Ħajja Tal-Familja Li Togħġob Lil Alla
Lezzjoni Nru. 8
Ħajja Tal-Familja Li Togħġob Lil Alla
X’inhi l-pożizzjoni tar-raġel fil-familja? (1)
Raġel kif għandu jittratta lil martu? (2)
Missier liema responsabbiltajiet għandu? (3)
X’inhu l-irwol tal-mara fil-familja? (4)
Alla x’jirrikjedi mill-ġenituri u mill-ulied? (5)
X’inhi l-ħarsa tal-Bibbja dwar is-separazzjoni u dwar id-divorzju? (6, 7)
1. Il-Bibbja tgħid li r-raġel hu l-kap tal-familja tiegħu. (1 Korintin 11:3) Raġel għandu jkollu mara waħda. Huma għandhom ikunu miżżewġin kif suppost skond il-liġi.—1 Timotju 3:2; Titu 3:1.
2. Raġel għandu jħobb lil martu bħalma jħobb lilu nnifsu. Għandu jittrattaha bil-mod li Ġesù jittratta lis-segwaċi tiegħu. (Efesin 5:25, 28, 29) Qatt m’għandu jsawwat lil martu jew b’xi mod jaħqarha. Anzi, għandu juriha unur u rispett.—Kolossin 3:19; 1 Pietru 3:7.
3. Missier għandu jaħdem iebes biex jieħu ħsieb il-familja tiegħu. Irid jipprovdi l-ikel, l-ilbies, u l-post fejn jgħixu martu u wliedu. Missier għandu jipprovdi wkoll il-bżonnijiet spiritwali tal-familja. (1 Timotju 5:8) Għandu jkun fuq quddiem f’li jgħin lill-familja tiegħu biex jitgħallmu dwar Alla u l-iskopijiet Tiegħu.—Dewteronomju 6:4-9; Efesin 6:4.
4. Mara għandha tkun t’għajnuna siewja għal żewġha. (Ġenesi 2:18) Għandha tgħin lil żewġha f’li jgħallem u jħarreġ lil uliedhom. (Proverbji 1:8) Jehovah jirrikjedi li l-mara tieħu ħsieb il-familja b’imħabba. (Proverbji 31:10, 15, 26, 27; Titu 2:4, 5) Hi għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.—Efesin 5:22, 23, 33.
5. Alla jirrikjedi li t-tfal jobdu lill-ġenituri. (Efesin 6:1-3) Jistenna li l-ġenituri jistruwixxu u jikkoreġu lil uliedhom. Il-ġenituri jridu jqattgħu l-ħin maʼ wliedhom u jistudjaw il-Bibbja magħhom billi jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali u emozzjonali tagħhom. (Dewteronomju 11:18, 19; Proverbji 22:6, 15) Il-ġenituri qatt m’għandhom jiddixxiplinaw lil uliedhom b’mod aħrax jew kiefer.—Kolossin 3:21.
6. Meta tnejn miżżewġin ikollhom xi problemi kif jittrattaw maʼ xulxin, għandhom jipprovaw japplikaw pariri mill-Bibbja. Il-Bibbja tħeġġiġna biex nuru mħabba u nkunu lesti li naħfru. (Kolossin 3:12-14) Il-Kelma t’Alla ma tinkuraġġix is-separazzjoni bħala mezz biex issolvi problemi żgħar. Imma mara tistaʼ tagħżel li titlaq lil żewġha jekk (1) b’ras iebsa jirrifjuta li jmantni lill-familja, (2) hu tant vjolenti li saħħitha u ħajjitha huma fil-periklu, jew (3) l-oppożizzjoni estrema tiegħu tagħmilha impossibbli għaliha li tqim lil Jehovah.—1 Korintin 7:12, 13.
7. Il-miżżewġin iridu jkunu leali lejn xulxin. L-adulterju huwa dnub kontra Alla u kontra s-sieħeb jew sieħba. (Lhud 13:4) Relazzjoni sesswali barra miż-żwieġ hija l-unika bażi Skritturali għal divorzju li tippermetti żwieġ mill-ġdid. (Mattew 19:6-9; Rumani 7:2, 3) Jehovah jobgħod meta n-nies jiddivorzjaw mingħajr raġunijiet Skritturali u jiżżewġu lil xi ħadd ieħor.—Malakija 2:14-16.
[Stampi f’paġna 16, 17]
Alla jistenna li l-ġenituri jistruwixxu lil uliedhom u jikkoreġuhom
[Stampa f’paġna 17]
Missier li jħobb, jipprovdi għall-familja materjalment u spiritwalment