Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 7

“Irriflettu Sew dwar Dak li Ssaporta”

“Irriflettu Sew dwar Dak li Ssaporta”

1-3. (a) Kemm hi kbira l-​agunija taʼ Ġesù fil-​ġnien tal-​Ġetsemani, u għala qed iħossu hekk? (b) X’jista’ jingħad dwar l-​eżempju tas-​sabar taʼ Ġesù, u liema mistoqsijiet iqumu?

IL-​PRESSJONI hija kbira. Ġesù qatt qabel m’esperjenza tbatija mentali u emozzjonali bħal din. Jinsab fl-​aħħar sigħat tal-​ħajja tiegħu fuq l-​art. Flimkien maʼ l-​appostli tiegħu, hu jiġi f’post familjari, il-​ġnien tal-​Ġetsemani. Spiss iltaqa’ magħhom hawnhekk. Madankollu, f’dan il-​lejl għandu bżonn ftit tal-​ħin waħdu. Filwaqt li jitlaq lill-​appostli tiegħu, hu jidħol iktar ’il ġewwa fil-​ġnien, jinżel għarkopptejh, u jibda jitlob. Tant jitlob b’ħeġġa u tant hu f’agunija li l-​għaraq tiegħu jibda “nieżel fl-​art bħal qtar tad-​demm.”—Luqa 22:39-​44.

2 Ġesù għala huwa daqstant inkwetat? Veru, hu jaf li dalwaqt se jkollu jesperjenza tbatija fiżika kbira, imma din m’hijiex ir-​raġuni għad-​diqa tiegħu. Fuq moħħu għandu kwistjonijiet li huma ħafna iktar importanti għalih. Hu konċernat ħafna dwar l-​isem taʼ Missieru u jirrikonoxxi li l-​futur tal-​familja umana jiddependi mill-​fatt li hu jibqa’ leali. Ġesù jaf kemm hu vitali li jissaporti. Jekk iċedi, hu kien se jġib tmaqdir fuq isem Ġeħova. Imma Ġesù ma jċedix. Iktar tard dakinhar, ftit mumenti qabel ma jieħu l-​aħħar nifs tiegħu, ir-​raġel li ħalla l-​aqwa eżempju tas-​sabar li qatt kien hawn fuq l-​art b’mod trijonfanti jgħajjat: “Twettaq!”—Ġwanni 19:30.

3 Il-​Bibbja tħeġġiġna biex ‘nirriflettu sew dwar dak [Ġesù] li ssaporta.’ (Ebrej 12:3) B’hekk, iqumu xi mistoqsijiet importanti: Liema huma xi wħud mill-​provi li ssaporta Ġesù? X’għenu jissaporti? Kif nistgħu nsegwu l-​eżempju tiegħu? Però, qabel ma nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet ejja neżaminaw x’jinvolvi s-​sabar.

X’Inhu s-​Sabar?

4, 5. (a) Xi jfisser is-​“sabar”? (b) X’tixbiha nistgħu nużaw biex nuru li s-​sabar jinvolvi ħafna iktar milli wieħed sempliċement jesperjenza tbatija li ma jistax jaħrabha?

4 Minn żmien għal żmien, ilkoll kemm aħna ‘nitnikktu b’diversi provi.’ (1 Pietru 1:6) Il-​fatt li nkunu għaddejjin minn xi prova jfisser neċessarjament li qed nissaportuha? Le. In-​nom Grieg għal “sabar” ifisser “l-​abbiltà li dak li jkun ma jaqtax qalbu jew li ma jċedix meta jkun qed jiffaċċja xi diffikultà.” Rigward it-​tip taʼ sabar li jirreferu għalih xi kittieba tal-​Bibbja, studjuż wieħed jispjega: “Min għandu s-​sabar ikollu attitudni li ma jċedix, mhux sempliċement b’rassenjazzjoni, imma b’tama qawwija .  . . Huwa l-​kwalità li żżomm bniedem wieqaf sod meta jħabbat il-​maltemp. Huwa l-​virtù li tista’ tbiddel l-​iktar prova diffiċli fi glorja għaliex wieħed iżomm quddiem għajnejh il-​mira li tintlaħaq wara l-​prova.”

5 Għalhekk, li wieħed jissaporti m’huwiex sempliċement kwistjoni taʼ li jesperjenza tbatija li ma jistax jaħrabha. Fis-​sens Bibliku, is-​sabar jinvolvi s-​sodizza, filwaqt li tinżamm attitudni mentali xierqa u ħarsa pożittiva waqt il-​provi. Ikkunsidra tixbiha: Żewġt irġiel qegħdin il-​ħabs f’kundizzjonijiet simili imma għal raġunijiet differenti ħafna. Wieħed, kriminal komuni, kontra qalbu jiskonta s-​sentenza tiegħu għax taʼ bilfors. L-​ieħor, Kristjan veru li ġie mitfugħ il-​ħabs minħabba l-​waqfa leali tiegħu, jibqa’ sod u jżomm attitudni pożittiva għaliex jara s-​sitwazzjoni tiegħu bħala opportunità biex juri l-​fidi tiegħu. Il-​kriminal ma jistax jitqies bħala eżempju tas-​sabar, filwaqt li l-​Kristjan leali huwa xempju taʼ din il-​kwalità eċċellenti.—Ġakbu 1:2-​4.

6. Kif niżviluppaw is-​sabar?

6 Is-​sabar huwa essenzjali jekk irridu niksbu s-​salvazzjoni. (Mattew 24:13) Madankollu, ma nitwildux b’din il-​kwalità vitali. Is-​sabar irid jiġi żviluppat. Kif? Rumani 5:3 jgħid: “It-​tribulazzjoni tipproduċi s-​sabar.” Iva, jekk verament irridu niżviluppaw is-​sabar, ma nistgħux inwarrbu bil-​biża’ minn kull prova tal-​fidi. Minflok, irridu niffaċċjawhom. Is-​sabar jirriżulta meta kuljum niffaċċjaw u negħlbu provi kbar u żgħar. Kull prova li ngħaddu minnha ssaħħaħna biex niffaċċjaw il-​prova li jmiss. M’għandniex xi ngħidu, ma niżviluppawx is-​sabar waħedna. Aħna ‘niddependu mis-​saħħa li jagħti Alla.’ (1 Pietru 4:11) Sabiex jgħinna nibqgħu leali, Ġeħova tana l-​aqwa għajnuna possibbli—l-​eżempju taʼ Ibnu. Ejja neżaminaw iktar bir-​reqqa r-​rekord perfett tas-​sabar taʼ Ġesù.

Provi li Ssaporta Ġesù

7, 8. Ġesù xi ssaporta hekk kif qorob it-​tmiem tal-​ħajja tiegħu fuq l-​art?

7 Hekk kif qorob it-​tmiem taʼ ħajtu fuq l-​art, Ġesù ssaporta ħafna krudeltajiet differenti. Flimkien mal-​pressjoni mentali kbira li kien qed jesperjenza fl-​aħħar lejl taʼ ħajtu, ikkunsidra d-​diżappunt li żgur ħass u l-​umiljazzjoni li bata. Hu ġie tradut minn ħabib intimu, abbandunat mill-​iktar ħbieb tal-​qalb tiegħu, u mġiegħel jgħaddi ġuri illegali waqt li membri taʼ l-​ogħla qorti reliġjuża tal-​pajjiż waqqgħuh għaċ-​ċajt, beżqulu, u tawh daqqiet taʼ ponn. Madankollu, hu ssaporta dan kollu b’dinjità siekta u b’saħħa.—Mattew 26:46-​49, 56, 59-​68.

8 Fl-​aħħar sigħat tiegħu, Ġesù ssaporta tbatija fiżika tremenda. Hu ġie flaġellat, imsawwat b’mod tant aħrax li dan jiġi deskritt bħala li kkaġunalu “tiċrit fond u mfellel u telf kbir taʼ demm.” Hu ġie msammar maʼ zokk, maqtul b’tali mod li wassal għal “mewta bil-​mod u bl-​akbar ammont possibbli taʼ wġigħ u tbatija.” Aħseb ftit dwar l-​agunija li żgur ħass hekk kif b’daqqiet qawwijin ġie msammar maz-​zokk permezz taʼ msiemer kbar li ddaħħlu f’idejh u f’saqajh. (Ġwanni 19:1, 16-​18) Immaġina l-​uġigħ inkredibbli li ħass hekk kif iz-​zokk twaqqaf u l-​piż taʼ ġismu żamm fuq l-​imsiemer u d-​dahar imċarrat tiegħu kompla jinstelaħ maz-​zokk. U din it-​tbatija fiżika kbira Ġesù ssaportieha waqt li kien qed iġorr it-​toqol mentali li ddeskrivejna fil-​bidu taʼ dan il-​kapitlu.

9. X’hemm involut f’li nerfgħu z-​“zokk tat-​tortura” tagħna u nsegwu lil Ġesù?

9 Bħala segwaċi taʼ Kristu, x’għandna mnejn ikollna nissaportu? Ġesù qal: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa . . . jerfa’ z-​zokk tat-​tortura tiegħu u jibqa’ miexi warajja.” (Mattew 16:24) L-​espressjoni “zokk tat-​tortura” hawnhekk qed tintuża b’mod figurattiv biex tirrappreżenta t-​tbatija, l-​għajb, jew saħansitra l-​mewt. M’huwiex faċli li nsegwu lil Kristu. Il-​livelli Kristjani tagħna jagħmluna differenti. Din id-​dinja tobgħodna għaliex m’aħniex parti minnha. (Ġwanni 15:18-​20; 1 Pietru 4:4) Minkejja dan, aħna lesti li nerfgħu z-​zokk tat-​tortura tagħna—iva, aħna lesti li nbatu, saħansitra mmutu, minflok ma nieqfu nsegwu x-​Xempju tagħna.—2 Timotju 3:12.

10-12. (a) L-​imperfezzjonijiet taʼ dawk taʼ madwaru kif kienu taʼ prova għas-​sabar taʼ Ġesù? (b) X’kienu ftit mis-​sitwazzjonijiet taʼ prova li ssaporta Ġesù?

10 Matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù ffaċċja provi oħrajn minħabba l-​imperfezzjonijiet taʼ dawk taʼ madwaru. Ftakar li hu kien il-​“ħaddiem tas-​sengħa,” li Ġeħova uża biex joħloq l-​art u l-​ħajja kollha fuqha. (Proverbji 8:22-​31) Għalhekk, Ġesù kien jaf x’kien l-​iskop taʼ Ġeħova għall-​umanità; huma kellhom jirriflettu l-​kwalitajiet Tiegħu u jgawdu l-​ħajja f’saħħa perfetta. (Ġenesi 1:26-​28) Meta kien fuq l-​art, Ġesù ra r-​riżultati traġiċi tad-​dnub minn perspettiva differenti—hu nnifsu kien bniedem, kapaċi jesperjenza sentimenti u emozzjonijiet umani. Min jaf kemm ħassu mweġġa’ meta ra b’għajnejh stess l-​imperfezzjoni kbira tal-​bnedmin imqabbla mal-​perfezzjoni oriġinali taʼ Adam u Eva! B’hekk, Ġesù kellu jiffaċċja prova tas-​sabar. Kien se jiġi skuraġġit u jaqta’ qalbu, billi jqis lill-​bnedmin midinbin bħala li m’hemmx tama għalihom? Ejja naraw.

11 Il-​fatt li l-​Lhud kienu indifferenti ġiegħel lil Ġesù tant jitnikket li beka bla ma qagħad jaħbi. Ħalla hu l-​indifferenza tagħhom tberred iż-​żelu tiegħu jew iġġiegħlu jieqaf jippriedka? Għall-​kuntrarju, hu “kien imur kuljum jgħallem fit-​tempju.” (Luqa 19:41-​44, 47) Hu kien “imnikket għall-​aħħar” minħabba l-​ebusija taʼ qalb il-​Fariżej li kienu attenti biex jaraw jekk kienx se jfejjaq ċertu raġel fis-​Sabat. Ħalla lil dawn l-​opponenti, li qiesu lilhom infushom bħala ġusti, jintimidawh? Dażgur li le! Hu żamm sod u fejjaq lir-​raġel—u għamel dan saħansitra f’nofs is-​sinagoga!—Marku 3:1-​5.

12 Hemm xi ħaġa oħra li żgur kienet taʼ sfida għal Ġesù—in-​nuqqasijiet tad-​dixxipli l-​iktar qrib tiegħu. Kif tgħallimna f’Kapitlu 3, huma wrew xewqa persistenti għall-​prominenza. (Mattew 20:20-​24; Luqa 9:46) Ġesù kemm-​il darba tahom il-​parir li kellhom bżonn ikunu umli. (Mattew 18:1-​6; 20:25-​28) Madankollu, damu biex jieħdu azzjoni. Immaġina, fl-​aħħar lejl tiegħu magħhom, qalgħu “argument sħun” dwar min kien l-​akbar fosthom! (Luqa 22:24) Qata’ qalbu minnhom Ġesù, billi rraġuna li ma kienx hemm tama għalihom? Le. Filwaqt li dejjem wera l-​paċenzja, hu baqa’ pożittiv u jittama, kompla jara l-​kwalitajiet tajbin tagħhom. Hu kien jaf li f’qalbhom kienu jħobbu lil Ġeħova u verament riedu jagħmlu r-​rieda Tiegħu.—Luqa 22:25-​27.

Se nħallu l-​oppożizzjoni tberred l-​ispirtu tagħna, jew se nkomplu nippridkaw biż-​żelu?

13. Liema provi li huma simili għal dawk li ssaporta Ġesù nistgħu niffaċċjaw?

13 Aħna nistgħu niffaċċjaw provi li huma simili għal dawk li ssaporta Ġesù. Per eżempju, aħna forsi niltaqgħu maʼ nies li huma indifferenti għall-​messaġġ tas-​Saltna jew saħansitra jopponuh. Se nħallu reazzjonijiet negattivi bħal dawn jaqtgħulna qalbna, jew se nkomplu nippridkaw biż-​żelu? (Titu 2:14) Forsi nesperjenzaw provi minħabba l-​imperfezzjonijiet taʼ ħutna l-​Kristjani. Kelma b’nuqqas taʼ ħsieb jew għemil b’nuqqas taʼ konsiderazzjoni jista’ jweġġa’ s-​sentimenti tagħna. (Proverbji 12:18) Sejrin inħallu n-​nuqqasijiet taʼ sħabna fit-​twemmin iġegħluna naqtgħu qalbna minnhom, jew se nkomplu nissaportu n-​nuqqasijiet tagħhom u nfittxu l-​kwalitajiet tajbin tagħhom?—Kolossin 3:13.

Għala Ġesù Ssaporta

14. Liema żewġ fatturi għenu lil Ġesù jżomm sod?

14 X’għen lil Ġesù jżomm sod u jibqa’ juri l-​integrità minkejja l-​umiljazzjoni, id-​diżappunt, u t-​tbatija kollha li ffaċċja? Hemm żewġ fatturi li jispikkaw u li saħħew lil Ġesù. L-​ewwel, hu ħares ’il fuq, billi talab bil-​ħerqa lill-​“Alla li jipprovdi s-​sabar.” (Rumani 15:5) It-​tieni, Ġesù ħares ’il quddiem, billi ffoka fuq dak li s-​sabar tiegħu kien se jwassal għalih. Ejja nikkunsidraw dawn il-​fatturi wieħed wieħed.

15, 16. (a) X’juri li Ġesù ma straħx fuq is-​saħħa tiegħu stess biex jissaporti? (b) Ġesù liema fiduċja kellu f’Missieru, u għala?

15 Għalkemm Ġesù hu l-​Iben perfett t’Alla, ma straħx fuq is-​saħħa tiegħu stess biex jissaporti. Minflok, hu dar lejn Missieru tas-​sema u talab l-​għajnuna tiegħu. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Kristu talab bil-​ħerqa u wkoll offra petizzjonijiet lil Dak li seta’ jsalvah mill-​mewt, b’għajat qawwi u dmugħ.” (Ebrej 5:7) Innota li Ġesù “offra” mhux biss petizzjonijiet imma wkoll talb bil-​ħerqa. It-​terminu ‘talb bil-​ħerqa’ jirreferi għal talb li verament jiġi mill-​fond tal-​qalb—iva, li dak li jkun jittallab għall-​għajnuna. Il-​kelma Griega oriġinali tradotta ‘talb bil-​ħerqa’ tindika li Ġesù talab lil Ġeħova iktar minn darba. Tabilħaqq, fil-​ġnien tal-​Ġetsemani, Ġesù talab ripetutament u bil-​ħrara.—Mattew 26:36-​44.

16 Ġesù kellu fiduċja sħiħa li Ġeħova kien se jwieġeb it-​talb ħerqan tiegħu, għaliex kien jaf li Missieru hu “Semmiegħ it-​talb.” (Salm 65:2) Matul il-​ħajja tiegħu qabel ma sar bniedem, l-​ewwel Iben imwieled kien ra kif Missieru jwieġeb it-​talb tal-​qaddejja leali tiegħu. Per eżempju, mis-​smewwiet l-​Iben ra b’għajnejh stess meta Ġeħova bagħat anġlu biex iwieġeb it-​talb mill-​qalb tal-​profeta Danjel—saħansitra qabel ma Danjel kien spiċċa jitlob. (Danjel 9:20, 21) Għalhekk, il-​Missier kif seta’ jonqos milli jwieġeb lill-​Iben uniġenitu tiegħu meta dan fetaħ qalbu “b’għajat qawwi u dmugħ”? Ġeħova wieġeb it-​talb taʼ Ibnu u bagħat anġlu biex isaħħu ħalli jissaporti t-​tbatija li kien għaddej minnha.—Luqa 22:43.

17. Sabiex nissaportu, għala għandna nħarsu lejn is-​sema, u kif nistgħu nagħmlu dan?

17 Sabiex nissaportu, aħna wkoll irridu nħarsu lejn is-​ sema—lejn l-​Alla ‘li jagħti l-​qawwa.’ (Filippin 4:13) Jekk l-​Iben perfett t’Alla ħass il-​bżonn li jitlob bil-​ħerqa lil Ġeħova għall-​għajnuna, kemm iktar għandna aħna! Bħal Ġesù, forsi jkollna nitolbu lil Ġeħova darba wara l-​oħra. (Mattew 7:7) Għalkemm ma nistennewx xi żjara anġelika, nistgħu nkunu ċerti minn dan: Alla tagħna kollu mħabba se jwieġeb it-​talb tal-​Kristjan leali li ‘jippersisti f’suppliki u talb lejl u nhar.’ (1 Timotju 5:5) Minkejja l-​provi li nistgħu niffaċċjaw—bħal saħħa batuta, il-​mewt taʼ xi ħadd maħbub, jew il-​persekuzzjoni minn uħud li jopponu—Ġeħova se jwieġeb it-​talb ħerqan tagħna għall-​għerf, il-​kuraġġ, u s-​saħħa biex nissaportu.—2 Korintin 4:7-​11; Ġakbu 1:5.

Ġeħova se jwieġeb it-​talb ħerqan tagħna għall-​għajnuna biex nissaportu

18. Ġesù kif ħares lil hinn mit-​tbatija tiegħu għal dak li kien hemm quddiemu?

18 It-​tieni fattur li għen lil Ġesù jissaporti kien li ħares ’il quddiem, lil hinn mit-​tbatija, għal dak li għad irid jiġi. Dwar Ġesù, il-​Bibbja tgħid: “Għall-​ferħ li tqiegħed quddiemu ssaporta z-​zokk tat-​tortura.” (Ebrej 12:2) L-​eżempju taʼ Ġesù juri kif it-​tama, il-​ferħ, u s-​sabar jaħdmu id f’id. Dan jista’ jinġabar b’dan il-​mod: It-​tama twassal għall-​ferħ, u l-​ferħ għas-​sabar. (Rumani 15:13; Kolossin 1:11) Ġesù kellu prospetti meraviljużi. Hu kien jaf li fedeltà min-​naħa tiegħu kienet se tgħin biex is-​sovranità taʼ Missieru tiġi vindikata u kienet se tgħinu jixtri lura l-​familja umana mid-​dnub u l-​mewt. Ġesù kellu wkoll it-​tama li jaħkem bħala Sultan u jaqdi bħala Qassis il-​Kbir, biex iġib iktar barkiet għall-​bnedmin ubbidjenti. (Mattew 20:28; Ebrej 7:23-​26) Billi ffoka fuq il-​prospetti u t-​tama li kien hemm quddiemu, Ġesù sab ferħ bla qjies, u dan il-​ferħ, mill-​banda l-​oħra, għenu jissaporti.

19. Meta niffaċċjaw provi tal-​fidi, kif nistgħu nħallu t-​tama, il-​ferħ, u s-​sabar jaħdmu id f’id għalina?

19 Bħal Ġesù, aħna rridu nħallu t-​tama, il-​ferħ, u s-​sabar jaħdmu id f’id għalina. L-​appostlu Pawlu qal: “Thennew bit-​tama.” Imbagħad żied jgħid: “Issaportu fit-​tribulazzjoni.” (Rumani 12:12) Qiegħed int tiffaċċja xi prova iebsa tal-​fidi fil-​preżent? Mela agħmel ħiltek biex tħares ’il quddiem. Tinsiex il-​fatt li s-​sabar tiegħek se jġib tifħir għal isem Ġeħova. Żomm it-​tama prezzjuża tas-​Saltna ċara f’moħħok. Immaġina lilek innifsek fid-​dinja l-​ġdida t’Alla li riesqa, u immaġina li qed tesperjenza l-​barkiet tal-​Ġenna taʼ l-​art. Jekk tantiċipa t-​twettiq taʼ l-​affarijiet meraviljużi li Ġeħova wiegħed—inkluż l-​ivvindikar tas-​sovranità tiegħu, it-​tneħħija tal-​ħażen mill-​art, u t-​tmiem tal-​mard u l-​mewt—qalbek se timtela bil-​ferħ, u dan il-​ferħ jista’ jgħinek tissaporti jkunu xi jkunu l-​provi li tiffaċċja. Meta mqabbla mar-​realtà tat-​tama tas-​Saltna, kwalunkwe tbatija f’din is-​sistema dinjija hi tabilħaqq “mumentanja u ħafifa.”—2 Korintin 4:17.

‘Imxi mill-​Qrib Wara l-​Passi Tiegħu’

20, 21. Rigward is-​sabar, Ġeħova x’jistenna minna, u x’għandha tkun id-​determinazzjoni tagħna?

20 Ġesù kien jaf li dawk li riedu jkunu segwaċi tiegħu kienu se jsibuha taʼ sfida, triq li tirrikjedi s-​sabar. (Ġwanni 15:20) Hu kien lest jurihom it-​triq, billi kien jaf li l-​eżempju tiegħu kien se jsaħħaħ lil oħrajn. (Ġwanni 16:33) M’għandniex xi ngħidu, Ġesù ħalla eżempju perfett tas-​sabar, imma aħna ninsabu ’l bogħod mill-​perfezzjoni. Ġeħova x’jistenna minna? Pietru jispjega: “Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.” (1 Pietru 2:21) Bil-​mod taʼ kif ittratta mal-​provi, Ġesù ħalla “mudell,” eżempju li għandna nimitaw. * Ir-​rekord taʼ sabar li hu bena jista’ jitqabbel maʼ “passi” jew marki tas-​saqajn. Ma nistgħux insegwu dawn il-​passi b’mod perfett, imma nistgħu nsegwuhom “mill-​qrib.”

21 Għalhekk, ejja nkunu determinati li nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù bl-​aħjar mod li nistgħu. Ejja qatt ma ninsew li iktar ma nsegwu l-​passi taʼ Ġesù mill-​qrib, iktar se nkunu armati biex nissaportu “sat-​tmiem”—it-​tmiem taʼ din is-​sistema qadima jew it-​tmiem tal-​ħajja preżenti tagħna. Ma nafux x’se jiġi l-​ewwel, imma nafu dan: Għall-​eternità kollha, Ġeħova se jippremjana għas-​sabar tagħna.—Mattew 24:13.

^ par. 20 Il-​kelma Griega tradotta “mudell” letteralment tfisser “ikkopjar tal-​kitba.” L-​appostlu Pietru hu l-​uniku kittieb taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana li uża din il-​kelma, li jingħad li tfisser “kitba fil-​bidu tal-​paġna f’pitazz taʼ tifel, kitba perfetta li t-​tifel irid jimita mill-​qrib kemm jista’ jkun.”