Numri 35:1-34
35 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab, ħdejn il-Ġordan f’Ġeriko:
2 “Ikkmanda lill-Iżraelin biex jagħtu lil-Leviti bliet mill-wirt tagħhom ħalli joqogħdu fihom, u għandhom jagħtu lil-Leviti l-art taʼ madwar il-bliet fejn jirgħaw l-annimali.
3 Huma joqogħdu fil-bliet, u l-art taʼ madwar il-bliet jużawha għall-imrieħel, għal kulma hu meħtieġ biex iżommuhom, u għall-annimali l-oħrajn kollha tagħhom.
4 L-art taʼ madwar il-bliet li tagħtu lil-Leviti mis-swar ’il barra tkun 1,000 kubitu* mad-dawra kollha.
5 U għandkom tkejlu ’l barra mill-belt 2,000 kubitu fuq in-naħa tal-Lvant, 2,000 kubitu fuq in-naħa tan-Nofsinhar, 2,000 kubitu fuq in-naħa tal-Punent, u 2,000 kubitu fuq in-naħa tat-Tramuntana, bil-belt fin-nofs. Din tkun l-art tal-bliet tagħhom fejn jirgħaw l-annimali.
6 “Tridu tagħtu sitt ibliet tar-refuġju lil-Leviti, biex dak li joqtol lil xi ħadd mhux apposta jaħrab hemmhekk, kif ukoll 42 belt oħra.
7 B’kollox, lil-Leviti tridu tagħtuhom 48 belt u l-art taʼ magħhom fejn jirgħaw l-annimali.
8 Il-bliet li tagħtuhom ikunu mill-wirt tal-Iżraelin. Mingħand grupp kbir tieħdu ħafna, u mingħand grupp żgħir tieħdu ftit. Kull grupp jagħti ftit mill-bliet tiegħu lil-Leviti skont il-wirt li jirċievi.”
9 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu:
10 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Intom se taqsmu l-Ġordan biex tmorru fl-art taʼ Kangħan.
11 Tridu tagħżlu bliet konvenjenti għalikom biex iservu bħala bliet tar-refuġju, fejn għandu jaħrab min joqtol lil xi ħadd mhux apposta.
12 Dawn il-bliet iservu bħala refuġju għalikom minn dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm, sabiex dak li joqtol ma jmutx qabel ma jgħaddi ġuri quddiem il-ġemgħa.
13 Is-sitt ibliet tar-refuġju li tagħtu jkunu għal dan l-iskop.
14 Tagħtu tlett ibliet din in-naħa tal-Ġordan u tlett ibliet fl-art taʼ Kangħan bħala bliet tar-refuġju.
15 Dawn is-sitt ibliet se jservu bħala refuġju għall-Iżraelin, għar-residenti barranin, u għall-immigranti fosthom, biex kull min joqtol lil xi ħadd mhux apposta jaħrab fihom.
16 “‘Imma jekk jagħtih daqqa b’xi ħaġa tal-ħadid u jmut, hu jkun qattiel. Il-qattiel żgur li għandu jinqatel.
17 U jekk jagħtih daqqa b’ġebla li biha jistaʼ jmut, u jmut, hu jkun qattiel. Il-qattiel żgur li għandu jinqatel.
18 U jekk jagħtih daqqa b’xi ħaġa tal-injam li biha jistaʼ jmut, u jmut, hu jkun qattiel. Il-qattiel żgur li għandu jinqatel.
19 “‘Dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm għandu jkun dak li joqtol lill-qattiel. Meta jiltaqaʼ miegħu, joqtlu hu stess.
20 Jekk individwu jmut minħabba li xi ħadd jimbottah b’mibegħda, iwaddablu xi ħaġa b’intenzjoni ħażina,*
21 jew jagħtih daqqa taʼ ponn b’mibegħda, dak li jkun għamel hekk żgur li għandu jinqatel. Hu jkun qattiel. Min ikollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm għandu joqtol lill-qattiel meta jiltaqaʼ miegħu.
22 “‘Imma ejja ngħidu li individwu jkun qatel lil xi ħadd għax imbottah jew waddablu xi ħaġa b’aċċident u mhux b’mibegħda jew b’intenzjoni ħażina,*
23 jew joqtlu għax iwaddab jew iwaqqa’ ġebla fuqu mingħajr ma jarah, u mingħajr ma jkun l-għadu tiegħu jew irid iweġġgħu.
24 F’dan il-każ, il-ġemgħa trid tiġġudika bejnu u bejn dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm skont dawn il-liġijiet.
25 Il-ġemgħa trid teħles lil dak li jkun qatel minn id dak li għandu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm, u tieħdu lura lejn il-belt tar-refuġju tiegħu li jkun ħarab fiha. Hu jrid jgħix fiha sakemm imut il-qassis il-kbir li jkun ġie midluk* biż-żejt qaddis.
26 “‘Imma jekk dak li jkun qatel joħroġ ’il barra minn tarf il-belt tar-refuġju li jkun ħarab fiha,
27 u dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm isibu u joqtlu, hu ma jkunx ħati taʼ qtil.*
28 Għax dak li jkun qatel għandu jgħix fil-belt tar-refuġju tiegħu sal-mewt tal-qassis il-kbir. Imma wara, hu jkun jistaʼ jmur lura fl-art tiegħu.
29 Dawn huma l-liġijiet li għandkom issegwu meta tiġġudikaw dawn il-każijiet matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom fil-postijiet kollha fejn tgħixu.
30 “‘Kull min joqtol lil xi ħadd għandu jinqatel bħala qattiel skont dak li jgħidu x-xhieda. Imma ħadd m’għandu jinqatel fuq dak li jgħid xhud wieħed.
31 M’għandkomx tieħdu fidwa* għall-ħajja taʼ qattiel li ħaqqu jmut, għax żgur li għandu jinqatel.
32 U m’għandkomx tieħdu fidwa għal dak li jaħrab lejn il-belt tar-refuġju tiegħu biex ikun jistaʼ jerġaʼ jmur jgħix f’artu qabel il-mewt tal-qassis il-kbir.
33 “‘Tniġġsux l-art li qegħdin fiha, għax id-demm iniġġes l-art, u m’hemm ebda tpattija għad-demm li jkun ixxerred fuq l-art ħlief bid-demm taʼ dak li jkun xerrdu.
34 Tniġġsux l-art li tgħixu fiha, l-art li jien qed noqgħod fiha; għax jien, Ġeħova, qed noqgħod f’nofs il-poplu t’Iżrael.’”
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “waqt li jkun qed jonsoblu.”
^ Letteralment “bla ma jkun qed jonsoblu.”
^ Jew “ħati tad-demm.”