Nersqu Qrib T’Alla Fit-Talb
Lezzjoni Nru. 7
Nersqu Qrib T’Alla Fit-Talb
Għala huwa importanti li titlob regolarment? (1)
Lil min għandna nitolbu, u kif? (2, 3)
Liema huma suġġetti xierqa li tistaʼ titlob dwarhom? (4)
Meta għandek titlob? (5, 6)
Jismaʼ Alla t-talb kollu? (7)
1. It-talb huwa li nitkellmu b’umiltà m’Alla. Għandek titlob ’l Alla regolarment. B’hekk tistaʼ tħossok qrib tiegħu bħala ħabib għażiż. Jehovah hu tant kbir u potenti, u madankollu jismaʼ t-talb tagħna! Titlob int ’l Alla b’mod regulari?—Salm 65:3 [65:2, NW]; 1 Tessalonikin 5:17.
2. It-talb huwa parti mill-qima tagħna. B’hekk, għandna nitolbu biss ’l Alla, Jehovah. Meta Ġesù kien fuq l-art hu dejjem talab lil Missieru, u mhux lil xi ħadd ieħor. Aħna għandna nagħmlu l-istess. (Mattew 4:10; 6:9) Madankollu, it-talb tagħna għandu jingħad kollu f’isem Ġesù. Dan juri li nirrispettaw il-pożizzjoni taʼ Ġesù u li għandna fidi fis-sagrifiċċju tiegħu bħala l-prezz tal-fidwa.—Ġwann 14:6; 1 Ġwann 2:1, 2.
3. Meta nitolbu għandna nitkellmu m’Alla minn qalbna. M’għandniex ngħidu t-talb tagħna għax tgħallimnieh bl-amment jew naqrawh minn xi ktieb tat-talb. (Mattew 6:7, 8) Nistgħu nitolbu fi kwalunkwe pożizzjoni taʼ rispett, fi kwalunkwe ħin, u fi kwalunkwe post. Alla kapaċi jismaʼ wkoll talb mhux imlissen li jingħad f’qalbna. (1 Samwel 1:12, 13) Huwa tajjeb li nsibu post għall-kwiet, ’il bogħod minn nies oħrajn biex ngħidu t-talb persunali tagħna.—Mark 1:35.
4. Dwar liema suġġetti tistaʼ titlob? Kwalunkwe ħaġa li tistaʼ teffettwa l-ħbiberija tiegħek miegħu. (Filippin 4:6, 7) It-talba mudell turi li għandna nitolbu dwar l-isem u l-iskop taʼ Jehovah. Nistgħu nitolbu wkoll biex jiġu pprovduti l-bżonnijiet materjali tagħna, biex dnubietna jiġu maħfurin, u għal għajnuna biex nirreżistu t-tentazzjoni. (Mattew 6:9-13) It-talb tagħna m’għandux ikun egoistiku. Għandna nitolbu biss għal affarijiet li huma fi qbil mar-rieda t’Alla.—1 Ġwann 5:14.
5. Tistaʼ titlob kull meta qalbek tqanqlek biex tirringrazzja jew tfaħħar ’l Alla. (1 Kronaki 29:10-13) Għandek titlob meta jkollok xi problemi u meta l-fidi tiegħek tkun għaddejja minn prova. (Salm 55:23 [55:22 NW]; 120:1) Huwa xieraq li titlob qabel ma tiekol. (Mattew 14:19) Jehovah jistedinna biex nitolbu “dejjem.”—Efesin 6:18.
6. Għandna nitolbu b’mod speċjali jekk inkunu kkommettejna xi dnub serju. F’waqtiet bħal dawn għandna nittallbu għall-ħniena u l-maħfra taʼ Jehovah. Jekk nistqarru dnubietna lilu u nagħmlu l-almu tagħna biex ma nerġgħux, Alla “lest biex [j]aħfer.”—Salm 86:5, KŻ; Proverbji 28:13.
7. Jehovah jismaʼ biss it-talb taʼ nies twajbin. Biex it-talb tiegħek jinstemaʼ minn Alla, trid tkun qiegħed tagħmel ħiltek kollha biex tgħix skond il-liġijiet tiegħu. (Proverbji 15:29; 28:9) Trid tkun umli meta titlob. (Luqa 18:9-14) Trid tagħmel sforz biex taġixxi fi qbil maʼ dak li titlob dwaru. Int b’hekk se tagħti prova li għandek fidi u li verament tixtieq dak li qiegħed titlob. Huwa biss wara dan li Jehovah se jwieġeb it-talb tiegħek.—Lhud 11:6.