It-Trinità Kif Inhi Spjegata?
It-Trinità Kif Inhi Spjegata?
IL-KNISJA Kattolika Rumana tistqarr: “It-Trinità hija l-kelma wżata biex tissinjifika d-duttrina ċentrali tar-reliġjon Kristjana . . . B’hekk, fil-kliem tal-Kredu Atanasjan: ‘il-Missier hu Alla, l-Iben hu Alla, u l-Ispirtu Mqaddes hu Alla, u madankollu ma hemmx tliet Allat imma Alla wieħed.’ F’din it-Trinità . . . il-Persuni huma ko-eterni u ko-ugwali: kollha l-istess huma omnipotenti u mhux maħluqin.”—The Catholic Encyclopedia.
Kważi l-knejjes l-oħra kollha fil-Kristjaneżmu jaqblu. Per eżempju, il-Knisja Ortodossa Griega wkoll issejjaħ lit-Trinità “id-duttrina fundamentali tal-Kristjanità,” saħansitra billi tgħid: “Kristjani huma dawk li jaċċettaw lil Kristu bħala Alla.” Fil-ktieb Our Orthodox Christian Faith, l-istess knisja tiddikjara: “Alla huwa trijun. . . . Il-Missier huwa totalment Alla. L-Iben huwa totalment Alla. L-Ispirtu Mqaddes huwa totalment Alla.”
B’hekk, it-Trinità hija kkunsidrata bħala li hi “Alla wieħed fi tliet Persuni.” Kull wieħed minnhom jintqal li ma kellux bidu, billi eżista minn dejjem. Kull wieħed minnhom jintqal li jistaʼ kollox, b’ebda wieħed minnhom akbar jew iżgħar mill-ieħor.
Huwa raġunar bħal dan iebes biex issegwih? Ħafna wħud sinċiera li jemmnu sabu li dan ir-raġunar iħawwadhom, li hu kontra r-raġuni normali, u li xejn m’hu bħalu fl-esperjenza tagħhom. Kif jistaʼ jkun, huma jistaqsu, li l-Missier hu Alla, Ġesù hu Alla, u l-ispirtu qaddis hu Alla, u madankollu hemm mhux tliet Allat imma biss Alla wieħed?
“’Il bogħod mir-Raġunar Uman”
DAN it-taħwid huwa mifrux maʼ kullimkien. The Encyclopedia Americana tinnota li d-duttrina tat-Trinità hija meqjusa bħala li hi “’il bogħod mir-raġunar uman.”
Ħafna li jaċċettaw it-Trinità jħarsu lejha bl-istess mod. Il-Monsinjur Eugene Clark igħid: “Alla huwa wieħed, u Alla huwa tlieta. Ladarba m’hemm xejn bħal dan fil-ħolqien, ma nistgħux nifhmuh, imma biss naċċettawh.” Il-Karidnal John O’Connor jistqarr: “Nafu li huwa misteru profond ferm, li lanqas biss nibdew biex nifhmuh.” U l-Papa Ġwanni Pawlu II jitkellem dwar “il-misteru li ma tistax tifhmu taʼ Alla t-Trinità.”
B’hekk, A Dictionary of Religious Knowledge igħid: “Preċiżament x’inhi dik id-duttrina, jew preċiżament kif trid tiġi spjegata, it-Trinitarjani ma jaqblux bejniethom.”
Nistgħu nifhmu, mela, għala n-New Catholic Encyclopedia tosserva: “Hemm ftit għalliema tat-teoloġija tat-Trinità fis-seminarji Kattoliċi Rumani li ma ġewx iffittati xi darba jew oħra bil-mistoqsija, ‘Imma wieħed kif jippridkaha t-Trinità?’ U jekk il-mistoqsija hija sintomu taʼ taħwid min-naħa tal-istudenti, forsi ma hi xejn inqas sintomu taʼ taħwid simili min-naħa tal-professuri tagħhom.”
Il-verità taʼ dik l-osservazzjoni tistaʼ tiġi vverifikata billi tmur f’librerija u teżamina kotba li jappoġġjaw it-Trinità. Inkitbu għadd kbir taʼ paġni biex jipprovaw jispjegawha. Iżda wara li jidħlu fi u joħorġu minn sqaqien taʼ termini u spjegazzjonijiet teoloġiċi mħawdin, dawk li jinvestigaw xorta joħorġu mhux sodisfatti.
F’dan ir-rigward, il-Ġiżwita Joseph Bracken josserva fil-ktieb tiegħu What Are They Saying About the Trinity?: “Qassisin li bi sforz konsiderevoli tgħallmu . . . t-Trinità matul is-snin tagħhom fis-seminarju naturalment jaħsbuha darbtejn biex jippreżentawha lin-nies tagħhom minn fuq il-pulptu, saħansitra nhar Ħadd it-Trinità. . . . Wieħed għala għandu jdejjaq lin-nies b’xi ħaġa li fl-aħħar mill-aħħar m’humiex se jifhmuha sewwa xorta waħda?” Hu jgħid ukoll: “It-Trinità hija kwistjoni taʼ twemmin formali, imma għandha ftit jew xejn [effett] fil-ħajja u fil-qima Kristjana taʼ kuljum.” Iżda, hija “d-duttrina ċentrali” tal-knejjes!
It-teologu Kattoliku Hans Küng josserva fil-ktieb tiegħu Christianity and the World Religions li t-Trinità hija raġuni waħda għala l-knejjes ma kellhomx il-ħila jiksbu xi suċċess sinjifikanti maʼ nies li m’humiex Kristjani. Hu jistqarr: “Saħansitra Misilmin informati tajjeb sempliċement ma jistgħux isegwu, bħalma l-Lhud s’issa bl-istess mod naqsu li jifhmu, l-ideja tat-Trinità. . . . Id-distinzjonijiet magħmulin mid-duttrina tat-Trinità bejn Alla wieħed u tliet persuni ma jissodisfawx lill-Misilmin, li huma mħawdin, iktar milli mdawlin, bit-termini teoloġiċi li ġejjin mis-Sirjak, mill-Grieg, u mil-Latin. Il-Misilmin iħossu li hu logħob bil-kliem. . . . Għala għandu xi ħadd ikun irid li jżid xi ħaġa mal-ideja taʼ Alla wieħed u uniku li tistaʼ biss tnaqqas jew ixxejjen dak l-istat taʼ Alla wieħed u uniku?”
“Mhux Alla taʼ Taħwid”
KIF setgħet toriġina duttrina li tħawwad bħal din? The Catholic Encyclopedia tgħid: “Domma tant misterjuża tagħti wieħed x’jifhem li hi xi rivelazzjoni Divina.” L-istudjużi Kattoliċi Karl Rahner u Herbert Vorgrimler jistqarru fit-Theological Dictionary tagħhom: “It-Trinità hija misteru . . . fis-sens strett . . . , li ma setax ikun magħruf mingħajr rivelazzjoni, u saħansitra wara rivelazzjoni ma jistax isir mifhum kompletament.”
Madankollu, li wieħed isostni li, ladarba t-Trinità hi misteru li jħawdek bħal dan, bil-fors li ġiet minn rivelazzjoni divina joħloq problema kbira oħra. Għala? Għaliex rivelazzjoni divina nfisha ma tippermettix ideja bħal din dwar Alla: “Alla m’huwiex Alla taʼ taħwid.”—1 Korintin 14:33, Revised Standard Version (RS).
Meta wieħed iqis dik l-istqarrija, kien sejjer Alla jkun responsabbli għal duttrina dwaru nnifsu li tant tħawdek li saħansitra studjużi Ebrej, Griegi, u Latini ma jistgħux verament jispjegawha?
Iktar minn hekk, iridu n-nies ikunu teoloġi ‘biex ikunu jafu lill-uniku veru Alla u lil Ġesù Kristu li lilu bagħat’? (Ġwann 17:3, JB) Kieku dak kien il-każ, għala daqshekk ftit mill-mexxejja reliġjuzi Lhud taʼ skola rrikonoxxew lil Ġesù bħala l-Messija? Id-dixxipli lejali tiegħu kienu, minflok, sempliċi bdiewa, sajjieda, kolletturi tat-taxxa, nisa tad-djar. Dawk in-nies komuni kienu tant ċerti minn dak li Ġesù għallem dwar Alla li huma setgħu jgħallmuh lil oħrajn u kienu saħansitra lesti li jmutu għat-twemmin tagħhom.—Mattew 15:1-9; 21:23-32, 43; 23:13-36; Ġwann 7:45-49; Atti 4:13.
[Stampa f’paġna 4]
Id-dixxipli taʼ Ġesù kienu n-nies umlin u komuni, mhux il-mexxejja reliġjużi