Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Ġenituri Tiegħi Għala Ma Jħallunix Niddeverti?

Il-Ġenituri Tiegħi Għala Ma Jħallunix Niddeverti?

KAPITLU 37

Il-Ġenituri Tiegħi Għala Ma Jħallunix Niddeverti?

Għal Allison, tfajla adoloxxenti fl-​Awstralja, kull nhar taʼ Tnejn filgħodu dejjem l-​istess storja fl-​iskola.

“Kulħadd jitkellem dwar xi jkun għamel fil-​weekend,” tgħid hi. “Jibdew jirrakkontaw stejjer li jinstemgħu tassew eċċitanti bħal, pereżempju, kemm-​il party marru u kemm-​il ġuvni biesu—saħansitra dwar li ħarbu mill-​pulizija . . . Tinstemaʼ veru tal-​biżaʼ imma eċċitanti! Jidħlu lura d-​dar fil-​ħamsa taʼ filgħodu u l-​ġenituri tagħhom ma jgħidulhom xejn. Meta huma jkunu qed ilestu biex joħorġu jiddevertu, jien inkun diġà dħalt fis-​sodda!”

“Insomma, wara li jirrakkontawli dwar kemm ikunu xxalaw fil-​weekend, sħabi tal-​klassi jistaqsuni kif inkun qattajt il-​weekend tiegħi. . . . Mort il-​laqgħat Kristjani u ħadt sehem fil-​ministeru. Nibda ngħid: ‘Ara jien x’qed nitlef!’ Għalhekk, normalment naqbad u ngħidilhom li ma nkun għamilt xejn. Imbagħad jistaqsuni għala ma nkunx mort magħhom.”

“Meta jgħaddi t-​Tnejn, tibda taħseb li se jkun iktar faċli. ’Il bogħod minn hekk! It-​Tlieta, kulħadd ikun diġà qed jippjana kif se jqattaʼ l-​weekend li jkun imiss! Normalment, kulma nagħmel hu li npoġġi bilqiegħda u noqgħod nismagħhom jitkellmu. Inħossni bħal ħuta barra mill-​ilma!”

TĦOSSOK hekk int nhar taʼ Tnejn filgħodu l-​iskola? Forsi tħoss li hemm barra hemm dinja taʼ divertiment tistenniek imma l-​ġenituri tiegħek qed iċaħħduk minnha. Jew forsi tħossok bħallikieku qiegħed f’lunapark u ma għandek permess titlaʼ fuq xejn. Mhux għax tixtieq tagħmel kulma jagħmlu sħabek—sempliċement tħobb tiddeverti darba kultant! Pereżempju, bħala rikreazzjoni, x’tixtieq tagħmel l-​iktar matul il-​weekend li ġej?

□ tmur tiżfen

□ tmur party

□ tattendi kunċert

□ tmur tara film

□ xi ħaġa oħra ․․․․․

Int għandek bżonn ir-​rikreazzjoni. Fil-​fatt, il-​Ħallieq tiegħek iridek tgawdi żgħożitek. (Ekkleżjasti 3:1, 4) U għalkemm forsi kultant tiġi f’dubju, anki l-​ġenituri tiegħek iriduk tiddeverti. Iżda x’aktarx li l-​ġenituri tiegħek se jkollhom żewġ ħsibijiet validi fuq moħħhom: (1) x’se tagħmel u (2) ma’ min se tkun.

Iżda xi ngħidu jekk tiġi mistieden biex toħroġ mal-​ħbieb imma ma tkunx ċert kif se jirreaġixxu l-​ġenituri tiegħek? Ikkunsidra tliet għażliet u l-​konsegwenzi taʼ dawn l-​għażliet.

GĦAŻLA A MA TITLOBX PERMESS U TAQBAD U TOĦROĠ

Għala għandek mnejn tikkunsidra din l-​għażla: Trid turi lil sħabek kemm int indipendenti sempliċement biex timpressjonahom. Tħoss li taf iktar mill-​ġenituri tiegħek. Jew forsi ftit li xejn tirrispetta l-​opinjoni tagħhom.—Proverbji 14:18.

Ir-​riżultat: Jekk tagħmel dan, għandek mnejn timpressjona lil sħabek, iżda huma se jitgħallmu xi ħaġa dwarek—li int qarrieq. Jekk int tqarraq bil-​ġenituri tiegħek, jistaʼ jagħti l-​każ li tkun lest li tqarraq bi sħabek ukoll. Jekk il-​ġenituri tiegħek isiru jafu, se jħossuhom imweġġgħin u traduti, u x’aktarx se jagħmlulek xi tip taʼ restrizzjoni! Mela ma jkunx għaqli li tagħżel li ma tobdix lill-​ġenituri tiegħek u toħroġ xorta waħda.—Proverbji 12:15.

GĦAŻLA B MA TITLOBX PERMESS U MA TOĦROĠX

Għala għandek mnejn tikkunsidra din l-​għażla: Int tikkunsidra l-​istedina u tiddeċiedi li din it-​tip taʼ rikreazzjoni mhijiex fi qbil mal-​prinċipji tiegħek jew li dawk li ġew mistidnin huma kumpanija ħażina. (1 Korintin 15:33; Filippin 4:8) Mill-​banda l-​oħra, għandek mnejn tkun tixtieq tmur iżda ma jkollokx il-​kuraġġ titlob permess mingħand il-​ġenituri tiegħek.

Ir-​riżultat: Jekk ma tmurx għax taf li ma tkunx idea tajba, se tħossok iktar kunfidenti meta tagħti spjegazzjoni lil sħabek. Iżda jekk ma tmurx sempliċement għax ma jkollokx il-​kuraġġ titlob permess mingħand il-​ġenituri tiegħek, għandek mnejn tispiċċa toqgħod id-​dar thewden u tħoss li int l-​unika persuna li mhix qed tiddeverti.

GĦAŻLA Ċ ITLOB PERMESS U ARA X’JIĠRI

Għala għandek mnejn tikkunsidra din l-​għażla: Int tirrispetta l-​awtorità li l-​ġenituri tiegħek għandhom fuqek u tirrispetta wkoll l-​opinjoni tagħhom. (Kolossin 3:20) Lill-​ġenituri tiegħek tħobbhom u ma tridx tweġġagħhom billi toħroġ minn wara daharhom. (Proverbji 10:1) Ukoll, ikollok l-​opportunità li tesprimi l-​opinjoni tiegħek magħhom.

Ir-​riżultat: Il-​ġenituri tiegħek se jħossu li int tħobbhom u tirrispettahom. U jekk jaraw li dak li qed titlobhom ikun raġunevoli, hemm iktar ċans li jagħtuk permess.

Għala l-​Ġenituri Għandhom Mnejn Ma Jagħtukx Permess

Iżda xi ngħidu jekk il-​ġenituri tiegħek ma jagħtukx permess? Dan jistaʼ jġiegħlek tħossok frustrat. Madankollu, jekk tifhem il-​ħarsa tagħhom se tiġi megħjun tkampa mar-​restrizzjonijiet. Pereżempju, huma għandhom mnejn ma jagħtukx permess minħabba waħda jew iktar mir-​raġunijiet li ġejjin.

Għandhom aktar għarfien u esperjenza minnek. Kieku kellek l-​għażla, x’aktarx kont tippreferi tgħum f’bajja li tkun mgħassa sew mil-​lifeguards. Għala? Għax waqt li int tkun qed tieħu pjaċir fil-​baħar, ftit li xejn tkun konxju tal-​perikli li jistaʼ jkun hemm madwarek. Imma l-​lifeguards ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jaraw dawn il-​perikli.

B’mod simili, minħabba li l-​ġenituri tiegħek għandhom aktar għarfien u esperjenza minnek, għandhom mnejn jaraw ċerti perikli li int ma tkunx konxju tagħhom. Bħal-​lifeguards, l-​intenzjoni tal-​ġenituri tiegħek mhijiex li jtellfulek il-​pjaċir kollu imma li jgħinuk tevita l-​perikli li jistgħu jisirqulek il-​kuntentizza f’ħajtek.

Huma jħobbuk. Il-​ġenituri tiegħek jixtiequ biss jipproteġuk. L-​imħabba timmotivahom jgħidulek iva meta jkunu jistgħu, imma le meta ma jkunx possibbli. Meta titlobhom permess biex tagħmel xi ħaġa, huma jistaqsu lilhom infushom jekk jistgħux jaqtgħulek xewqtek u jekk ikunux lesti li jaċċettaw il-​konsegwenzi. Huma jgħidu iva, kemm lilhom infushom u kemm lilek, biss jekk ikunu pjuttost konvinti li dan mhu se jkun tal-​ebda ħsara għalik.

Kif Iżżid il-​Probabbiltà li Jagħtuk Permess

Hemm involuti erbaʼ fatturi.

Kun onest: L-​ewwel għandek bżonn tistaqsi lilek innifsek bl-​onestà kollha: ‘X’inhi r-​raġuni vera għala rrid immur? Hija proprju l-​attività nfisha li togħġobni? Jew nixtieq immur biex niġi aċċettat minn sħabi? Nixtieq immur minħabba li xi ħadd li jogħġobni se jkun hemm ukoll?’ Mela kun onest mal-​ġenituri tiegħek. Xi darba anki huma kienu żgħażagħ u lilek jafuk sew. Allura, x’aktarx li xorta waħda se jagħrfu l-​motivi veri tiegħek. Huma se japprezzaw l-​onestà tiegħek u int se tibbenefika mill-​għerf tagħhom. (Proverbji 7:1, 2) Mill-​banda l-​oħra, jekk ma tkunx onest, se tnaqqas il-​probabbiltà li jafdawk u li jagħtuk permess.

Agħżel ħin adattat: Tibbombardjax lill-​ġenituri tiegħek b’dak li tixtieq titlobhom eżatt malli jaslu lura d-​dar mix-​xogħol jew meta jkunu qed jikkonċentraw fuq affarijiet oħrajn. Avviċinahom meta jkunu iktar rilassati. Imma tħallix għall-​aħħar minuta, u b’hekk tipprova tagħmlilhom pressjoni biex jagħtuk tweġiba fil-​pront. Il-​ġenituri tiegħek jiddejqu jieħdu deċiżjoni taʼ malajr. Itlobhom permess kemm jistaʼ jkun minn qabel biex tagħtihom ċans jaħsbuha. B’hekk, il-​ġenituri se japprezzaw il-​konsiderazzjoni li turi.

Kun ċar: Tkunx vag fi kliemek. Spjega eżattament dak li tkun trid tagħmel. Il-​ġenituri ma jiħdux pjaċir bit-​tweġiba, “Ma nafx,” speċjalment meta jistaqsuk, “Min se jkun hemm?” “Se jkun hemm xi adult responsabbli magħkom?” jew “Xħin ħa tidħol lura d-​dar?”

Uri attitudni xierqa: Tħarisx lejn il-​ġenituri tiegħek bħala għedewwa. Ħares lejhom bħala li qegħdin fuq in-​naħa tiegħek, għax wara kollox hekk hu. Jekk tittratta lill-​ġenituri tiegħek bħala ħbieb, hemm inqas ċans li tinstemaʼ aħrax fi kliemek u huma x’aktarx ħa jikkooperaw aktar miegħek. Evita li tgħaddi kummenti bħal “Intom ma tafdawnix,” “Kulħadd sejjer,” jew “Il-​ġenituri taʼ sħabi qed iħalluhom imorru!” Uri lill-​ġenituri tiegħek li int matur biżżejjed biex tirrispetta d-​deċiżjoni tagħhom u tbaxxi rasek għaliha. Jekk tagħmel hekk, huma se jirrispettawk ukoll. Iktar se jkun hemm ċans li d-​darba li jkun imiss jagħtuk permess.

AQRA IKTAR DWAR DAN IS-​SUĠĠETT F’KAPITLU 32 TAʼ VOLUME 2

SKRITTURA PRINĊIPALI

“Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi.” ​—Proverbji 27:11.

SUĠĠERIMENT

Meta tattendi xi get-​together, ippjana kif tistaʼ titlaq jekk l-​affarijiet jibdew sejrin ħażin. Qabel ma tattendi, kun af x’għandek tagħmel jew tgħid sabiex, jekk ikun hemm bżonn, titlaq b’kuxjenza nadifa.

KONT TAF . . . ?

Ġenituri li jħobbu se jkunu prudenti. Jekk ma jifhmux xi tkun qed titlobhom jew jekk iħossu li m’intix qed tagħtihom l-​informazzjoni essenzjali dwar dak li qed titlobhom, hemm probabbiltà li ma jagħtukx permess.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Jekk tniggiżni l-​kuxjenza minħabba dak li nara jew nismaʼ meta nkun qed nara xi film jew meta nattendi xi get-​together, jien se ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Għala għandek mnejn taħsibha darbtejn biex tagħti lill-​ġenituri tiegħek l-​informazzjoni kollha li jeħtieġu sabiex jieħdu deċiżjoni?

● Jekk iżżomm lura milli tagħti informazzjoni essenzjali lill-​ġenituri tiegħek, x’jistgħu jkunu l-​konsegwenzi jekk jagħtuk permess għal xi ħaġa?

[Kumment f’paġna 268]

“Meta kont iżgħar kont moħħ ir-​riħ. Ftit mill-​affarijiet li kont nieħu pjaċir nagħmel ma tantx kienu pjaċevoli wara kollox. Imma fil-​ħajja dak li tiżraʼ taħsad. Mhux li kien smajt mill-​ġenituri tiegħi!”​—Brian

[Stampa f’paġna 269]

Bħal-​lifeguards li jgħassu l-​bajja, il-​ġenituri tiegħek huma f’pożizzjoni aħjar biex jaraw il-​periklu