Għala Nibżaʼ Nitkellem Dwar ir-Reliġjon fl-Iskola?
KAPITLU 17
Għala Nibżaʼ Nitkellem Dwar ir-Reliġjon fl-Iskola?
“Kelli diversi opportunitajiet tajbin biex nitkellem dwar it-twemmin reliġjuż tiegħi fl-iskola, iżda ma ħtafthomx.”—Kaleb.
“L-għalliema staqsietna bħala klassi x’naħsbu dwar l-evoluzzjoni. Kont naf li din kienet opportunità tad-deheb biex nitkellem dwar ir-reliġjon tiegħi. Iżda f’daqqa waħda tant bżajt li mmutajt. Wara ħassejtni veru ħażin.”—Jasmine.
JEKK int żagħżugħ jew żagħżugħa Kristjana, forsi tħossok bħal Kaleb u Jasmine. Bħalhom, int għandek mnejn tħobb il-veritajiet li tgħallimt mill-Bibbja. Għandek mnejn ukoll tkun trid taqsamhom m’oħrajn. Madankollu, il-ħsieb li titkellem dwar ir-reliġjon tiegħek forsi jkexkxek. Iżda int tistaʼ trabbi iktar kuraġġ. Kif? Ħu dawn il-passi li ġejjin:
1. Agħraf x’inhuma l-beżgħat tiegħek. Meta taħseb dwar li titkellem fuq ir-reliġjon tiegħek m’oħrajn, huwa faċli timmaġina l-agħar ħaġa li tistaʼ tiġri! Iżda, kultant għandek mnejn ittaffi l-beżgħat tiegħek jekk tipprova titkellem jew tikteb dwarhom.
Kompli din is-sentenza:
● Jekk nitkellem dwar it-twemmin reliġjuż tiegħi fl-iskola nibżaʼ li jistaʼ jiġri dan: ․․․․․
Jistaʼ jkun taʼ faraġ li tkun taf li l-beżgħat tiegħek għandhom mnejn ikunu simili ħafna għal dawk taʼ żgħażagħ Kristjani oħrajn. Pereżempju, Christopher, li għandu 14-il sena, jammetti u jgħid: “Nibżaʼ li sħabi tal-iskola jidħqu bija u jgħidu lil kulħadd li jien stramb.” U Kaleb, li ġie kwotat fil-bidu, jgħid: “Kont nibżaʼ li xi ħadd jagħmilli xi mistoqsija li ma nkunx naf inwiġibha.”
2. Aċċetta l-isfida. Huma l-beżgħat tiegħek kompletament bla bażi? Mhux bilfors. Ashley, li għandha 20 sena, tiftakar u tgħid: “Xi tfal kienu jagħmlu tabirruħhom li huma interessati fit-twemmin reliġjuż tiegħi. Iżda mbagħad kienu jdawru l-kliem kontrija u jgħajruni quddiem l-oħrajn.” Nicole, li għandha 17-il sena, għaddiet minn din l-esperjenza: “Kien hemm tifel partikulari li beda jqabbel vers fil-Bibbja tiegħu mal-istess vers fil-Bibbja tiegħi, u l-kliem kien differenti. Hu qal li l-Bibbja tiegħi *
kienet ġiet mibdula. Ħassejt li ġabni dahri mal-ħajt! Ħallieni bla kliem.”Sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jidhru tassew tal-biżaʼ! Iżda minflok ma taħrab minnhom, aċċetta dawn l-isfidi bħala parti normali mill-ħajja tiegħek bħala Kristjan. (2 Timotju 3:12) Matthew, li għandu 13-il sena, jgħid: “Ġesù qal li s-segwaċi tiegħu kellhom jiġu persegwitati. Mela ma nistgħux nistennew li nintgħoġbu minn kulħadd minħabba t-twemmin tagħna.”—Ġwanni 15:20.
3. Aħseb dwar il-benefiċċji. Tistaʼ toħroġ xi ħaġa taʼ ġid minn esperjenza li tkun tidher kerha? Amber, li għandha 21 sena, hekk taħseb. Hi tgħid: “Huwa diffiċli li tispjega t-twemmin reliġjuż tiegħek lil nies li ma jirrispettawx il-Bibbja. Iżda dan jgħinek tifhem it-twemmin reliġjuż tiegħek stess aħjar.”—Rumani 12:2.
Erġaʼ agħti titwila lejn is-sitwazzjoni li ddeskrivejt int fl-1 Pass. Aħseb f’minn tal-inqas żewġ affarijiet taʼ ġid li jistgħu joħorġu minn din is-sitwazzjoni u iktibhom hawn taħt.
1 ․․․․․
2 ․․․․․
Ħjiel: Kif għandha mnejn tonqos il-pressjoni li tiffaċċja minn dawk tamparek meta titkellem dwar ir-reliġjon tiegħek? Kif tiġi effettwata l-fiduċja fik innifsek meta titkellem dwar Proverbji 23:15.
ir-reliġjon tiegħek? Kif jiġu effettwati s-sentimenti tiegħek għal Alla Ġeħova u s-sentimenti tiegħu għalik?—4. Kun preparat. Proverbji 15:28 jgħid: “Qalb il-ġust timmedita sabiex twieġeb.” Minbarra li timmedita fuq dak li se tgħid, ipprova antiċipa l-mistoqsijiet li jistgħu jagħmlulek l-oħrajn. Agħmel riċerka fuq dawn is-suġġetti, u ppjana t-tweġibiet li tħossok komdu tagħti.—Ara ċ-ċart “Ippjana X’Se Twieġeb,” f’paġna 127.
5. Ibda. Meta tħossok lest li titkellem dwar it-twemmin reliġjuż tiegħek, kif għandek tibda? Għandek żewġ għażliet. F’ċertu sens, li titkellem dwar it-twemmin reliġjuż tiegħek hu bħall-għawm: Xi nies jinżlu fl-ilma bil-mod il-mod; oħrajn jaqbdu u jaqbżu. Bl-istess mod, tistaʼ tibda l-konversazzjoni fuq suġġett li ma jkunx reliġjuż u bil-mod il-mod tara kif jirreaġixxi l-individwu. B’hekk tkun bħallikieku qed tiċċekkja l-ilma. Iżda jekk issib li qed tinkwieta żżejjed dwar x’jistaʼ jmur ħażin, l-aħjar għażla li jkollok tistaʼ tkun li ‘taqbad u taqbeż.’ (Luqa 12:11, 12) “Il-ħsieb li nitkellem dwar it-twemmin reliġjuż tiegħi m’oħrajn kien dejjem iktar diffiċli milli proprju nitkellem,” jgħid Andrew, li għandu 17-il sena. “Ladarba kienet tinbeda konversazzjoni, kien ikun ħafna iktar faċli milli ħsibt!” *
6. Kun prudenti. Salamun kiteb: “In-nies prudenti dejjem jaħsbu qabel ma jaġixxu.” (Proverbji 13:16, Today’s English Version) Sewwasew bħalma int ma taqbadx u togħdos f’ilma baxx, oqgħod attent li ma taqbadx argumenti bla siwi. Ftakar li hemm żmien li titkellem u żmien li toqgħod kwiet. (Ekkleżjasti 3:1, 7) Kultant, anki Ġesù rrifjuta li jwieġeb ċerti mistoqsijiet.—Mattew 26:62, 63.
Jekk tiddeċiedi li twieġeb, forsi tistaʼ tagħti tweġiba fil-qosor u b’mod għaqli. Pereżempju, jekk xi ħadd fil-klassi tiegħek jipprova jgħaddik biż-żmien billi jistaqsik, ‘Int għala ma tpejjipx?’ tistaʼ sempliċement tgħid, ‘Għax ma rridx inniġġes ġismi!’ Skont ir-reazzjoni tal-individwu, tistaʼ tiddeċiedi jekk tkomplix tispjega t-twemmin reliġjuż tiegħek jew le.
Is-sitt passi msemmijin f’dan il-kapitlu jistgħu jgħinuk ‘tkun dejjem lest li tiddefendi’ r-reliġjon tiegħek. (1 Pietru 3:15) M’għandniex xi ngħidu, li tkun lest ma jfissirx li qatt m’int se tħossok ansjuż. Iżda Alana, li għandha 18-il sena, tgħid: “Meta tispjega t-twemmin reliġjuż tiegħek, minkejja l-biżaʼ li jkollok, tħossok bħallikieku wettaqt xi ħaġa kbira—kemm għax tkun għelibt il-biżaʼ tiegħek u kemm għax tkun ħadt ir-riskju li ma tirnexxix. U jekk tmur tajjeb se tħossok saħansitra aħjar! Se tħossok kuntent li kellek il-kuraġġ titkellem.”
Qed tħossok stressat l-iskola? Tgħallem kif tistaʼ tkampa.
[Noti ta’ taħt]
^ par. 10 Traduzzjonijiet differenti tal-Bibbja jużaw kliem differenti. Madankollu, xi wħud huma iktar leali għal-lingwi oriġinali li bihom inkitbet il-Bibbja.
^ par. 18 Ara l-kaxxa “Kif Tibda Konversazzjoni,” fil-paġna taʼ qabel.
SKRITTURA PRINĊIPALI
“Kunu dejjem lesti li tiddefendu ruħkom quddiem kulmin ikun irid raġuni għat-tama li għandkom, imma dan agħmluh bil-ħlewwa u b’rispett profond.”—1 Pietru 3:15.
SUĠĠERIMENT
Minflok ma tgħid lil sħabek tal-klassi x’għandhom jew x’m’għandhomx jemmnu, b’wiċċek minn quddiem stqarr dak li temmen u għala tħoss li r-raġunijiet għat-twemmin tiegħek huma raġunevoli.
KONT TAF . . . ?
Xi wħud minn sħabek tal-klassi għandhom mnejn jammirawk talli żżomm mal-livelli morali tal-Bibbja, imma forsi jistħu jistaqsuk dwar it-twemmin reliġjuż tiegħek.
L-AZZJONI LI SE NIEĦU
Fost sħabi tal-klassi, nistaʼ nitkellem dwar it-twemmin reliġjuż tiegħi maʼ [ikteb l-isem taʼ minn tal-inqas persuna waħda] ․․․․․
Is-suġġett li naħseb li jinteressa l-iktar lil din il-persuna hu ․․․․․
Dak li nixtieq nistaqsi lill-ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-suġġett hu ․․․․․
INT X’TAĦSEB?
● X’tistaʼ tkun raġuni waħda għala sħabek tal-iskola jwaqqgħu għaċ-ċajt it-twemmin reliġjuż tiegħek?
● Jekk tiddeċiedi li titkellem dwar it-twemmin reliġjuż tiegħek, għala hu importanti li titkellem b’wiċċek minn quddiem?
[Kumment f’paġna 126]
“Meta kont iżgħar, ma ridtx inkun differenti minn tfal oħrajn. Iżda mbagħad bdejt nifhem kif ir-reliġjon tiegħi tgħinni biex ikolli kwalità taʼ ħajja aħjar. Dan saħħaħli l-fiduċja tiegħi fija nnifsi u ġegħelni nħossni kburi b’dak li kont nemmen.”—Jason
[Kaxxa f’paġna 124]
Kif Tibda Konversazzjoni
● “X’għandek ippjanat għas-sajf?” [Agħti ċans għal tweġiba u semmi x’inhuma l-pjanijiet spiritwali tiegħek bħal, pereżempju, li tattendi xi konvenzjoni jew li żżid fil-ministeru.]
● Semmi xi ġrajja kurrenti, u mbagħad staqsi: “Smajtha din? Int x’taħseb dwarha?”
● “Taħseb li hemm ċans li l-qagħda finanzjarja tad-dinja [jew xi problema oħra] titjieb? [Agħti ċans għal tweġiba.] Għala tħossok hekk?”
● “Taħseb li r-reliġjonijiet kollha huma tajbin?”
● “Fejn tara lilek innifsek minn hawn u ħames snin oħra?” [Agħti ċans għal tweġiba u mbagħad għid x’inhuma l-miri spiritwali tiegħek.]
[Tabella f’paġna 127]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Eżerċizzju
Ippjana X’Se Twieġeb
Ikkopja din!
Suġġeriment: Iddiskuti din iċ-ċart mal-ġenituri tiegħek u maʼ xi żgħażagħ Kristjani sħabek. Imla ċ-ċart. Imbagħad ara jekk tistax taħseb f’xi mistoqsijiet oħrajn li għandhom mnejn jistaqsuk sħabek tal-klassi, u ppjana tweġibiet li tħossok komdu tagħti.
Neutralità
Mistoqsija
Int għala ma ssellimx lill-bandiera? Ma tħobbux
Tweġiba
Jien nirrispetta l-pajjiż fejn ngħix, imma ma nqimux.
Mistoqsija li Jkun Imiss
Jiġifieri int ma tiġġilidx għal pajjiżek?
Tweġiba
Le, u lanqas miljuni taʼ Xhieda taʼ Ġeħova f’pajjiżi oħrajn ma jiġġieldu kontra dan il-pajjiż.
Id-Demm
Mistoqsija
Int għala ma taċċettax trasfuż-jonijiet tad-demm?
Tweġiba
Għalkemm ma naċċettax demm, naċċetta trasfuż-jonijiet taʼ sustanzi mediċi alternattivi li ma jġorrux ir-riskju tal-AIDS jew tal-epatite għax il-Bibbja tgħidilna biex nitbiegħdu mid-demm.
Mistoqsija li Jkun Imiss
Ejja ngħidu li tieħu d-demm għax tkun se tmut. Allura Alla ma jaħfirlekx?
Tweġiba
․․․․․
L-Għażliet
Mistoqsija
It-tali hu membru tar-reliġjon tiegħek, u hu għamel hekk u hekk. Int għala ma tistax tagħmel l-istess?
Tweġiba
Aħna niġu mgħallmin x’jirrikjedi Alla, iżda ma jbellgħulniex ir-ross bil-labra! Ilkoll kemm aħna rridu nagħmlu l-għażliet tagħna stess.
Mistoqsija li Jkun Imiss
Allura dan ifisser li jeżistu livelli differenti għal nies differenti fir-reliġjon tiegħek?
Tweġiba
․․․․․
Il-Ħolqien
Mistoqsija
Int għala ma temminx bl-evoluzzjoni?
Tweġiba
Għala għandi nemmen bl-evoluzzjoni? Ix-xjenzati lanqas biss jaqblu bejniethom fuqha, u huma suppost l-esperti!
Mistoqsija li Jkun Imiss
․․․․․
Tweġiba
․․․․․
[Stampa f’paġna 125]
Li titkellem dwar it-twemmin reliġjuż tiegħek hu bħall-għawm. Int tistaʼ tagħżel li tibda nieżel bil-mod il-mod —jew taqbad u taqbeż!