Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Nistaʼ Naqtaʼ l-Vizzju tad-Drogi?

Kif Nistaʼ Naqtaʼ l-Vizzju tad-Drogi?

KAPITLU 35

Kif Nistaʼ Naqtaʼ l-Vizzju tad-Drogi?

QBADT il-​vizzju tad-​drogi? Forsi taf li l-​vizzju li għandek qed jagħmel ħsara lil moħħok u lil ġismek. Jistaʼ jagħti l-​każ li ġieli pprovajt taqtaʼ l-​vizzju, iżda mbagħad erġajt waqajt. Jekk inhu hekk, taqtax qalbek. Oħrajn irnexxielhom jegħlbu dan il-​vizzju, u anki int tistaʼ! Pereżempju, ikkunsidra x’qalu tlieta min-​nies li ġejjin minn sfondi differenti ħafna tal-​ħajja dwar kif qatgħu l-​vizzju tad-​drogi.

ISEM Marta

KELMTEJN DWAR ĦAJTI Ommi ma kinitx miżżewġa meta kellha lili, u għalhekk jien u oħti trabbejna bla missier. Mindu kelli madwar 12-​il sena, bdejt immur id-​discos maʼ zija li kienet tħobb tiżfen. Kont tfajla veru dħulija u ma domtx ma bdejt nagħmilha maʼ wħud li kellhom vizzji ħżiena. Meta kelli 13-​il sena, bdejt nesperimenta bid-​drogi. Kont bdejt nieħu anki l-​kokaina. Għall-​ewwel kont nieħu pjaċir biha. Imma wara ftit, bdejt inbati bl-​alluċinazzjonijiet u kont sirt nibżaʼ minn kollox. Meta kien jitlaq l-​effett tad-​drogi, kien ikun moħħni biss biex intemm ħajti b’idejja. Ridt naqtaʼ d-​drogi imma ma kellix biżżejjed determinazzjoni.

KIF QTAJT IL-​VIZZJU Bdejt naħseb dwar Alla u saħansitra ġieli kont immur il-​knisja. Imma iktar ħassejtni dipressa. Meta kelli 18-​il sena mort ngħix mal-​għarus tiegħi u kellna tarbija. Mat-​twelid taʼ ibni kibret ix-​xewqa li nbiddel ħajti. Kelli ħabiba li kienet ġiet toqgħod fid-​dar taʼ faċċata tiegħi. Hi ġiet iżżurni u staqsietni kif jien. Ftaħt qalbi magħha u hi qaltli li kienet saret waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Offriet li tistudja l-​Bibbja miegħi u jien aċċettajt.

Tgħallimt li l-​istil taʼ ħajja li kelli ma kienx jogħġob lil Alla u li kelli nieqaf nieħu d-​drogi u naqtaʼ t-​tipjip. Imma kont sirt ilsira tad-​drogi. Kont nitlob lil Alla Ġeħova bil-​ħrara diversi drabi matul il-​ġurnata biex jgħinni naqtaʼ l-​vizzji ħżiena li kelli. Ridt nogħġbu. (Proverbji 27:11) Wara li kont ili sitt xhur nistudja l-​Bibbja u nassoċja max-​Xhieda taʼ Ġeħova, irnexxieli naqtaʼ d-​drogi. Issa ħajti għandha skop u m’għadnix inħossni dipressa l-​ħin kollu. Iltqajt maʼ raġel Kristjan mill-​aħjar u żżewwiġtu u rabbejt lil ibni skont il-​prinċipji Bibliċi. Kemm inħossni grata li Ġeħova sema’ t-​talb tiegħi u għenni!

ISEM Marcio

KELMTEJN DWAR ĦAJTI Trabbejt fil-​limiti taʼ Santo André, belt popolata ħafna fl-​istat taʼ São Paulo, il-​Brażil. Sa minn età żgħira, bdejt nisraq u nesperimenta bit-​tabakk u bid-​drogi. Ħafna mill-​ħbieb tiegħi kienu jisirqu l-​karozzi u jittraffikaw id-​drogi. Wieħed minnhom kien joffri d-​drogi bla ħlas liż-​żgħażagħ tal-​inħawi tagħna. Malli kienu jaqbdu l-​vizzju, kien ikollhom jixtru d-​drogi mingħandu.

Il-​pulizija dejjem kienu jissorveljaw l-​inħawi tagħna, u jien ġejt arrestat diversi drabi fuq reati żgħar u darba minnhom fuq suspett li kont qed nittraffika d-​drogi. Ħafna drabi, fid-​dar tiegħi ħżint armi tan-​nar u oġġetti oħrajn misruqin minn gangs.

In-​nies kienu jibżgħu minni. Għajnejja kienu jkunu ħomor nar. Bilkemm kont nitbissem. Fil-​fatt, dejjem kien ikolli bixra taʼ qattiel. Kienu qalgħuhieli “Tufão” (tempesta qalila) għax kull fejn kont immur kont naqlaʼ l-​inkwiet. Barra minn hekk, kont nixrob iżżejjed u kont ngħix ħajja immorali. Ħafna minn sħabi mietu jew spiċċaw il-​ħabs. Tant ħassejtni dipress li rbatt ħabel maʼ fergħa taʼ siġra u pprovajt nitgħallaq.

KIF QTAJT IL-​VIZZJU Jien tlabt lil Alla jgħinni. Maż-​żmien, iltqajt max-​Xhieda taʼ Ġeħova u bdejt nistudja l-​Bibbja. Tgħallimt li Alla għandu isem persunali, Ġeħova, u lil dawk li jistinkaw iebes biex jgħixu fi qbil mal-​livelli tiegħu, hu jimpurtah minnhom u jgħinhom. (Salm 83:18; 1 Pietru 5:6, 7) Kelli nagħmel ħafna bidliet. Waħda mill-​iktar bidliet diffiċli kienet li nitgħallem nitbissem.

Il-​ħin kollu kont nitlob lil Ġeħova għall-​għajnuna u applikajt il-​pariri tal-​Bibbja. Pereżempju, ma bqajtx nagħmilha mal-​hekk imsejħin ħbieb tiegħi u bdejt nevita li mmur f’bars. Minflok, għażilt li nassoċja maʼ nies li jgħixu fi qbil mal-​livelli tal-​Bibbja. Kienet ġlieda iebsa, iżda la għadni nisraq u lanqas naqlaʼ l-​inkwiet. U issa ilni iktar minn għaxar snin ma mmiss drogi.

ISEM Craig

KELMTEJN DWAR ĦAJTI Trabbejt ġo razzett fin-​Nofsinhar tal-​Awstralja. Missieri kien jixrob iżżejjed, u ommi u missieri sseparaw meta kelli tmien snin. Ommi reġgħet iżżewġet u jien bqajt ngħix magħha sakemm kelli 17-​il sena. Dik is-​sena tgħallimt inġiżż in-​nagħaġ u bdejt ngħix maʼ gangs li jġiżżu n-​nagħaġ u li kienu jivvjaġġaw minn post għal ieħor biex isibu x-​xogħol. Bdejt nieħu għadd taʼ drogi differenti u bdejt nabbuża mill-​alkoħol. Tawwalt xagħri u kont nidilku bix-​xemaʼ, nimmaljah, u nsenslu biż-​żibeġ. Sirt għajjur u abbużiv u kienu jitilgħuli malajr. Spiċċajt il-​ħabs iktar minn darba.

Mort noqgħod f’belt żgħira fil-​Punent tal-​Awstralja u kont ngħix mal-​għarusa tiegħi li kienet taħdem f’bar tal-​lukanda li kien hemm f’din il-​belt. It-​tnejn li aħna konna npejpu u nixorbu, u konna nkabbru x-​xitla tal-​marijuana.

KIF QTAJT IL-​VIZZJU Konna għadna kif qtajna x-​xtieli tal-​marijuana meta ġew ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jħabbtulna l-​bieb tad-​dar qadima li kellna, ħa taqaʼ u ma taqax. Jien ma qbadtx u sempliċement aċċettajt dak kollu li kienu qalu. Minflok, maż-​żmien, tajt prova lili nnifsi li dak li tgħid il-​Bibbja huwa minnu. Imbagħad, pass pass, għelibt kull problema li kelli.

Malajr indunajt li kelli naqtaʼ l-​vizzju tal-​marijuana. Dan x’kien se jfisser? Kont stinkajt ħafna biex inkabbar ix-​xtieli, u għalhekk, għall-​ewwel kont beħsiebni nagħtihom lil xi ħadd. Imma ddeċidejt li din ma kinitx soluzzjoni tajba, u allura qbadt u qridt ix-​xtieli. It-​talb kellu rwol importanti f’li jgħinni negħleb l-​abbuż tad-​drogi u tal-​alkoħol. Tlabt biex Alla jagħtini l-​ispirtu tiegħu ħalli jgħinni niffaċċja u negħleb il-​problemi li ħabbatt wiċċi magħhom. Ukoll, waqaft nagħmilha man-​nies li ħeġġewni nkompli bil-​vizzji ħżiena. Hekk kif tgħallimt u applikajt it-​tagħlim tal-​Bibbja, ksibt is-​sigurtà emozzjonali li kelli bżonn biex negħleb xi ftit min-​nuqqasijiet fil-​personalità tiegħi. Anki l-​għarusa tiegħi studjat il-​Bibbja u biddlet id-​drawwiet u l-​istil taʼ ħajja li kellha. Aħna żżewwiġna u issa ninsabu ferħanin irrabbu ż-​żewġ ulied tagħna. Għal 21 sena gawdejna saħħa aħjar. Jaqbadni l-​bard meta naħseb dwar kif kienet tkun ħajti li kieku ma kellix l-​għajnuna taʼ Ġeħova biex inbiddel l-​istil taʼ ħajti.

SKRITTURA PRINĊIPALI

“Ġeħova hu s-​saħħa u s-​setgħa tiegħi.”​—Isaija 12:2.

SUĠĠERIMENT

Jekk inhu possibbli, evita n-​nies, il-​postijiet, u l-​affarijiet li huma assoċjati mal-​vizzju li kellek tad-​drogi. Ir-​riċerka turi li jekk sempliċement tara xi ħaġa minn dawn l-​affarijiet tistaʼ terġaʼ tiġik il-​leblieba.

KONT TAF . . . ?

L-​abbuż tad-​drogi jistaʼ jbiddillek l-​istruttura taʼ moħħok.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Jekk nerġaʼ naqaʼ għall-​vizzju, jien se ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Individwu għala għandu mnejn ikollu bżonn jagħmel bidliet drastiċi fl-​istil taʼ ħajtu jekk ikun irid jaqtaʼ l-​vizzju tad-​drogi?

● Kif tistaʼ tiġi megħjun meta titgħallem il-​verità dwar Alla?

[Kumment f’paġna 253]

“Peress li qed ngħix fi qbil mal-​livelli għoljin tal-​Bibbja, issa nħossni ferħana u għandi skop f’ħajti.”​—Marta

[Stampa f’paġna 256]

Meta tegħleb vizzju jkun bħal meta taħrab minn dar kollha nirien—se tħalli affarijiet warajk, imma se ssalva ħajtek