Id-Duttrina tat-Trinità Kif Żviluppat?
Id-Duttrina tat-Trinità Kif Żviluppat?
F’DAN il-punt forsi tistaqsi: ‘Jekk it-Trinità mhix tagħlim tal-Bibbja, kif saret duttrina tal-Kristjaneżmu?’ Ħafna jaħsbu li ġiet ifformulata fil-Konċilju taʼ Niċeja fis-sena 325 E.K.
Dak mhux korrett għalkollox, madankollu. Il-Konċilju taʼ Niċeja tassew afferma li Kristu kien tal-istess sustanza bħal Alla, u dan poġġa l-pedament għat-teoloġija Trinitarjana taʼ iktar tard. Imma ma stabbiliex it-Trinità, għax f’dak il-konċilju ma ssemma xejn dwar l-ispirtu qaddis bħala t-tielet persuna taʼ sustanza trijuna t’Alla.
Is-Sehem taʼ Kostantinu f’Niċeja
GĦAL ħafna snin, kien hemm oppożizzjoni kbira fuq bażi Biblika lejn l-ideja li kienet qed tiżżviluppa li Ġesù kien Alla. Biex jipprova jsolvi l-kwistjoni, l-imperatur Ruman Kostantinu sejjaħ lill-isqfijiet kollha lejn Niċeja. Madwar 300, frazzjoni mit-total, attwalment attendew.
Kostantinu ma kienx Kristjan. Igħidu li kkonverta iktar tard fil-ħajja, imma hu ma tgħammidx sa qabel ma wasal biex imut. Dwaru, Henry Chadwick igħid f’The Early Church: “Kostantinu, bħal missieru, kien iqim lix-Xemx Mhix Mirbuħa; . . . il-konverżjoni tiegħu m’għandhiex tiġi interpretata bħala esperjenza ġewwinija taʼ grazzja . . . Kienet kwistjoni militari. Il-fehma tiegħu dwar duttrina Kristjana qatt ma kienet ċara ħafna, imma hu kien ċert li rebħa fil-battalja kienet tiddependi mill-għotja taʼ dak Alla tal-Kristjani.”
Liema sehem kellu dan l-imperatur mhux imgħammed fil-Konċilju taʼ Niċeja? L-Encyclopædia Britannica tirrakkonta: “Kostantinu nnifsu ppresieda, billi b’mod attiv iggwida d-diskussjonijiet, u personalment ippropona . . . il-formula kruċjali li tesprimi r-relazzjoni taʼ Kristu maʼ Alla fil-kredu maħruġ mill-konċilju, ‘taʼ sustanza waħda mal-Missier’ . . . Impressjonati żżejjed mill-imperatur, l-isqfijiet, b’żewġ eċċezzjonijiet biss, iffirmaw il-kredu, ħafna minnhom kontra l-inklinazzjoni tagħhom.”
B’hekk, is-sehem taʼ Kostantinu kien kruċjali. Wara xahrejn taʼ dibattitu reliġjuż imqanqal, dan il-politikant pagan indaħal u ddeċieda favur dawk li qalu li Ġesù kien Alla. Imma għala? Ċertament li mhux minħabba xi konvinzjoni Biblika. “Kostantinu bażikament ma kellu ebda fehma hi x’inhi tal-mistoqsijiet li kienu qed jiġu mistoqsijin fit-teoloġija Griega,” jgħid A Short History of Christian Doctrine. Dak li kien jifhem kien li firda reliġjuża kienet thedhida għall-imperu tiegħu, u hu ried li jissoda d-dominju tiegħu.
Ebda wieħed mill-isqfijiet taʼ Niċeja ma sostna xi Trinità, madankollu. Huma ddeċidew biss in-natura taʼ Ġesù imma mhux is-sehem tal-ispirtu qaddis. Kieku t-Trinità kienet verità ċara tal-Bibbja, ma kinux huma se jipproponuha f’dak iż-żmien?
Żvilupp Ieħor
WARA Niċeja, dibattiti fuq is-suġġett komplew għal għexur taʼ snin. Dawk li kienu jemmnu li Ġesù ma kienx ugwali m’Alla saħansitra ġew fil-favur għal xi żmien. Imma iktar tard l-Imperatur Teodosju ddeċieda kontrihom. Huwa stabbilixxa l-kredu tal-Konċilju taʼ Niċeja bħala l-livell għall-qasam tiegħu u sejjaħ il-Konċilju taʼ Kostantinopli fis-sena 381 E.K. biex jiċċara l-formula.
Dak il-konċilju qabel li jpoġġi lill-ispirtu qaddis fuq l-istess livell bħal Alla u Kristu. Għall-ewwel darba, it-Trinità tal-Kristjaneżmu bdiet tiġi ffokata.
Iżda, saħansitra wara l-Konċilju taʼ Kostantinopli, it-Trinità ma saritx kredu aċċettat maʼ kullimkien. Ħafna opponewha u b’hekk ġabu fuqhom infushom persekuzzjoni vjolenti. Kien biss f’sekli iktar tard li t-Trinità ġiet ifformulata fi kredijiet stabbiliti. The Encyclopedia Americana tinnota: “L-iżvilupp sħiħ taʼ Trinitarjaniżmu seħħ fil-Punent, fl-Iskolastiċiżmu tal-Medjuevu, meta bdew jipprovaw jagħtu spjegazzjoni permezz taʼ filosofija u psikoloġija.”
Il-Kredu Atanasjan
IT-TRINITÀ ngħatat definizzjoni iktar bis-sħiħ fil-Kredu Atanasjan. Atanasju kien membru tal-kleru li appoġġja lil Kostantinu f’Niċeja. Il-kredu li jġorr lil ismu jiddikjara: “Aħna nqimu Alla wieħed fi Trinità . . . Il-Missier hu Alla, l-Iben hu Alla u l-Ispirtu s-Santu hu Alla; u madankollu m’humiex tliet allat, imma Alla wieħed.”
Studjużi informati tajjeb jaqblu, madankollu, li Atanasju ma kkomponiex dan il-kredu. The New Encyclopædia Britannica tikkummenta: “Il-kredu ma kienx magħruf għall-Knisja tal-Lvant qabel is-seklu 12. Mis-seklu 17 ’il hawn, studjużi qablu b’mod ġenerali li l-Kredu Atanasjan ma kienx miktub minn Atanasju (li miet fis-sena 373) imma kien probabbli kompost fi Franza t’Isfel matul il-ħames seklu. . . . L-influwenza tal-kredu donnha li primarjament kienet fi Franza t’Isfel u fi Spanja fis-sekli 6 u 7. Kien użat fil-liturġija tal-knisja fil-Ġermanja fid-disaʼ seklu u xi ftit iktar tard f’Ruma.”
Mela għaddew sekli minn żmien Kristu sakemm it-Trinità saret aċċettata maʼ kullimkien fil-Kristjaneżmu. U f’dan kollu, x’kien li ggwida lid-deċiżjonijiet? Kienet il-Kelma t’Alla, jew kienu konsiderazzjonijiet klerikali u politiċi? F’Origin and Evolution of Religion, E. W. Hopkins iwieġeb: “Id-definizzjoni ortodossa finali tat-Trinità kienet fil-parti l-kbira kwistjoni taʼ politika tal-knisja.”
Apostasija Mbassra
DIN l-istorja taʼ għajb tat-Trinità tixraq maʼ dak li Ġesù u l-appostli tiegħu bassru li kellu jiġri wara ż-żmien tagħhom. Huma qalu li kellu jkun hemm apostasija, devjazzjoni, waqgħa mill-qima pura, sal-miġja lura taʼ Kristu, meta l-qima vera kellha tiġi restawrata qabel il-jum taʼ qerda t’Alla fuq din is-sistema taʼ affarijiet.
Rigward dak il-“jum,” l-appostlu Pawlu qal: “Mhux se jiġi jekk l-ewwel ma tiġix l-apostasija u jinkixef ir-raġel taʼ bla liġi.” (2 Tessalonkin 2:3, 7) Iktar tard, hu bassar: “Meta nkun tlaqt ilpup feroċi se jinvadukom u ma jkollhomx ħniena mill-merħla. Anki minn fostkom stess se jkun hemm irġiel li jiġu ’l quddiem b’parodija tal-verità fuq xofftejhom biex iħajru lid-dixxipli biex isegwuhom.” (Atti 20:29, 30, JB) Dixxipli oħra taʼ Ġesù wkoll kitbu dwar din l-apostasija bil-klassi taʼ kleru tagħha “taʼ bla liġi.”—Ara, per eżempju, 2 Pietru 2:1; 1 Ġwann 4:1-3; Ġuda 3, 4.
Pawlu kiteb ukoll: “Iż-żmien żgur li ġej meta, mhux talli ma jkunux kuntenti b’tagħlim xieraq, imma talli n-nies se jkunu ħerqana għall-aħħar novità u jiġbru għalihom infushom serje sħiħa taʼ għalliema skond il-gosti tagħhom; u mbagħad, minflok ma jisimgħu l-verità, huma se jduru lejn il-ħrejjef.”—2 Timotew 4:3, 4, JB.
Ġesù nnifsu spjega x’kien hemm wara din il-waqgħa mill-qima vera. Hu qal li kien żeraʼ żrieragħ tajbin imma li l-għadu, Satana, kellu jiżraʼ fil-għalqa ħaxix ħażin. Mela flimkien mal-ewwel tnibbit taʼ qamħ, il-ħaxix ħażin deher ukoll. B’hekk, devjazzjoni mill-Kristjanità pura kienet mistennija sakemm jasal il-ħsad, meta Kristu kellu jiddritta l-affarijiet. (Mattew 13:24-43) The Encyclopedia Americana tikkummenta: “It-Trinitarjaniżmu tar-rabaʼ seklu ma rriflettiex b’mod eżatt it-tagħlim Kristjan bikri rigward in-natura t’Alla; kien, għall-kuntrarju, devjazzjoni minn dan it-tagħlim.” Fejn, mela, oriġinat din id-devjazzjoni?—1 Timotew 1:6.
X’Influwenzaha
MATUL id-dinja antika kollha, lura sa żmien il-Babilonja, il-qima taʼ allat pagani fi gruppi taʼ tlieta, jew trijadi, kienet komuni. Dik l-influwenza kienet ukoll prevalenti fl-Eġittu, fil-Greċja, u f’Ruma fis-sekli taʼ qabel, matul, u wara Kristu. U wara l-mewt tal-appostli, twemmin pagan bħal dan beda jinvadi lill-Kristjanità.
L-istoriku Will Durant osserva: “Il-Kristjanità ma qerditux lill-paganiżmu; hi adottatu. . . . Mill-Eġittu ġew l-idejat taʼ trinità divina.” U fil-ktieb Egyptian Religion, Siegfried Morenz jinnota: “It-trinità kienet preokkupazzjoni kbira għal teoloġi Eġizzjani . . . Tliet allat huma magħqudin flimkien u ttrattati bħala esseri wieħed, indirizzati fis-singular. B’dan il-mod il-forza spiritwali taʼ reliġjon Eġizzjana turi rabta diretta mat-teoloġija Kristjana.”
B’hekk, f’Lixandra, l-Eġittu, nies tal-knisja fl-aħħar tat-tielet seklu u fil-bidu tar-rabaʼ seklu, bħalma kien Atanasju, irriflettew din l-influwenza hekk kif ifformulaw idejat li wasslu għat-Trinità. L-influwenza tagħhom stess infirxet, tant li Morenz jikkunsidra lit-“teoloġija Lixandrina bħala l-medjatriċi bejn il-wirt reliġjuż Eġizzjan u l-Kristjanità.”
Fil-prefiss taʼ History of Christianity taʼ Edward Gibbon, naqraw: “Jekk il-Paganiżmu kien mirbuħ mill-Kristjanità, huwa daqstant veru li l-Kristjanità kienet korrotta mill-Paganiżmu. Id-Dejiżmu pur tal-ewwel Kristjani . . . kien mibdul, mill-Knisja taʼ Ruma, fid-domma li ma tistax tiġi mifhuma tat-trinità. Ħafna mit-twemmin pagan, ivvintat mill-Eġizzjani u idejalizzat minn Platone, kien miżmum bħala li jixraqlu li jiġi emmnut.”
A Dictionary of Religious Knowledge jinnota li ħafna jgħidu li t-Trinità “hija korruzzjoni mislufa mir-reliġjonijiet pagani, u mlaqqma għal ġol-fidi Kristjana.” U The Paganism in Our Christianity jiddikjara: “L-oriġini tat-[Trinità] hu għalkollox pagan.”
Hu għalhekk li, fl-Encyclopædia of Religion and Ethics, James Hastings kiteb: “Fir-reliġjon Indjana, e.g., niltaqgħu mal-grupp trinitarjan taʼ Brahmā, Siva, u Viṣṇu; u fir-reliġjon Eġizzjana mal-grupp trinitarjan taʼ Osiris, Isis, u Horus . . . Lanqas ma hu biss fir-reliġjonijiet storiċi li nsibu lil Alla meqjus bħala Trinità. Wieħed jiftakar b’mod partikulari fl-ideja Neo-Platonika tar-Rejaltà Suprema jew Aħħarija,” li hija “ppreżentata b’mod trijadiku.” Il-filosfu Grieg Platone x’għandu x’jaqsam mat-Trinità?
Platoniżmu
PLATONE, huwa maħsub, għex mis-sena 428 sas-sena 347 qabel Kristu. Waqt li hu ma għallimx it-Trinità fil-forma preżenti tagħha, il-filosofiji tiegħu wittew it-triq għaliha. Iktar tard, nibtu movimenti filosofiċi li inkludew twemmin trijadiku, u dawn kienu influwenzati mill-idejat taʼ Platone dwar Alla u n-natura.
Il-pubblikazzjoni Franċiża Nouveau Dictionnaire Universel (Dizzjunarju Universali Ġdid) tgħid dwar l-influwenza taʼ Platone: “It-trinità taʼ Platone, li hi stess hija sempliċement arranġament mill-ġdid taʼ trinitajiet iktar qodma li jmorru lura lejn popli iktar bikrin, tidher li hi t-trinità filosofika razzjonali taʼ attributi li welldet lit-tliet persuni divini mgħallma mill-knejjes Kristjani. . . . Il-fehma taʼ dan il-filosfu Grieg dwar it-trinità divina . . . tistaʼ tinstab fir-reliġjonijiet [pagani] kollha tal-qedem.”
The New Schaff-Herzog Encyclopedia of Religious Knowledge turi l-influwenza taʼ din il-filosofija Griega: “Id-duttrini tal-Logos u tat-Trinità ħadu s-sura tagħhom mingħand il-Padri Griegi, li . . . kienu influwenzati ferm, direttament jew indirettament, mill-filosofija taʼ Platone . . . Li żbalji u korruzzjonijiet daħlu baxx baxx fil-Knisja minn dan is-sors ma jistax jiġi miċħud.”
The Church of the First Three Centuries igħid: “Id-duttrina tat-Trinità kienet taʼ formazzjoni gradwali u komparattiva taʼ iktar tard; . . . kellha l-oriġini tagħha f’sors għalkollox barrani minn dak tal-Iskrittura Lhudija u Kristjana; . . . kibret, u ġiet imlaqqma għal ġol-Kristjanità, permezz taʼ jdejn il-Padri Platonisti.”
Sa tmiem it-tielet seklu E.K., il-“Kristjanità” u l-filosofiji Platoniċi ġodda saru magħqudin b’mod inseparabbli. Bħalma jistqarr Adolf Harnack f’Outlines of the History of Dogma, id-duttrina tal-knisja saret “b’għeruq fondi fil-ħamrija tal-Ħelleniżmu [ħsieb Grieg pagan]. B’hekk hija saret misteru għall-maġġoranza l-kbira tal-Kristjani.”
Il-knisja sostniet li d-duttrini ġodda tagħha kienu bbażati fuq il-Bibbja. Imma Harnack igħid: “Fir-rejaltà għamlet leġittima f’nofsha l-ispekulazzjoni Ħellenika, l-idejat u drawwiet superstizzjużi taʼ qima-misteru pagan.”
Fil-ktieb A Statement of Reasons, Andrews Norton igħid dwar it-Trinità: “Nistgħu nsibu l-bidu tal-istorja taʼ din id-duttrina, u niskopru s-sors tagħha, mhux fir-rivelazzjoni Kristjana, imma fil-filosofija Platonika . . . It-Trinità mhix duttrina taʼ Kristu u l-Appostli tiegħu, imma ħrafa tal-iskola tal-Platonisti li ġew wara.”
B’hekk, fir-rabaʼ seklu E.K., l-apostasija mbassra minn Ġesù u l-appostli ġiet fl-aqwa tagħha. L-iżvilupp tat-Trinità kien biss evidenza waħda taʼ dan. Il-knejjes apostati bdew iħaddnu wkoll idejat pagani oħra, bħalma hu n-nar tal-infern, l-immortalità tar-ruħ u l-idolatrija. B’mod spiritwali, il-Kristjaneżmu kien daħal fil-medjuevu mbassar tiegħu, iddominat minn klassi klerikali taʼ “raġel taʼ bla liġi” li kienet qed tikber.—2 Tessalonkin 2:3, 7.
Il-Profeti t’Alla Għala Ma Għallmuhiex?
GĦALA, għal eluf taʼ snin, ħadd mill-profeti t’Alla ma għallem lin-nies tiegħu dwar it-Trinità? L-iktar l-iktar, ma kienx Ġesù juża l-abbiltà tiegħu bħala l-Għalliem il-Kbir biex jagħmel it-Trinità ċara għas-segwaċi tiegħu? Kien sejjer Alla jnebbaħ mijiet taʼ paġni taʼ Skrittura u madankollu ma juża xejn minn dan it-tagħlim biex igħallem it-Trinità kieku kienet id-“duttrina ċentrali” tal-fidi?
Għandhom il-Kristjani jemmnu li sekli wara Kristu u wara li kien nebbaħ il-kitba tal-Bibbja, Alla kien se jappoġġja l-formulazzjoni taʼ duttrina li ma kinetx magħrufa għall-qaddejja tiegħu għal eluf taʼ snin, waħda li hi “misteru li ma tistax tifhmu” “’il bogħod mir-raġunar uman,” waħda li rridu nammettu li kellha sfond pagan u kienet “fil-parti l-kbira kwistjoni taʼ politika tal-knisja”?
It-testimonjanza tal-istorja hija ċara: It-tagħlim tat-Trinità huwa devjazzjoni mill-verità, apostatizzar minnha.
[Kumment f’paġna 8]
‘It-Trinitarjaniżmu tar-rabaʼ seklu kien devjazzjoni minn tagħlim Kristjan bikri.’—The Encyclopedia Americana
[Kaxxa f’paġna 9]
“It-Trijadi tal-Allat il-Kbar”
Bosta sekli qabel żmien Kristu, kien hemm trijadi, jew trinitajiet, taʼ allat f’Babilonja u l-Assirja tal-qedem. Il-“Larousse Encyclopedia of Mythology” Franċiża tinnota trijad wieħed bħal f’dawk l-inħawi tal-Mesapotamja: “L-univers kien maqsum fi tliet reġjuni li kull wieħed minnhom sar id-dominju taʼ alla wieħed. Is-sehem taʼ Anu kien is-sema. L-art kienet mogħtija lil Enlil. Ea sar il-ħakkiem tal-ilmijiet. Flimkien huma kienu jifformaw it-trijad tal-Allat il-Kbar.”
[Kaxxa f’paġna 12]
It-Trinità Ħindu
Il-ktieb “The Symbolism of Hindu Gods and Rituals” igħid dwar trinità Ħindu li eżistiet sekli qabel Kristu: “Siva huwa wieħed mill-allat tat-Trinità. Jintqal li hu l-alla tal-qerda. Iż-żewġ allat l-oħra huma Brahma, l-alla tal-ħolqien u Vishnu, l-alla tal-manteniment. . . . Biex jindika li dawn it-tliet proċessi huma ħaġa waħda t-tliet allat huma magħqudin flimkien f’forma waħda.”—Ippubblikat minn A. Parthasarathy, Bombay.
[Stampa f’paġna 8]
“Kostantinu bażikament ma kellu ebda fehma hi x’inhi tal-mistoqsijiet li kienu qed jiġu mistoqsijin fit-teoloġija Griega.”—A Short History of Christian Doctrine
[Stampi f’paġna 10]
1. Eġittu. Trijad taʼ Horus, Osiris, Isis, it-2 millennju Q.E.K.
2. Babilonja. Trijad taʼ Ixtar, Sin, Xamax, it-2 millennju Q.E.K.
3. Palmyra. Trijad taʼ alla qamar, Mulej tas-Smewwiet, alla xemx, ċ. l-1 seklu E.K.
4. Indja. It-Trijun Ħindu taʼ rjus alla, ċ. is-7 seklu E.K.
5. Kampuċja. It-Trijun Buddist taʼ rjus alla, ċ. is-seklu 12 E.K.
6. Norveġja. Trinità (Missier, Iben, spirtu qaddis), ċ. is-seklu 13 E.K.
7. Franza. Trinità, ċ. is-seklu 14 E.K.
8. Italja. Trinità, ċ. is-seklu 15 E.K.
9. Ġermanja. Trinità, ċ. is-seklu 19 E.K.
10. Ġermanja. Trinità, is-seklu 20 E.K.