Maqsum Bejn Żewġ Kulturi—X’Nistaʼ Nagħmel?
KAPITLU 22
Maqsum Bejn Żewġ Kulturi—X’Nistaʼ Nagħmel?
Ommok jew missierek immigrant?
□ Iva □ Le
Hija l-lingwa jew il-kultura fl-iskola tiegħek differenti mil-lingwa jew il-kultura ġod-dar tiegħek?
□ Iva □ Le
“Jien ġej minn familja Taljana li tesprimi l-affezzjoni bil-miftuħ. Issa ngħixu l-Ingilterra. Hawnhekk, in-nies jidhru li jagħmlu kollox bil-galbu. Inħossni bħal ħuta barra mill-ilma fiż-żewġ kulturi—għandi wisq mit-Taljani biex inkun Ingliż, u wisq mill-Ingliżi biex inkun Taljan.”—Giosuè, l-Ingilterra.
“Fl-iskola, l-għalliem qalli biex inħares lejh hu u jitkellem. Iżda meta ħarist f’għajnejn Missieri hu u jitkellem, qalli li kont qed inkun maledukat. Ħassejtni maqsum bejn żewġ kulturi.”—Patrick, imwieled fi Franza minn ġenituri li emigraw mill-Alġerija.
META l-ġenituri tiegħek emigraw, huma ffaċċjaw sfidi kbar. F’daqqa waħda, sabu ruħhom imdawrin b’nies li għandhom lingwa, kultura, u lbies differenti minn tagħhom. Kienu jispikkaw iktar minn dawk taʼ madwarhom. Bħala riżultat, għandhom mnejn ġew trattati b’diżrispett u forsi sfaw vittmi taʼ preġudizzju.
Anki int ġralek hekk? Hawn taħt se ssib lista taʼ sfidi li ffaċċjaw żgħażagħ oħrajn li kienu jinsabu f’din is-sitwazzjoni. Agħmel ✔ maġenb l-iktar waħda li ssib diffiċli biex tkampa magħha.
□ It-twaqqigħ għaċ-ċajt. Noor kienet għadha żgħira meta emigrat mal-familja tagħha mill-Ġordan għall-Amerika taʼ Fuq. “L-ilbies tagħna kien differenti, u allura n-nies kienu jiddieħqu bina,” tgħid hi. “Barra minn hekk, iċ-ċajt tal-Amerikani ma konniex nifhmuh.”
□ Kriżi tal-identità. “Jien twilidt il-Ġermanja,” tgħid tfajla jisimha Nadia. “Minħabba li l-ġenituri tiegħi huma Taljani, kont nitkellem bil-Ġermaniż iżda b’aċċent Taljan, u t-tfal tal-iskola kienu jsejħuli ‘barranija imbeċilli.’ Iżda meta mmur l-Italja, nitkellem bit-Taljan imma b’aċċent Ġermaniż. Allura nħoss li m’għandi l-ebda identità vera. Immur fejn immur, nibqaʼ barranija.”
□ Differenza fil-kulturi ġod-dar. Ana kellha tmien snin meta emigrat lejn l-Ingilterra flimkien mal-familja tagħha. “Jien u ħija sibnieha faċli biex nadattaw ruħna għall-ħajja taʼ Londra,” tgħid hi. “Iżda kienet taʼ sfida għall-ġenituri tiegħi li kienu għamlu żmien twil jgħixu fuq il-gżira żgħira Portugiża taʼ Madeira.”
Voeun kellha tliet snin meta hi u l-ġenituri tagħha mill-Kambodja marru jgħixu l-Awstralja. “Il-ġenituri tiegħi ma tantx adattaw ruħhom għall-kultura u għall-ambjent il-ġdid,” tgħid hi. “Fil-fatt, Missieri spiss kien iħossu frustrat u rrabjat għax ma kontx nifhem l-attitudni tiegħu u l-mod kif kien jaħsibha.”
□ L-ostaklu tal-lingwa ġod-dar. Ian kellu tmien snin meta emigra mal-familja tiegħu mill-Ekwador lejn New York. Wara li kien ilu sitt snin fl-Istati Uniti, hu jgħid: “Issa iktar nitkellem bl-Ingliż milli bl-Ispanjol. L-għalliema tiegħi fl-iskola jitkellmu bl-Ingliż, il-ħbieb tiegħi jitkellmu bl-Ingliż, u maʼ ħija nitkellem bl-Ingliż ukoll. L-Ingliż sar il-lingwa tiegħi u l-Ispanjol qed nitilfu.”
Lee, li kien imwieled l-Awstralja minn ġenituri Kambodjani, jgħid: “Meta nitkellem mal-ġenituri tiegħi u nkun irrid nispjega fid-dettall kif inħossni dwar ċerti affarijiet, inħoss li ma nkunx nistaʼ nitkellem sew bil-lingwa tagħhom.”
Noor, li ġiet kwotata qabel, tgħid: “Missieri għamel ħiltu kollha u insista li fid-dar nitkellmu bl-Għarbi, il-lingwa tiegħu, iżda aħna ma ridniex. Għalina, li nitgħallmu l-Għarbi donnu ma kienx utli, u b’hekk kien jidher li hu taʼ piż. Il-ħbieb tagħna kienu jitkellmu bl-Ingliż. Il-programmi tat-televixin li konna naraw kienu kollha bl-Ingliż. Konna naħsbu li ma kellniex bżonn nitgħallmu l-Għarbi!”
X’Tistaʼ Tagħmel?
Bħalma juru l-kummenti t’hawn fuq, mhux int biss tiffaċċja dawn l-isfidi diffiċli. Minflok ma tiffaċċja dawn id-diffikultajiet, tistaʼ tagħżel li tevitahom billi tipprova tinsa l-isfond kulturali tiegħek u tadotta l-kultura tal-pajjiż fejn qed tgħix issa. Madankollu, din l-għażla x’aktarx tkun taʼ offiża għall-ġenituri tiegħek u twasslek biex tħossok frustrat. Minflok, għala ma titgħallimx tkampa mal-isfidi u tieħu vantaġġ kemm tistaʼ miċ-ċirkustanzi tiegħek? Ikkunsidra s-suġġerimenti li ġejjin:
Kif tħares lejn it-twaqqigħ għaċ-ċajt. Tagħmel x’tagħmel, qatt m’int se tingħoġob minn kulħadd. Dawk li jieħdu pjaċir iwaqqgħu lil ħaddieħor għaċ-ċajt dejjem se jsibu raġuni għal xiex jagħmlu dan. (Proverbji 18:24) Għalhekk, huwa inutli li tipprova tikkoreġi l-ħarsa preġudikata tagħhom. Is-sultan għaref Salamun qal: “Min iwaqqaʼ kollox għaċ-ċajt ma jħobbx lil min iwiddbu.” (Proverbji 15:12) Il-kummenti taʼ preġudizzju ma jikxfux l-hekk imsejħin nuqqasijiet tal-vittma, iżda jservu biss biex jikxfu l-injoranza taʼ min ikun qed ilissinhom.
Kif tkampa maʼ kriżi tal-identità. Huwa naturali li tkun trid tħossok parti minn grupp, bħalma hi familja jew kultura. Iżda jkun żbaljat li taħseb li l-valur tiegħek jiddependi mill-kultura jew mill-familja tiegħek. In-nies għandhom mnejn jiġġudikawk fuq din il-ħaġa, imma Alla le. “Alla mhux parzjali,” qal l-appostlu Pietru. “F’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-sewwa hu aċċettat minnu.” (Atti 10:34, 35) Jekk tagħmel l-almu tiegħek biex togħġob lil Alla Ġeħova, hu se jqisek bħala parti mill-familja tiegħu. (Isaija 43:10; Marku 10:29, 30) Ma jistax ikollok identità aħjar minn din!
Kif tnaqqas id-differenza fil-kulturi ġod-dar. Il-ġenituri u t-tfal fi kważi kull familja jkollhom opinjonijiet differenti. Fil-każ tiegħek, dawn id-differenzi għandhom mnejn ikunu jidhru iktar—il-ġenituri tiegħek ikunu jriduk tgħix skont id-drawwiet tal-pajjiż fejn kont tgħix qabel, imma int tkun trid tadotta d-drawwiet tal-pajjiż il-ġdid. Anke jekk dan ikun il-każ, għandek ‘tonora lil missierek u lil ommok’ jekk tixtieq li l-affarijiet imorru tajjeb f’ħajtek.—Efesin 6:2, 3.
Minflok ma tirribella minħabba d-drawwiet li ma jogħġbukx tal-ġenituri tiegħek, ipprova ifhem ir-raġuni għala l-ġenituri tiegħek jirrispettaw dawn id-drawwiet. (Proverbji 2:10, 11) Staqsi lilek innifsek dawn il-mistoqsijiet: ‘Dawn id-drawwiet imorru kontra l-prinċipji Bibliċi? Jekk le, x’hemm b’mod speċifiku dwar id-drawwiet li ma jogħġobnix? Kif nistaʼ nesprimi s-sentimenti tiegħi b’rispett mal-ġenituri tiegħi?’ (Atti 5:29) M’għandniex xi ngħidu, jekk tkun taf titkellem sew bil-lingwa tal-ġenituri tiegħek, se jkun ħafna iktar faċli għalik li tonorahom billi tifhem il-mod kif jaħsbuha u billi tesprimi s-sentimenti tiegħek.
Kif tegħleb l-ostaklu tal-lingwa ġod-dar. Xi familji sabu li jekk jinsistu li jitkellmu biss bi lsien pajjiżhom waqt li jkunu ġod-dar, it-tfal ikollhom il-vantaġġ li jitgħallmu sew iż-żewġ lingwi. Għala ma tipprovax tagħmel hekk f’darek? Ukoll, għandek mnejn tkun trid titlob lill-ġenituri tiegħek jgħinuk titgħallem tikteb b’dik il-lingwa. Stelios, li trabba l-Ġermanja iżda li lsien pajjiżu hu l-Grieg, jgħid: “Il-ġenituri tiegħi kienu jiddiskutu silta Biblika miegħi kuljum. Kienu jaqrawha b’leħen għoli, u
mbagħad kont niktibha. Issa nistaʼ naqra u nikteb kemm bil-Grieg u kemm bil-Ġermaniż.”Liema benefiċċju ieħor hemm? “Jien tgħallimt il-lingwa tal-ġenituri tiegħi għax ridt inkun qrib tagħhom b’mod emozzjonali u fuq kollox b’mod spiritwali,” jgħid Giosuè, li ġie kwotat iktar kmieni. “Il-fatt li tgħallimt il-lingwa tagħhom ippermettielna nifhmu lil xulxin—huma lili u jien lilhom.”
Xi Ħaġa li Tgħaqqad, Mhux li Tifred
Kif tħares lejn l-isfond kulturali tiegħek? Bħala xi ħaġa li tifirdek jew xi ħaġa li tgħaqqdek m’oħrajn? Ħafna żgħażagħ Kristjani rrealizzaw li għandhom raġuni oħra għala għandhom inaqqsu d-differenzi bejn il-kulturi. Huma jkunu jixtiequ jaqsmu l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla maʼ immigranti oħrajn. (Mattew 24:14; 28:19, 20) “Huwa tajjeb li nkun nistaʼ nispjega l-Iskrittura f’żewġ lingwi!” jgħid Salomão, li mar jgħix Londra meta kellu ħames snin. “Kont kważi nsejtu lsien pajjiżi, imma issa li qiegħed f’kongregazzjoni Portugiża, nistaʼ nitkellem b’mod fluwenti kemm bl-Ingliż u kemm bil-Portugiż.”
Noor, li ġiet kwotata qabel, rat il-bżonn li jkun hemm evanġelizzaturi li jitkellmu bl-Għarbi. Hi tgħid: “Issa qed nieħu xi lezzjonijiet biex nipprova nikseb dak li tlift. L-attitudni tiegħi nbidlet. Issa rrid niġi koreġuta. Irrid nitgħallem.”
M’għandniex xi ngħidu, jekk int midħla taʼ żewġ kulturi u taf titkellem b’żewġ lingwi jew iktar, għandek vantaġġ liema bħalu. L-għarfien li għandek dwar żewġ kulturi jkabbar l-abbiltà tiegħek li tifhem is-sentimenti tan-nies u li twieġeb il-mistoqsijiet tagħhom dwar Alla. (Proverbji 15:23) Preeti, li twieldet l-Ingilterra minn ġenituri Indjani, tgħid, “Peress li nifhem żewġ kulturi nħossni iktar komda fil-ministeru. Nistaʼ nifhem x’jemmnu u x’inhuma l-attitudnijiet tan-nies li ġejjin minn dawn iż-żewġ sfondi tal-ħajja.”
Tistaʼ int ukoll tħares lejn iċ-ċirkustanzi tiegħek bħala vantaġġ minflok bħala żvantaġġ? Ftakar li Ġeħova jħobbok għal min int, mhux għal pajjiż li ġejt minnu int jew il-familja tiegħek. Bħaż-żgħażagħ kwotati hawn, tistaʼ int tuża l-għarfien u l-esperjenza tiegħek biex tgħin lil oħrajn li ġejjin mill-istess sfond etniku tiegħek biex jitgħallmu dwar Ġeħova, l-Alla tagħna taʼ mħabba u li hu imparzjali? Meta tagħmel hekk tistaʼ tkun tassew ferħan!—Atti 20:35.
SKRITTURA PRINĊIPALI
“Alla mhux parzjali.”—Atti 10:34.
SUĠĠERIMENT
Jekk dawk tamparek iwaqqgħuk għaċ-ċajt minħabba l-isfond etniku tiegħek, tiħux għalihom u żomm sens t’umoriżmu. Jekk tirreaġixxi b’dan il-mod, x’aktarx li se jieqfu jwaqqgħuk għaċ-ċajt.
KONT TAF . . . ?
Jekk tkun taf titkellem sew b’żewġ lingwi, ikollok ċans ikbar li ssib xogħol.
L-AZZJONI LI SE NIEĦU
Sabiex nifhem aħjar il-lingwa tal-ġenituri tiegħi, jien se ․․․․․
Dak li nixtieq nistaqsi lill-ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-suġġett hu ․․․․․
INT X’TAĦSEB?
● Il-fatt li tkun taf dwar l-isfond kulturali tal-ġenituri tiegħek, kif jistaʼ jgħinek tifhem lilek innifsek aħjar?
● Meta tqabbel lilek innifsek maʼ żgħażagħ li jkunu ġejjin minn sfond kulturali wieħed, liema vantaġġi għandek?
[Kumment f’paġna 160]
“Inħossni ferħan li nistaʼ ngħin lil oħrajn. Nistaʼ nispjega l-Bibbja lin-nies li jitkellmu bir-Russu, bil-Franċiż, jew bil-lingwa tal-Moldova.”—Oleg
[Stampa f’paġna 161]
Int tistaʼ tagħżel li tħares lejn l-isfond kulturali tiegħek bħala xi ħaġa li tressqek eqreb t’oħrajn