Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 3

“Jien . . . Umli f’Qalbi”

“Jien . . . Umli f’Qalbi”

“Ara! Is-​sultan tiegħek jiġi għandek”

1-3. Ġesù b’liema mod jidħol f’Ġerusalemm, u wħud mill-​folla li qed josservaw għala forsi jibqgħu mistagħġbin?

F’ĠERUSALEMM hemm għagħa kbira t’eċċitament. Ġej raġel importanti! ’Il barra mill-​belt, in-​nies qed jinġemgħu tul it-​triq. Jinsabu ħerqanin biex jilqgħu lil dan ir-​raġel, għax xi wħud qed jgħidu li hu werriet tas-​Sultan David u l-​Ħakkiem bi dritt taʼ Israel. Għadd minnhom iġibu xi friegħi tal-​palm biex ixejruhom huma u jilqgħuh; oħrajn jifirxu lbiesi u friegħi tas-​siġar fit-​triq biex iwittu l-​mogħdija quddiemu. (Mattew 21:7, 8; Ġwanni 12:12, 13) Ħafna x’aktarx qed jaħsbu dwar il-​mod li bih se jidħol il-​belt.

2 Xi wħud għandhom mnejn qed jistennew li se jaraw wirja spettakolari. Huma żgur li jafu bi rġiel importanti li daħlu b’mod impressjonanti. Per eżempju, Absalom, bin David, għamel lilu nnifsu sultan; hu kellu 50 raġel jiġru quddiem il-​karru tiegħu. (2 Samwel 15:1, 10) Il-​ħakkiem Ruman Ġulju Ċesari ried saħansitra affarijiet iktar elaborati; darba minnhom hu mexxa purċissjoni trijonfali sal-​kapitolju Ruman, iċ-​ċentru politiku taʼ dak iż-​żmien, b’40 iljunfant iġorru l-​fanali fuq il-​lemin u fuq ix-​xellug tiegħu! Madankollu, issa n-​nies taʼ Ġerusalemm qed jistennew raġel ħafna iktar importanti. Jekk il-​folol jifhmux dan bis-​sħiħ jew le, dan hu l-​Messija, l-​aqwa bniedem li qatt għex. Però, meta jidħol il-​belt dak li fil-​futur kellu jkun Sultan, xi wħud għandhom mnejn jibqgħu mistagħġbin.

3 Huma ma jaraw ebda karru, ebda ġerrejja, ebda żwiemel—u ċertament ebda ljunfanti. Minflok, Ġesù daħal riekeb fuq ħmar, annimal komuni tat-​tagħbija. * La r-​rikkieb u lanqas il-​ħmar ma huma mżejnin bi lbies elaborat. Minflok sarġ li jiswa ħafna flus, hemm xi lbiesi li s-​segwaċi l-​iktar qrib taʼ Ġesù firxu fuq dahar l-​annimal. Ġesù għala jagħżel li jidħol Ġerusalemm b’daqstant umiltà, meta rġiel li kienu taʼ ħafna inqas importanza insistew li jkollhom ħafna iktar pompa u ċerimonja?

4. Il-​Bibbja x’bassret dwar il-​mod li bih is-​Sultan Messjaniku kellu jidħol Ġerusalemm?

4 Ġesù qed iwettaq profezija: “Kun ferħana ferm . . . Għajjat bil-​ferħ taʼ rebħa, O bint Ġerusalemm. Ara! Is-​sultan tiegħek jiġi għandek. Hu ġust, iva, salvat; umli, u riekeb fuq ħmar.” (Żakkarija 9:9) Din il-​profezija wriet li l-​Midluk t’Alla, il-​Messija, xi darba kellu jirrivela lilu nnifsu lin-​nies taʼ Ġerusalemm bħala s-​Sultan maħtur minn Alla. Iżjed minn hekk, il-​mod kif jagħmel dan, inkluż il-​fatt li jagħżel li jirkeb fuq ħmar, kellu jikxef kwalità sabiħa f’qalbu—l-​umiltà.

5. L-​umiltà taʼ Ġesù għala tqanqlilna qalbna meta naħsbu dwarha, u għala huwa vitali li nitgħallmu nimitaw lil Ġesù f’dan ir-​rigward?

5 L-​umiltà taʼ Ġesù hi fost l-​iktar kwalitajiet tiegħu li jiġbduk, waħda li tqanqlilna qalbna meta naħsbu dwarha. Bħalma ddiskutejna fil-​kapitlu taʼ qabel, Ġesù biss hu “t-​triq, il-​verità, u l-​ħajja.” (Ġwanni 14:6) B’mod ċar, ħadd mill-​ħafna biljuni taʼ nies li għexu fuq din l-​art ma kienu importanti daqs l-​Iben t’Alla. Madankollu, Ġesù qatt ma wera saħansitra traċċa tal-​kburija, is-​suppervja, jew l-​arroganza li juru għadd bla qjies taʼ bnedmin imperfetti. Sabiex inkunu segwaċi taʼ Kristu, irridu niġġieldu t-​tendenza li nċedu għall-​kburija. (Ġakbu 4:6) Ftakar, Ġeħova jobgħod is-​suppervja. Għalhekk, huwa vitali li nitgħallmu nimitaw l-​umiltà taʼ Ġesù.

Rekord Twil f’li Juri Umiltà

6. X’inhi l-​umiltà, u Ġeħova kif kien jaf li l-​Messija kien se jkun umli?

6 Attitudni t’umiltà hija meta dak li jkun ma jkunx supperv jew kburi. Hija kwalità li tibda fil-​qalb u li tintwera bil-​kliem, bil-​kondotta, u bil-​mod kif individwu jittratta m’oħrajn. Ġeħova kif kien jaf li l-​Messija kien se jkun umli? Kien jaf li Ibnu kien jirrifletti l-​eżempju perfett tiegħu stess t’umiltà. (Ġwanni 10:15) Ukoll, hu kien ra l-​umiltà taʼ l-​Iben fl-​azzjoni. Kif?

7-9. (a) Mikiel kif wera l-​umiltà fil-​konfrontazzjoni tiegħu maʼ Satana? (b) Il-​Kristjani kif jistgħu jimitaw lil Mikiel f’li juru l-​umiltà?

7 Il-​ktieb taʼ Ġuda jagħtina eżempju affaxxinanti: “Meta Mikiel l-​arkanġlu kellu tilwima max-​Xitan u kien qed jargumenta miegħu dwar il-​ġisem taʼ Mosè, ma ssograx jikkundannah bit-​tgħajjir, imma qallu: ‘Ħa jċanfrek Ġeħova.’” (Ġuda 9) Mikiel hu isem mogħti lil Ġesù—qabel u wara l-​ħajja tiegħu fuq l-​art—fl-​irwol tiegħu bħala arkanġlu, jew kap taʼ l-​armata t’anġli taʼ Ġeħova fis-​sema. * (1 Tessalonikin 4:16) Però, innota kif Mikiel ħa ħsieb din il-​konfrontazzjoni maʼ Satana.

8 Ir-​rakkont taʼ Ġuda ma jgħidilniex x’ried jagħmel Satana bil-​ġisem taʼ Mosè, imma nistgħu nkunu ċerti li x-​Xitan kellu xi skop mill-​agħar f’moħħu. Forsi ried jinkuraġġixxi l-​użu ħażin tal-​katavru taʼ dan ir-​raġel leali f’qima falza. Filwaqt li Mikiel irreżista l-​iskop mill-​agħar taʼ Satana, hu wera wkoll rażna taʼ l-​għaġeb. Satana żgur li kien ħaqqu ċanfira, imma Mikiel, li f’dak il-​waqt li kien qed jitlewwem maʼ Satana kien għadu ma ngħatax id-​dritt li “jiġġudika lil kulħadd,” ħass li ġudizzju bħal dan kellu jiġi biss mingħand Alla Ġeħova. (Ġwanni 5:22) Bħala l-​arkanġlu, Mikiel kellu awtorità kbira. Madankollu, hu b’umiltà ħalla l-​kwistjoni f’idejn Ġeħova minflok ma pprova jaħtaf iktar awtorità. Minbarra l-​umiltà, hu wera wkoll il-​modestja, jiġifieri, kien konxju tal-​limitazzjonijiet tiegħu.

9 Kien hemm raġuni għala Ġuda ġie ispirat biex jikteb dwar din il-​ġrajja. B’sogħba, xi Kristjani fi żmien Ġuda ma kinux umli. B’suppervja kienu qed “imaqdru dak kollu li fil-​fatt ma [kinux jafu] dwaru.” (Ġuda 10) Kemm hu faċli għalina bħala bnedmin imperfetti li nħallu l-​kburija tagħna tegħlibna! Meta ma nifhmux xi ħaġa li tkun saret fil-​kongregazzjoni Kristjana—forsi li tinvolvi deċiżjoni meħuda mill-​ġemgħa taʼ l-​anzjani—kif nirreaġixxu? Kieku kellna nieħdu sehem f’diskors negattiv u kritiku avolja ma nkunux nafu l-​fatturi kollha wara dawn id-​deċiżjonijiet, ma nkunux forsi qed nuru nuqqas t’umiltà? Minflok, ejja nimitaw lil Mikiel, jew Ġesù, billi nżommu lura milli niġġudikaw kwistjonijiet li fuqhom m’għandna l-​ebda awtorità mogħtija minn Alla.

10, 11. (a) X’inhu rimarkevoli dwar il-​fatt li l-​Iben t’Alla minn jeddu aċċetta l-​inkarigu li jinżel fuq l-​art? (b) Kif nistgħu nimitaw l-​umiltà taʼ Ġesù?

10 L-​Iben t’Alla wera l-​umiltà wkoll billi aċċetta l-​inkarigu biex jinżel fuq l-​art. Ikkunsidra dak li kellu jħalli warajh. Hu kien l-​arkanġlu. Kien ukoll “il-​Kelma”—il-​Kelliemi taʼ Ġeħova nnifsu. (Ġwanni 1:1-​3) Hu kien jgħammar fis-​sema, il-​“post eżaltat . . . taʼ qdusija u sbuħija” taʼ Ġeħova. (Isaija 63:15) Minkejja dan, l-​Iben “xejjen lilu nnifsu u ħa s-​sura taʼ lsir u sar jixbah lill-​bnedmin.” (Filippin 2:7) Aħseb ftit dwar x’kien jinvolvi dan l-​inkarigu fuq l-​art! Ħajtu tpoġġiet fil-​ġuf taʼ verġni Lhudija biex tiżviluppa għal disa’ xhur sabiex issir tarbija umana. Hu twieled f’familja taʼ mastrudaxxa fqir bħala tarbija li ma tista’ tagħmel xejn u mbagħad kiber biex sar tifel, tfajjel, u adoloxxenti. Għalkemm hu nnifsu kien perfett, matul żgħożitu baqa’ sottomess lejn ġenituri umani imperfetti. (Luqa 2:40, 51, 52) X’umiltà straordinarja din!

11 Nistgħu aħna nimitaw l-​umiltà taʼ Ġesù billi minn jeddna naċċettaw inkarigi taʼ servizz li kultant jidhru li jnaqqsulna d-​dinjità? Per eżempju, l-​inkarigu tagħna biex nippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla jista’ jidher li jnaqqas id-​dinjità tagħna meta n-​nies juru apatija, iwaqqgħuna għaċ-​ċajt, jew ikunu ħorox. (Mattew 28:19, 20) Però, jekk nissaportu f’dan ix-​xogħol, forsi nkunu nistgħu ngħinu biex insalvaw il-​ħajjiet. Kemm jekk insalvaw il-​ħajjiet u kemm jekk le, se nitgħallmu ħafna dwar l-​umiltà, u se nsegwu l-​passi taʼ Sidna, Ġesù Kristu.

L-​Umiltà taʼ Ġesù Bħala Bniedem

12-14. (a) Ġesù kif wera l-​umiltà meta n-​nies kienu jfaħħruh? (b) Ġesù kif wera l-​umiltà meta ttratta m’oħrajn? (ċ) X’juri li l-​umiltà taʼ Ġesù ma kinitx sempliċi kwistjoni taʼ formalità jew manjieri tajbin?

12 Mill-​bidu sa l-​aħħar, fil-​ministeru taʼ Ġesù fuq l-​art, kienet tispikka l-​umiltà. Hu wrieha bil-​mod kif idderieġa t-​tifħir u l-​glorja kollha lejn Missieru. In-​nies kultant faħħru lil Ġesù minħabba l-​għerf taʼ kliemu, il-​qawwa tal-​mirakli tiegħu, saħansitra kemm kien twajjeb fil-​karattru tiegħu. Darba wara l-​oħra, Ġesù m’aċċettax il-​glorja għalih innifsu u minflok idderiġieha lejn Ġeħova.—Marku 10:17, 18; Ġwanni 7:15, 16.

13 Ġesù wera l-​umiltà fil-​mod kif ittratta lin-​nies. Fil-​fatt, għamilha ċara li hu ġie fuq l-​art biex jaqdi lil oħrajn, mhux biex ikun moqdi. (Mattew 20:28) Hu wera l-​umiltà bil-​kuntatt ġwejjed u raġunevoli li kellu man-​nies. Meta s-​segwaċi tiegħu ddiżappuntawh, hu ma kkritikahomx bl-​aħrax; hu baqa’ jipprova jilħqilhom qalbhom. (Mattew 26:39-​41) Meta l-​folol ma ħallewhx ifittex il-​kwiet, il-​mistrieħ, u l-​privatezza, hu ma bagħathomx ’l hemm imma baqa’ jagħti minnu nnifsu, billi ‘għallimhom ħafna affarijiet.’ (Marku 6:30-​34) Meta mara li ma kinitx Israelija baqgħet titolbu biex ifejjaq lil bintha, hu għall-​ewwel taha x’tifhem li ma kienx se jagħmel dan. Madankollu, ma rrifjutax b’rabja; hu ċeda għal dak li talbitu minħabba l-​fidi straordinarja tagħha, kif se niddiskutu f’Kapitlu 14.—Mattew 15:22-​28.

14 B’ħafna modi, Ġesù wettaq kliemu stess dwaru nnifsu: “Jien ġwejjed u umli f’qalbi.” (Mattew 11:29) L-​umiltà tiegħu ma kinitx superfiċjali, sempliċi kwistjoni taʼ formalità jew manjieri tajbin. Ġiet minn qalbu, mill-​ġewwieni tiegħu. Għalhekk, mhux taʼ b’xejn li Ġesù kien iqisha importanti ħafna li jgħallem lis-​segwaċi tiegħu biex ikunu umli!

Għallem lis-​Segwaċi Tiegħu Jkunu Umli

15, 16. Liema kuntrast għamel Ġesù rigward l-​attitudni tal-​ħakkiema dinjin u l-​attitudni li s-​segwaċi tiegħu kellhom bżonn jikkultivaw?

15 L-​appostli taʼ Ġesù damu ma kkultivaw l-​umiltà. Ġesù ġie mqanqal biex għal darba wara l-​oħra jipprova jgħallimhom ikunu umli. Per eżempju, darba minnhom Ġakbu u Ġwanni, permezz t’ommhom, talbu lil Ġesù jwegħedhom pożizzjonijiet għoljin fis-​Saltna t’Alla. B’modestja, Ġesù wieġeb: “Li toqogħdu bil-​qiegħda fuq il-​lemin u fuq ix-​xellug tiegħi ma nistax nagħtih jien, imma hu taʼ dawk li tħejja għalihom minn Missieri.” L-​għaxar appostli oħrajn “xejn ma ħadu pjaċir” b’Ġakbu u Ġwanni. (Mattew 20:20-​24) Ġesù kif ittrattaha din il-​problema?

16 Hu b’qalb tajba ċanfarhom ilkoll, billi qal: “Intom tafu li l-​ħakkiema tal-​ġnus jiddominawhom u l-​kbarat għandhom awtorità fuqhom. Dan m’għandux ikun fostkom; imma kulmin irid isir kbir fostkom irid ikun il-​qaddej tagħkom, u kulmin irid ikun l-​ewwel fostkom irid ikun l-​ilsir tagħkom.” (Mattew 20:25-​27) L-​appostli x’aktarx li kienu raw kemm setgħu jkunu kburin, ambizzjużi, u egoisti “l-​ħakkiema tal-​ġnus.” Ġesù wera li s-​segwaċi tiegħu kellhom ikunu differenti minn dawn it-​tiranni għatxana għall-​poter. Kellhom bżonn ikunu umli. Fehmuh il-​punt l-​appostli?

17-19. (a) F’lejliet il-​mewt tiegħu, Ġesù b’liema mod memorabbli għallem lill-​appostli tiegħu lezzjoni dwar l-​umiltà? (b) Liema kienet l-​iktar lezzjoni qawwija dwar l-​umiltà li Ġesù għallem bħala bniedem?

17 Ma kienx faċli għalihom. Din la kienet l-​ewwel u lanqas l-​aħħar darba li Ġesù għallem lezzjoni bħal din. Iktar kmieni, meta kienu argumentaw dwar min minnhom kien l-​akbar, hu kien poġġa tifel żgħir f’nofshom u qalilhom biex jixbhu iktar lit-​tfal, li għandhom it-​tendenza li ma jkunux kburin u ambizzjużi, u ma jaħsbux dwar pożizzjonijiet, affarijiet li huma tant komuni fost l-​adulti. (Mattew 18:1-​4) Minkejja dan, proprju lejliet il-​mewt tiegħu, hu ra li l-​appostli tiegħu kienu għadhom qed jissieltu mal-​kburija. Imbagħad għallimhom lezzjoni memorabbli ħafna. Hu ħażżem lilu nnifsu b’xugaman u wettaq dak li kien meqjus bħala l-​iktar xogħol li jnaqqas id-​dinjità, xogħol li l-​ilsiera lura f’dak iż-​żmien kienu jwettqu għall-​mistidnin. Ġesù ħasel saqajn kull wieħed mill-​appostli tiegħu—inkluż Ġuda, li kien se jittradih!—Ġwanni 13:1-​11.

18 Ġesù għenhom jifhmu l-​punt meta qalilhom: “Ħallejtilkom mudell.” (Ġwanni 13:15) Messitilhom qalbhom din il-​lezzjoni issa? Ikkunsidra dan, iktar tard dak il-​lejl stess kellhom argument ieħor dwar min kien l-​akbar fosthom! (Luqa 22:24-​27) Xorta waħda, Ġesù baqa’ juri l-​paċenzja magħhom u jgħallimhom bl-​umiltà. Imbagħad kompla billi ta l-​iktar lezzjoni qawwija: “Umilja ruħu u sar ubbidjenti sal-​mewt, iva, sal-​mewt fuq zokk tat-​tortura.” (Filippin 2:8) Ġesù minn jeddu ssottometta ruħu għal mewta umiljanti, billi ġie kundannat b’mod żbaljat bħala kriminal u midgħi. B’hekk, l-​Iben t’Alla wera li kien uniku, għaliex fost il-​ħlejjaq kollha ta’ Ġeħova, Ġesù wera l-​umiltà b’mod perfett u bis-​sħiħ.

19 Forsi kienet din—l-​aħħar lezzjoni dwar l-​umiltà li Ġesù għallem bħala bniedem—li naqqxet il-​kwalità taʼ l-​umiltà fi qlub l-​appostli leali tiegħu b’mod li ma jitħassarx. Il-​Bibbja tgħidilna li snin, saħansitra għaxriet taʼ snin wara, dawn l-​irġiel kienu għadhom għaddejjin b’xogħolhom bl-​umiltà. Xi ngħidu għalina?

Int Se Ssegwi l-​Eżempju li Ħalla Ġesù?

20. Kif nistgħu nkunu nafu jekk aħniex umli f’qalbna?

20 Pawlu jwissina lkoll: “Żommu din l-​attitudni mentali fikom li kienet ukoll fi Kristu Ġesù.” (Filippin 2:5) Bħal Ġesù, irridu nkunu umli f’qalbna. Kif nistgħu nkunu nafu jekk aħniex umli f’qalbna? Ikkunsidra dan, Pawlu jfakkarna li m’għandna nagħmlu ‘xejn bi ġlied jew bi kburija, imma b’umiltà nqisu lill-​oħrajn superjuri għalina.’ (Filippin 2:3) Għalhekk, it-​tweġiba għal din il-​mistoqsija tiddependi minn kif inqisu lill-​oħrajn meta nqabbluhom magħna nfusna. Irridu nqisuhom bħala superjuri, bħala iktar importanti, minna nfusna. Int se tapplikah dan il-​parir?

21, 22. (a) L-​indokraturi Kristjani għala għandhom bżonn ikunu umli? (b) Kif nistgħu nuru li aħna mħażżmin bl-​umiltà?

21 Ħafna snin wara l-​mewt taʼ Ġesù, l-​appostlu Pietru kien għadu qed jaħseb dwar l-​importanza taʼ l-​umiltà. Pietru għallem lill-​indokraturi Kristjani biex iwettqu l-​obbligi tagħhom bl-​umiltà, billi qatt ma jiddominaw fuq in-​nagħaġ taʼ Ġeħova. (1 Pietru 5:2, 3) Ir-​responsabbiltà li wieħed jista’ jkollu ma tiġġustifikahx biex ikun kburi. Għall-​kuntrarju, ir-​responsabbiltà żżid il-​bżonn li jkun hemm umiltà ġenwina. (Luqa 12:48) M’għandniex xi ngħidu, din il-​kwalità m’hijiex vitali biss għall-​indokraturi imma għal kull Kristjan.

22 Pietru żgur qatt ma nesa dak il-​lejl meta Ġesù kien ħasillu saqajh—minkejja li Pietru nnifsu kien oġġezzjona! (Ġwanni 13:6-​10) Pietru kiteb lill-​Kristjani: “Ilkoll kemm intom tħażżmu bl-​umiltà lejn xulxin.” (1 Pietru 5:5) L-​espressjoni “tħażżmu” tagħti l-​idea taʼ l-​azzjoni li jieħu lsir biex jitħażżem b’fardal biex iwettaq xogħol li kien meqjus bħala li jnaqqas id-​dinjità. Il-​frażi tista’ tfakkarna fl-​okkażjoni meta Ġesù ħażżem lilu nnifsu b’xugaman qabel ma niżel għarkopptejh biex jaħsel saqajn l-​appostli. Jekk insegwu lil Ġesù, liema inkarigu mogħti minn Alla nistgħu qatt inqisuh bħala li jnaqqsilna d-​dinjità? L-​umiltà taʼ qalbna trid tkun viżibbli għal kulħadd, bħallikieku aħna mħażżmin biha.

23, 24. (a) Għala għandna nirreżistu kwalunkwe tendenza taʼ suppervja? (b) Il-​kapitlu li jmiss se jgħinna nikkoreġu liema idea żbaljata rigward l-​umiltà?

23 Is-​suppervja hi bħall-​velenu. L-​effetti jistgħu jkunu devastanti. Hija kwalità li tista’ tagħmel l-​iktar bniedem intelliġenti jkun bla siwi għal Alla. Mill-​banda l-​oħra, l-​umiltà tista’ tagħmel lill-​inqas wieħed jiswa ħafna f’għajnejn Ġeħova. Jekk nikkultivaw din il-​kwalità prezzjuża kuljum billi nistinkaw biex nimxu bl-​umiltà wara l-​passi taʼ Kristu, il-​premju hu meraviljuż jekk naħsbu dwaru. Pietru kiteb: “Umiljaw ruħkom taħt l-​id setgħana t’Alla, sabiex jeżaltakom fiż-​żmien xieraq.” (1 Pietru 5:6) Ġeħova ċertament li eżalta lil Ġesù talli umilja lilu nnifsu għalkollox. Bl-​istess mod, Alla tagħna se jitgħaxxaq jippremjak għall-​umiltà tiegħek.

24 B’dispjaċir, xi wħud jaħsbu li l-​umiltà hija sinjal taʼ dgħjufija. L-​eżempju taʼ Ġesù jgħinna naraw kemm din l-​idea hija żbaljata, għaliex l-​iktar raġel umli kien ukoll l-​iktar raġel kuraġġuż. Dan se jkun is-​suġġett tal-​kapitlu li jmiss.

^ par. 3 Rigward din il-​ġrajja, xogħol wieħed taʼ referenza jgħid li dawn l-​annimali “huma ħlejjaq sempliċi,” u jżid jgħid: “Jimxu bil-​mod, huma stinati, huma l-​annimali li l-​foqra kienu mdorrijin jużaw għax-​xogħol, u m’humiex daqstant sbieħ.”

^ par. 7 Għal iktar evidenza li Mikiel huwa Ġesù, ara paġni 218-​19 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.