L-Aħbar Tajba Skont Mattew 8:1-34
8 Wara li niżel minn fuq il-muntanja, folol kbar marru warajh.
2 U resaq lejh wieħed li kellu l-ġdiem u miel quddiemu u qallu: “Mulej, naf li tistaʼ tfejjaqni, jekk tixtieq.”
3 U Ġesù messu u qallu: “Iva nixtieq. Fiq.” U fieq mill-ġdiem mill-ewwel.
4 Imbagħad Ġesù qallu: “Qis li ma tgħid lil ħadd, imma mur għand il-qassis biex jarak u agħmel offerta bħalma kkmanda Mosè biex turi li int nadif.”
5 Meta Ġesù daħal Kafarnahum, mar fuqu uffiċjal tal-armata u talbu bil-ħniena:
6 “Sinjur, il-qaddej tiegħi qiegħed mimdud fis-sodda d-dar u ma jistax jiċċaqlaq u qed ibati ħafna.”
7 Wieġbu: “Meta nasal hemm, infejqu.”
8 L-uffiċjal wieġbu: “Sinjur, jien ma jistħoqqlix li int tidħol taħt is-saqaf tiegħi, imma jekk minn hawn tikkmanda lill-qaddej tiegħi biex ifiq, hu jfiq.
9 Għax anki jien, li għandi min jikkmandani, għandi suldati taħti. U lil min ngħidlu biex imur, imur, u lil min ngħidlu biex jiġi, jiġi. U meta nikkmanda lill-ilsir biex jagħmel xi ħaġa, hu jagħmilha.”
10 Meta Ġesù semaʼ dan baqaʼ mistagħġeb u qal lil dawk li marru warajh: “Ngħidilkom il-verità, ma sibt lil ħadd f’Iżrael li għandu fidi kbira daqs tiegħu.
11 Infatti se jiġu ħafna mil-Lvant u l-Punent li joqogħdu mal-mejda m’Abraham, Iżakk, u Ġakobb fis-Saltna t’Alla.*
12 Imma t-tfal tas-Saltna se jiġu mitfugħin ’il barra fid-dlam. Hemmhekk se jibku u jħossuhom iddisprati.”*
13 Imbagħad Ġesù qal lill-uffiċjal tal-armata: “Tistaʼ tmur. Talli wrejt il-fidi, se tiġi ppremjat.” U l-qaddej tiegħu fieq dak il-ħin stess.
14 Meta Ġesù wasal id-dar taʼ Pietru, hu ra l-kunjata taʼ Pietru fis-sodda bid-deni.
15 Hu qabdilha idha u d-deni niżel għalkollox, u bdiet tagħmlilhom xi ħaġa x’jieklu.
16 Filgħaxija n-nies ħadulu lil dawk li kellhom xi demonju ġo fihom u hu keċċa l-ispirti b’kelma waħda, u fejjaq lil dawk kollha li kienu qed ibatu.
17 B’hekk seħħ dak li qal Alla permezz tal-profeta Isaija: “Hu neħħa l-mard u l-uġigħ tagħna.”
18 Meta Ġesù ra l-folla madwaru, hu ddeċieda li jmur in-naħa l-oħra tax-xatt mad-dixxipli tiegħu.
19 U skriba mar ħdejh u qallu: “Għalliem, jien se niġi warajk kull fejn tmur.”
20 Imma Ġesù qallu: “Il-volpijiet għandhom il-ħofor fejn jgħixu u l-għasafar għandhom il-bejtiet, imma jien, Bin il-bniedem, m’għandix dar tiegħi fejn norqod.”*
21 Imbagħad wieħed mid-dixxipli qallu: “Mulej, ħallini mmur nidfen lil missieri l-ewwel.”
22 Ġesù qallu: “Ibqaʼ imxi warajja, u ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom.”*
23 Imbagħad Ġesù u d-dixxipli tiegħu telgħu fuq dgħajsa.
24 Imma iktar tard qamet maltempata kbira fuq il-baħar, u d-dgħajsa bdiet titgħatta bil-mewġ li kien hemm, iżda Ġesù baqaʼ rieqed.
25 Huma marru jqajmuh u qalulu: “Mulej salvana, għax se negħrqu!”
26 Imma hu qalilhom: “Għala qed tibżgħu daqshekk? M’għandkomx biżżejjed fidi?” Imbagħad qam, ikkmanda r-riħ u l-baħar biex jieqfu, u waqgħet kalma kbira.
27 Għalhekk, id-dixxipli baqgħu mbellhin u qalu: “Dan min hu, biex anki r-riħ u l-baħar jobduh?”
28 Meta wasal in-naħa l-oħra, fl-art tal-Gadarin, hu ltaqaʼ maʼ żewġt irġiel li ħarġu minn qalb l-oqbra* u li kellhom demonju fihom. Huma tant kienu vjolenti li ħadd ma kellu l-kuraġġ jgħaddi minn dik it-triq.
29 Huma bdew jgħajtu: “X’għandna x’naqsmu miegħek, Bin Alla? Jaqaw ġejt tikkastigana qabel il-waqt?”
30 Ftit ’il bogħod minnhom kien hemm ħafna ħnieżer qed jieklu.
31 Għalhekk, id-demonji bdew jitolbuh bil-ħniena: “Jekk se tkeċċina, itfagħna fil-ħnieżer.”
32 Hu qalilhom: “Morru!” Għalhekk, huma ħarġu mill-irġiel u marru fil-ħnieżer. U l-ħnieżer kollha ġrew lejn l-irdum, qabżu, u għerqu.
33 Dawk li kienu jieħdu ħsieb il-ħnieżer ħarbu lejn il-belt u qalu lin-nies b’kulma ġara, anki x’kien ġralhom l-irġiel li kellhom id-demonji.
34 U n-nies kollha tal-belt ħarġu biex jiltaqgħu maʼ Ġesù, u meta rawh, talbuh biex jitlaq minn hemm.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “fis-Saltna tas-smewwiet.” Jew “fil-Gvern (fit-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “jheżżu snienhom.”
^ Letteralment “m’għandi mkien fejn immidd rasi.”
^ Milli jidher jirreferi għal dawk mejta spiritwalment.
^ Jew “l-oqbra tat-tifkira.”