Kif Ix-Xhieda Taʼ Jehovah Huma Organizzati
Lezzjoni Nru. 14
Kif Ix-Xhieda Taʼ Jehovah Huma Organizzati
Ix-Xhieda taʼ Jehovah meta kellhom il-bidu modern tagħhom? (1)
Il-laqgħat tax-Xhieda taʼ Jehovah kif jiġu kondotti? (2)
L-ispejjeż minn fejn jitħallsu? (3)
Min jieħu t-tmexxija f’kull kongregazzjoni? (4)
Liema laqgħat akbar isiru kull sena? (5)
Liema xogħol isir fil-kwartieri ġenerali u fl-uffiċċji tal-fergħat tagħhom? (6)
1. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kellhom il-bidu modern tagħhom fis-snin 70 tas-seklu dsatax. Għall-ewwel, kienu jissejħu Studenti tal-Bibbja. Imma fl-1931 ħadu l-isem Skritturali taʼ Xhieda taʼ Jehovah. (Isaija 43:10) Minn bidu żgħir, l-organizzazzjoni kibret għal miljuni taʼ Xhieda, li huma beżlin ixandru f’iktar minn 230 pajjiż.
2. Il-biċċa l-kbira tal-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah jkollhom il-laqgħat tliet darbiet kull ġimgħa. Int mistieden tattendi kull waħda minnhom. (Lhud 10:24, 25) Il-Bibbja hija l-bażi għal dak li jiġi mgħallem. Il-laqgħat jibdew u jispiċċaw b’talba. ‘Għanjiet spiritwali’ mill-qalb ukoll jitkantaw f’ħafna mil-laqgħat. (Efesin 5:18, 19) Id-dħul huwa bla ħlas, u ma jsir ebda ġbir taʼ flus.—Mattew 10:8.
3. Il-biċċa l-kbira tal-kongregazzjonijiet jagħmlu l-laqgħat tagħhom f’Sala tas-Saltna. Dawn normalment huma strutturi sempliċi mibnijin minn Xhieda voluntieri. M’intix se tara statwi, kurċifissi, jew affarijiet bħal dawn fis-Sala tas-Saltna. L-ispejjeż jitħallsu minn għotjiet volontarji. Għal dawk li jixtiequ jagħmlu xi għotja, hemm kaxxa għall-kontribuzzjonijiet.—2 Korintin 9:7.
4. F’kull kongregazzjoni, hemm anzjani, jew indokraturi. Huma jieħdu t-tmexxija f’li jgħallmu fil-kongregazzjoni. (1 Timotju 3:1-7; 5:17) Huma assistiti minn qaddejja ministerjali. (1 Timotju 3:8-10, 12, 13) Dawn l-irġiel m’humiex merfugħin ’il fuq mill-bqija tal-kongregazzjoni. (2 Korintin 1:24) M’humiex mogħtijin titli speċjali. (Mattew 23:8-10) Ma jilbsux differenti mill-oħrajn. Lanqas m’huma mħallsin għal xogħolhom. L-anzjani huma dejjem lesti li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tal-kongregazzjoni. Jistgħu jipprovdu faraġ u gwida fi żminijiet taʼ inkwiet.—Ġakbu 5:14-16; 1 Pietru 5:2, 3.
5. Ix-Xhieda taʼ Jehovah jagħmlu wkoll assembleat jew konvenzjonijiet kbar kull sena. F’dawn l-okkażjonijiet ħafna kongregazzjonijiet jiltaqgħu flimkien għal programm speċjali taʼ istruzzjoni mill-Bibbja. Il-magħmudija taʼ dixxipli ġodda hija parti regulari mill-programm taʼ kull assemblea jew konvenzjoni.—Mattew 3:13-17; 28:19, 20.
6. Il-kwartieri ġenerali dinjin tax-Xhieda taʼ Jehovah jinsabu fi New York. Hemmhekk tinsab il-Ġemgħa li Tiggverna, grupp ċentrali t’anzjani b’esperjenza li jindokraw il-kongregazzjoni taʼ madwar id-dinja. Hemm ukoll ’il fuq minn 100 uffiċċju tal-fergħa madwar id-dinja. F’dawn il-lokalitajiet, uħud voluntieri jgħinu biex letteratura Biblika tiġi stampata u mibgħuta bil-posta. Tingħata wkoll direzzjoni biex jiġi organizzat ix-xogħol taʼ l-ippridkar. Għala ma tippjanax biex iżżur l-uffiċċju tal-fergħa li hu l-eqreb għalik?