Kif Tistaʼ Ssib Il-Vera Reliġjon?
Lezzjoni Nru. 13
Kif Tistaʼ Ssib Il-Vera Reliġjon?
Ir-reliġjonijiet kollha jogħġbuh ’l Alla, jew waħda biss? (1)
Għala hawn tant reliġjonijiet li jsostnu li huma Kristjani? (2)
Kif tistaʼ tidentifika l-Kristjani veri? (3-7)
1. Ġesù beda reliġjon Kristjana vera waħda. Għalhekk illum irid ikun hemm ġemgħa waħda, jew grupp wieħed, biss t’adoraturi veri t’Alla Jehovah. (Ġwann 4:23, 24; Efesin 4:4, 5) Il-Bibbja tgħallem li ftit nies biss qegħdin fit-triq id-dejqa li tagħti għall-ħajja.—Mattew 7:13, 14.
2. Il-Bibbja bassret li wara l-mewt taʼ l-appostli, tagħlim falz u prattiċi mhux Kristjani kellhom bil-mod il-mod jidħlu fil-kongregazzjoni Kristjana. Xi wħud kellhom idawru adoraturi għal warajhom minflok wara Kristu. (Mattew 7:15, 21-23; Atti 20:29, 30) Huwa għalhekk li naraw daqstant reliġjonijiet differenti li jsostnu li huma Kristjani. Kif nistgħu nidentifikaw il-Kristjani veri?
3. L-iktar marka li tispikka tal-Kristjani veri hija li għandhom imħabba vera bejniethom. (Ġwann 13:34, 35) M’humiex mgħallmin biex jaħsbu li huma aħjar min-nies taʼ razez jew taʼ kulur tal-ġilda differenti. Lanqas m’huma mgħallmin biex jobogħdu nies taʼ pajjiżi oħrajn. (Atti 10:34, 35) Għalhekk ma jiħdux sehem fi gwerer. Il-Kristjani veri jittrattaw lil xulxin bħal aħwa.—1 Ġwann 4:20, 21.
4. Marka oħra tal-vera reliġjon hija li l-membri tagħha għandhom rispett profond lejn il-Bibbja. Huma jaċċettawha bħala l-Kelma t’Alla u jemmnu dak li tgħid. (Ġwann 17:17; 2 Timotju 3:16, 17) Huma jqisu l-Kelma t’Alla bħala li hija importanti iktar mill-ideat jew id-drawwiet tal-bnedmin. (Mattew 15:1-3, ) Jipprovaw jgħixu skond il-Bibbja fil-ħajja taʼ kuljum tagħhom. Għalhekk ma jippridkawx ħaġa u jagħmlu oħra.— 7-9Titu 1:15, 16.
5. Il-vera reliġjon trid ukoll tonora l-isem t’Alla. (Mattew 6:9) Ġesù għamel l-isem t’Alla, Jehovah, magħruf lil oħrajn. Il-Kristjani veri jridu jagħmlu l-istess. (Ġwann 17:6, 26; Rumani 10:13, 14) Min huma n-nies fil-komunità tiegħek li jgħidu lil oħrajn dwar l-isem t’Alla?
6. Il-Kristjani veri jridu jippridkaw dwar is-Saltna t’Alla. Ġesù hekk għamel. Dejjem kien jitkellem dwar is-Saltna. (Luqa 8:1) Hu kkmanda lid-dixxipli biex jippridkaw dan l-istess messaġġ maʼ l-art kollha. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Il-Kristjani veri jemmnu li s-Saltna t’Alla biss se ġġib paċi u sigurtà veri fuq din l-art.—Salm 146:3-5.
7. Id-dixxipli taʼ Ġesù ma jridu jkunu ebda parti minn din id-dinja mill-agħar. (Ġwann 17:16) Ma jinvolvux ruħhom fl-affarijiet politiċi u fil-kontroversji soċjali tad-dinja. Jevitaw il-kondotta, il-prattiċi, u l-attitudnijiet taʼ ħsara li huma komuni fid-dinja. (Ġakbu 1:27; 4:4) Tistaʼ int tidentifika xi grupp reliġjuż fil-komunità tiegħek li għandu dawn il-marki tal-Kristjanità vera?
[Stampi f’paġna 26, 27]
Il-Kristjani veri jħobbu lil xulxin, jirrispettaw il-Bibbja, u jippridkaw dwar is-Saltna t’Alla