Numri 8:1-26

  • Aron jixgħel is-sebaʼ lampi (1-4)

  • Il-Leviti jitnaddfu u jibdew jagħtu servizz (5-22)

  • L-etajiet għas-servizz tal-Leviti (23-26)

8  Ġeħova kellem lil Mosè u qallu:  “Kellem lil Aron u għidlu, ‘Meta tixgħel is-sebaʼ lampi taʼ fuq il-gandlier, għandek tpoġġihom b’mod li jdawlu n-naħa taʼ quddiem il-gandlier.’”  Allura Aron xegħel il-lampi biex idawwal in-naħa taʼ quddiem il-gandlier, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.  Hekk kien maħdum il-gandlier: Kien tad-deheb maħdum bil-martell; miz-zokk sal-petali tiegħu, kien maħdum bil-martell. Il-gandlier sar skont il-viżjoni li Ġeħova kien wera lil Mosè.  Ġeħova reġaʼ kellem lil Mosè u qallu:  “Ħu l-Leviti minn fost l-Iżraelin, u naddafhom b’mod ċerimonjali.  Għandek tnaddafhom hekk: Roxx fuqhom ilma li jnaddaf id-dnub, u jridu jqaxxru s-suf taʼ ġisimhom kollu u xagħarhom bil-mus, jaħslu ħwejjiġhom, u jitnaddfu.  Imbagħad jieħdu barri żgħir* u l-offerta taċ-ċereali* taʼ dqiq fin imħallat biż-żejt li joffru miegħu, u int tieħu barri żgħir ieħor għal offerta għad-dnub.  U trid tippreżenta l-Leviti quddiem it-tinda tal-laqgħa u tiġbor lill-ġemgħa kollha tal-Iżraelin. 10  Meta tippreżenta l-Leviti quddiem Ġeħova, l-Iżraelin iridu jqiegħdu jdejhom fuq il-Leviti. 11  U Aron irid joffri* lil-Leviti quddiem Ġeħova bħala offerta li tiġi mxejra mingħand l-Iżraelin, u huma jagħmlu s-servizz taʼ Ġeħova. 12  “Imbagħad il-Leviti jqiegħdu jdejhom fuq l-irjus tal-barrin. Wieħed jiġi offrut bħala offerta għad-dnub u l-ieħor bħala offerta tal-ħruq lil Ġeħova biex issir tpattija għal-Leviti. 13  U qiegħed lil-Leviti quddiem Aron u t-tfal tiegħu. U Aron joffrihom* bħala offerta li tiġi mxejra lil Ġeħova. 14  U warrab lil-Leviti minn fost l-Iżraelin, u l-Leviti jsiru tiegħi. 15  Imbagħad, il-Leviti jidħlu jaqdu fit-tinda tal-laqgħa. Dan hu l-mod kif għandek tnaddafhom u toffrihom* bħala offerta li tiġi mxejra. 16  Għax huma wħud mogħtijin lili minn fost l-Iżraelin. Jien se niħodhom għalija minflok dawk kollha li twieldu l-ewwel* mill-Iżraelin. 17  Għax kull l-ewwel imwieled fost l-Iżraelin hu tiegħi, kemm bniedem u kemm annimal. Jien qaddisthom għalija dakinhar li qtilt lil kull l-ewwel imwieled fl-art tal-Eġittu. 18  Jien se nieħu l-Leviti minflok dawk kollha li twieldu l-ewwel mill-Iżraelin. 19  Nagħti l-Leviti lil Aron u lit-tfal tiegħu minn fost l-Iżraelin, biex jagħmlu s-servizz għan-nom tal-Iżraelin fit-tinda tal-laqgħa u biex jagħmlu tpattija għalihom. B’hekk ebda kastig ma jiġi fuq l-Iżraelin minħabba li jkunu resqu lejn il-post qaddis.” 20  Mosè, Aron, u l-ġemgħa kollha tal-Iżraelin għamlu dak kollu li Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè dwar il-Leviti. 21  Għalhekk, il-Leviti tnaddfu b’mod ċerimonjali u ħaslu ħwejjiġhom, u wara Aron offriehom* bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova. Imbagħad Aron għamel tpattija għalihom biex inaddafhom. 22  Minn dakinhar, il-Leviti daħlu biex jagħmlu s-servizz tagħhom fit-tinda tal-laqgħa quddiem Aron u t-tfal tiegħu. Sar eżatt bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè dwar il-Leviti. 23  Ġeħova issa kellem lil Mosè u qallu: 24  “Dan japplika għal-Leviti: L-irġiel minn 25 sena ’l fuq jingħaqdu mal-grupp li jaqdi fis-servizz tat-tinda tal-laqgħa. 25  Imma meta jagħlqu 50 sena, jirtiraw mill-grupp tas-servizz u ma jaqdux iktar. 26  Huma jistgħu jgħinu lil ħuthom li qed jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet fit-tinda tal-laqgħa, imma m’għandhomx jagħtu servizz hemm. Hekk għandek tagħmel dwar il-Leviti u r-responsabbiltajiet tagħhom.”

Noti taʼ taħt

Jew “għoġol.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Letteralment “ixejjer,” jiġifieri jġegħelhom jiċċaqalqu ’l quddiem u lura.
Letteralment “ixejjirhom,” jiġifieri jġegħelhom jiċċaqalqu ’l quddiem u lura.
Letteralment “ixxejjirhom,” jiġifieri jġegħelhom jiċċaqalqu ’l quddiem u lura.
Letteralment “kull l-ewwel imwieled li jiftaħ il-ġuf.”
Letteralment “xejjirhom,” jiġifieri jġegħelhom jiċċaqalqu ’l quddiem u lura.