ma jħallix il-ħalliel jidħol f’daru. 44  Għalhekk, uru li intom lesti wkoll, għax jien, Bin il-bniedem, ġej f’ħin li ma tkunux qed tistennew. 45  “Min hu verament l-ilsir leali u għaqli li sidu inkarigah fuq il-qaddejja taʼ daru biex jagħtihom l-ikel fiż-żmien xieraq? 46  Dan l-ilsir se jkun ferħan meta sidu jiġi u jsibu jagħmel dan! 47  Naċċertakom li hu se jinkarigah fuq kulma għandu. 48  “Imma jekk l-ilsir ikun ħażin u bejnu u bejn ruħu jgħid, ‘Sidi qed idum biex jiġi,’ 49  u jibda jsawwat lill-ilsiera sħabu u jiekol u jixrob maʼ dawk li jiskru, 50  sidu se jiġi f’ħin u f’ġurnata li ma jkunx qed jistennieh. 51  Sidu se jikkastigah bl-iktar mod aħrax u jitfgħu mal-ipokriti, fejn se jibki u jħossu ddisprat.*

Noti taʼ taħt

Letteralment “tal-preżenza tiegħek.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “taʼ din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “tal-uġigħ tal-ħlas,” jiġifieri wġigħ taʼ meta mara tkun qed twelled.
Letteralment “jitfixklu.”
Jew “il-Gvern (it-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jiġifieri ħa jifhem il-profezija taʼ Danjel.
Letteralment “tribulazzjoni kbira.”
Jew “il-preżenza tiegħi.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “it-tribujiet.”
Jew “se jibku u jħabbtu fuq sidirhom.”
Jew “jien qiegħed ħdejn il-bieb.”
Jew “Il-preżenza tiegħi.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “jheżżeż snienu.”