Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Hija b’Mod Ċar Tagħlim tal-Bibbja?

Hija b’Mod Ċar Tagħlim tal-Bibbja?

Hija b’Mod Ċar Tagħlim tal-​Bibbja?

KIEKU t-​Trinità kienet vera, allura kienet tkun ippreżentata b’mod ċar u b’mod konsistenti fil-​Bibbja. Għala? Għaliex, bħalma qalu l-​appostli, il-​Bibbja hija r-​rivelazzjoni t’Alla nnifsu lill-​umanità. U ladarba aħna għandna bżonn inkunu nafu lil Alla biex inqimuh b’mod aċċettabbli, il-​Bibbja għandha tkun ċara f’li tgħidilna eżatt min hu.

Dawk li kienu jemmnu fl-​ewwel seklu aċċettaw l-​Iskrittura bħala r-​rivelazzjoni awtentika t’Alla. Kienet il-​bażi għat-​twemmin tagħhom, l-​awtorità finali. Per eżempju, meta l-​appostlu Pawlu ppriedka lin-​nies fil-​belt taʼ Berea, “huma laqgħu l-​kelma bl-​akbar ħerqa tal-​moħħ, waqt li jeżaminaw bir-​reqqa l-​Iskrittura kuljum rigward jekk dawn l-​affarijiet kinux hekk.”​—Atti 17:​10, 11.

Irġiel prominenti t’Alla f’dak iż-​żmien x’użaw bħala l-​awtorità tagħhom? Atti 17:​2, 3 jgħidilna: “Skond l-​użanza taʼ Pawlu hu . . . irraġuna magħhom mill-​Iskrittura, billi spjega u ta prova permezz taʼ referenzi [mill-Iskrittura].”

Ġesù nnifsu ta l-​eżempju f’li juża l-​Iskrittura bħala l-​bażi għat-​tagħlim tiegħu, billi b’mod ripetut qal: “Hu miktub.” “Hu interpretalhom affarijiet li jikkonċernaw lilu nnifsu fl-​Iskrittura kollha.”​—Mattew 4:​4, 7; Luqa 24:27.

B’hekk Ġesù, Pawlu, u dawk li kienu jemmnu fl-​ewwel seklu wżaw l-​Iskrittura bħala l-​pedament għat-​tagħlim tagħhom. Huma kienu jafu li “l-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla u taʼ benefiċċju għat-​tagħlim, għat-​twiddib, biex tiddritta l-​affarijiet, biex tiddixxiplina fit-​tjieba, biex il-​bniedem t’Alla jistaʼ jkun kompetenti għalkollox, imgħammar bis-​sħiħ għal kull xogħol tajjeb.”​—2 Timotew 3:​16, 17; ara wkoll 1 Korintin 4:​6; 1 Tessalonkin 2:13; 2 Pietru 1:​20, 21.

Ladarba l-​Bibbja tistaʼ “tiddritta l-​affarijiet,” għandha tirrivela b’mod ċar informazzjoni dwar kwistjoni fundamentali bħalma t-​Trinità jingħad li hi. Imma jgħidu t-​teoloġi u l-​kittieba tal-​istorja nfushom li hija b’mod ċar tagħlim tal-​Bibbja?

It-​“Trinità” fil-​Bibbja?

PUBBLIKAZZJONI Protestanta tistqarr: “Il-​kelma Trinità ma tinstabx fil-​Bibbja . . . Ma sabitx post formalment fit-​teoloġija tal-​knisja qabel ir-​rabaʼ seklu.” (The Illustrated Bible Dictionary) U awtorità Kattolika tgħid li t-​Trinità “mhix . . . direttament u immedjatament [il-]​kelma t’Alla.”​—New Catholic Encyclopedia.

The Catholic Encyclopedia wkoll tikkummenta: “Fl-​Iskrittura għad m’hemmx terminu wieħed li bih it-​Tliet Persuni Divini huma miġburin flimkien. Il-​kelma τρίας [triʹas] (li tagħha t-​trinitas Latina hija traduzzjoni) tinstab l-​ewwel f’Teofilus taʼ Antijokija madwar A. D. 180. . . . Ftit wara tidher fil-​forma Latina tagħha taʼ trinitas f’Tertuljanu.”

Madankollu, din ma hi ebda prova fiha nfisha li Tertuljanu għallem it-​Trinità. Ix-​xogħol Kattoliku Trinitas​—A Theological Encyclopedia of the Holy Trinity, per eżempju, jinnota li xi kliem taʼ Tertuljanu kien użat iktar tard minn oħrajn biex jiddeskrivu t-​Trinità. Imbagħad twissi: “Imma konklużjonijiet bil-​għaġla ma jistgħux jittieħdu mill-​użu, għax hu ma japplikax il-​kliem għal teoloġija Trinitarjana.”

Testimonjanza tal-​Iskrittura Ebrajka

WAQT li l-​kelma “Trinità” ma tinstabx fil-​Bibbja, hija għall-​inqas l-​ideja tat-​Trinità mgħallma biċ-​ċar fiha? Per eżempju, l-​Iskrittura Ebrajka (it-“Testment il-​Qadim”) x’tirrivela?

The Encyclopedia of Religion tammetti: “It-​teoloġi llum jaqblu li l-​Bibbja Ebrajka ma fihiex duttrina tat-​Trinità.” U n-​New Catholic Encyclopedia tgħid ukoll: “Id-​duttrina tat-​Trinità Mqaddsa mhix imgħallma fit-​T[estment il-​]​Q[adim].”

Bl-istess mod, fil-​ktieb tiegħu The Triune God, il-​Ġiżwita Edmund Fortman jammetti: “It-​Testment il-​Qadim . . . ma jgħid xejn b’mod espliċitu jew b’implikazzjoni neċessarja dwar Alla Trijun li hu Missier, Iben u Spirtu Mqaddes. . . . Ma hemm ebda evidenza li xi kittieb sagru saħansitra ssuspetta l-​eżistenza taʼ [Trinità] ġewwa s-​sustanza t’Alla. . . . Anki li tara fi[t-“Testment il-​Qadim”] suġġerimenti jew dellijiet jew ‘sinjali moħbija’ tat-​trinità taʼ persuni, ikun li tmur lil hinn mill-​kliem u mill-​ħsieb tal-​kittieba sagri.”​—Korsiv tagħna.

Eżami tal-​Iskrittura Ebrajka nfisha se jagħti appoġġ lil dawn il-​kummenti. B’hekk, m’hemm ebda tagħlim ċar taʼ Trinità fl-​ewwel 39 ktieb tal-​Bibbja li jiffurmaw il-​kanoni veru tal-​Iskrittura Ebrajka mnebbħa.

Testimonjanza tal-​Iskrittura Griega

SEWWA, mela, titkellem l-​Iskrittura Kristjana Griega (it-“Testment il-​Ġdid”) b’mod ċar dwar Trinità?

The Encyclopedia of Religion tgħid: “It-​teoloġi jaqblu li t-​Testment il-​Ġdid ukoll ma fihx duttrina espliċita tat-​Trinità.”

Il-Ġiżwita Fortman jistqarr: “Il-​kittieba tat-​Testment il-​Ġdid . . . ma jagħtuna ebda duttrina formali jew formulata tat-​Trinità, ebda tagħlim espliċitu li f’Alla wieħed hemm tliet persuni divini ko-ugwali. . . . Imkien ma nsibu xi duttrina trinitarjana taʼ tliet suġġetti distinti taʼ ħajja u attività divini fl-​istess sustanza t’Alla.”

The New Encyclopædia Britannica tosserva: “La l-​kelma Trinità u lanqas id-​duttrina espliċita ma jidhru fit-​Testment il-​Ġdid.”

Bernhard Lohse jgħid f’A Short History of Christian Doctrine: “Safejn għandu x’jaqsam it-​Testment il-​Ġdid, wieħed ma jsibx fih duttrina attwali tat-​Trinità.”

The New International Dictionary of New Testament Theology jistqarr bl-​istess mod: “It-​T[estment il-​]Ġ[did] ma fihx id-​duttrina żviluppata tat-​Trinità. ‘Il-​Bibbja nieqsa mid-​dikjarazzjoni espressa li l-​Missier, l-​Iben, u l-​Ispirtu Mqaddes huma taʼ essenza ugwali’ [qal it-​teologu Protestant Karl Barth].”

Il-Professur E. Washburn Hopkins, taʼ Yale University, jafferma: “Għal Ġesù u għal Pawlu d-​duttrina tat-​Trinità mid-​dehra ma kinetx magħrufa; . . . huma ma jgħidu xejn dwarha.”​—Origin and Evolution of Religion.

L-istoriku Arthur Weigall jinnota: “Ġesù Kristu qatt ma semma fenomenu bħal dan, u mkien fit-​Testment il-​Ġdid ma tidher il-​kelma ‘Trinità.’ L-​ideja kienet adottata biss mill-​Knisja tliet mitt sena wara l-​mewt tal-​Mulej tagħna.”​—The Paganism in Our Christianity.

B’hekk, la d-​39 ktieb tal-​Iskrittura Ebrajka u lanqas il-​kanoni taʼ 27 ktieb imnebbaħ tal-​Iskrittura Kristjana Griega ma jipprovdu xi tagħlim ċar dwar it-​Trinità.

Imgħallma minn Kristjani Bikrin?

IL-​KRISTJANI bikrin għallmuha t-​Trinità? Innota l-​kummenti li ġejjin minn kittieba tal-​istorja u minn teoloġi:

“Il-​Kristjanità primittiva ma kellhiex duttrina espliċita tat-​Trinità bħalma ġiet elaborata sussegwentement fil-​kredijiet.”​—The New International Dictionary of New Testament Theology.

“Il-​Kristjani bikrin, madankollu, għall-​ewwel ma ħasbux biex japplikaw l-​ideja tat-​[Trinità] għall-​fidi tagħhom stess. Huma taw id-​devozzjonijiet tagħhom lil Alla l-​Missier u lil Ġesù Kristu, l-​Iben t’Alla, u huma rrikonoxxew l-​ . . . Ispirtu Mqaddes; imma ma kien hemm ebda ħsieb dwar dawn it-​tlieta li jkunu fil-​fatt Trinità, ko-ugwali u magħqudin f’Wieħed.”​—The Paganism in Our Christianity.

“Għall-​ewwel il-​fidi Kristjana ma kinetx Trinitarjana . . . Ma kinetx hekk fl-​era appostolika u fl-​era taʼ wara, kif inhu rifless fit-​T[estment il-​]Ġ[did] u f’kitbiet Kristjani bikrin oħra.”​—Encyclopædia of Religion and Ethics.

“Il-​formola taʼ ‘Alla wieħed fi tliet Persuni’ ma kinetx stabbilita fis-​sod, ċertament mhux assimilata bis-​sħiħ fil-​ħajja Kristjana u fil-​professjoni taʼ fidi tagħha, qabel it-​tmiem tar-​rabaʼ seklu. . . . Fost il-​Padri Appostoliċi ma kien hemm xejn saħansitra li javviċina b’mod remot lil xi mentalità jew perspettiva bħal din.”​—New Catholic Encyclopedia.

X’Għallmu l-​Padri Ante-Niċejani

IL-​PADRI ante-Niċejani kienu rrikonoxxuti bħala li kienu għalliema reliġjużi minn taʼ quddiem fis-​sekli bikrin wara t-​twelid taʼ Kristu. Dak li għallmu huma huwa taʼ interess.

Ġustin Martri, li miet wara s-​sena 165 E.K., sejjaħ lil Ġesù, qabel ma sar bniedem, anġlu maħluq li huwa “apparti minn dak Alla li għamel l-​affarijiet kollha.” Hu qal li Ġesù kien inferjuri għal Alla u “qatt ma għamel xejn ħlief dak li l-​Ħallieq . . . riedu jagħmel u jgħid.”

Irenjus, li miet madwar is-​sena 200 E.K., qal li Ġesù, qabel ma sar bniedem, kellu eżistenza separata minn Alla u kien inferjuri għalih. Hu wera li Ġesù mhux ugwali għal dak “Alla Wieħed veru u uniku,” li hu “suprem fuq kulħadd, u li minbarra minnu ma hemm ħadd ieħor.”

Klement taʼ Lixandra, li miet madwar is-​sena 215 E.K., sejjaħ lil Ġesù, fl-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, “ħlejqa” imma sejjaħ lil Alla “dak Alla mhux maħluq u li ma jistaʼ jispiċċa qatt u li hu uniku.” Hu qal li l-​Iben “hu dak li jiġi wara l-​Missier uniku u omnipotenti” imma mhux daqsu.

Tertuljanu, li miet madwar is-​sena 230 E.K., għallem is-​supremazija t’Alla. Hu osserva: “Il-​Missier huwa differenti mill-​Iben (ieħor), billi hu akbar; bħalma dak li jnissel huwa differenti minn dak li jiġi mnissel; dak li jibgħat, differenti minn dak li jintbagħat.” Hu qal ukoll: “Kien hemm żmien meta l-​Iben ma kienx. . . . Qabel l-​affarijiet kollha, Alla kien waħdu.”

Ħippolitus, li miet madwar is-​sena 235 E.K., qal li Alla huwa “dak Alla wieħed, l-​ewwel u l-​uniku Wieħed, il-​Ħallieq u l-​Mulej taʼ kollox,” li “ma kellu xejn ko-evali [tal-istess età] miegħu . . . Imma hu kien Wieħed, waħdu miegħu nnifsu; li, għax ried, sejjaħ għall-​eżistenza lil dak li ma kienx jeżisti qabel,” bħal Ġesù maħluq qabel ma sar bniedem.

Oriġen, li miet madwar is-​sena 250 E.K., qal li “l-​Missier u l-​Iben huma żewġ sustanzi . . . żewġ affarijiet inkwantu għall-​essenza tagħhom,” u li “imqabbel mal-​Missier, [l-Iben] huwa dawl żgħir ferm.”

Billi jiġbor fil-​qosor l-​evidenza storika, Alvan Lamson igħid f’The Church of the First Three Centuries: “Id-​duttrina popolari u moderna tat-​Trinità . . . ma tieħu ebda appoġġ mil-​lingwa taʼ Ġustin [Martri]: u din l-​osservazzjoni tistaʼ tiġi estiża lill-​Padri ante-Niċejani kollha; jiġifieri, lill-​kittieba Kristjani kollha għal tliet sekli wara t-​twelid taʼ Kristu. Huwa veru, huma jitkellmu dwar il-​Missier, l-​Iben, u . . . l-​Ispirtu qaddis, imma mhux bħala li huma ko-ugwali, mhux bħala li huma essenza numerika waħda, mhux bħala li huma Tlieta f’Wieħed, f’xi sens li hu issa aċċettat mit-​Trinitarjani. Preċiż l-​oppost huwa l-​fatt.”

B’hekk, it-​testimonjanza tal-​Bibbja u tal-​istorja tagħmilha ċara li t-​Trinità ma kinetx magħrufa fi żminijiet Bibliċi u għal diversi sekli wara dan.

[Kumment f’paġna 7]

“Ma hemm ebda evidenza li xi kittieb sagru saħansitra ssuspetta l-​eżistenza taʼ [Trinità] ġewwa s-​sustanza t’Alla.”—The Triune God