Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Għandi Nkun Naf Dwar it-Tipjip?

X’Għandi Nkun Naf Dwar it-Tipjip?

KAPITLU 33

X’Għandi Nkun Naf Dwar it-Tipjip?

Ħares lejn dawn l-​għażliet li ġejjin u agħmel ✔ fil-​kaxxa maġenb kull waħda li tħoss li tiddeskrivik.

□ Jien kurjuż

□ Jien stressat

□ Nixtieq niġi aċċettat minn oħrajn

□ Ninkwieta dwar il-​piż tiegħi

JEKK għamilt maġenb xi waħda mill-​kaxxi f’paġna 237, mela għandek xi ħaġa inkomuni maʼ dawk tamparek li jpejpu jew li beħsiebhom jibdew ipejpu. * Pereżempju:

Taqtaʼ l-​kurżità. “Kelli kurżità biex nara kif kont se nħossni. Għalhekk, meta tfajla fl-​iskola offrietli sigarett jien ħadtu, tlaqt ’il barra nkiss inkiss, u pejjiptu.”​—Tracy.

Tkampa mal-​istress u tiġi aċċettat minn oħrajn. “Iż-​żgħażagħ fl-​iskola kienu jgħidu ‘Għandi bżonn sigarett,’ u mbagħad wara li jpejpuh jgħidu, ‘Issa nħossni aħjar!’ Meta kont inħossni stressata, proprju hekk kien ikolli aptit nagħmel.”​—Nikki.

Tnaqqas il-​piż. “Xi tfajliet ipejpu biex jibqgħu rqaq—huwa ħafna iktar faċli milli tagħmel id-​dieta!”​—Samantha.

Iżda qabel ma tqabbad l-​ewwel sigarett—jew is-​sigarett li jmiss—ieqaf u aħseb. Tkunx bħal ħuta li qed tissielet biex tinħeles minn sunnara bil-​lixka. Huwa minnu li l-​ħuta forsi tieħu premju żgħir, imma xi prezz għoli trid tħallas! Minflok, segwi l-​parir tal-​Bibbja u uża ‘l-​fakultà tiegħek biex taħseb ċar.’ (2 Pietru 3:1) Wieġeb il-​mistoqsijiet li ġejjin.

X’Taf Verament Dwar it-​Tipjip?

Veru jew falz.

a. It-​tipjip se jnaqqasli l-​istress.

□ Veru □ Falz

b. Id-​duħħan mhux se jagħmilli ħsara dment li ma nibilgħux.

□ Veru □ Falz

ċ. Huwa biss meta nilħaq ċerta età li se nibda nħoss l-​effetti tat-​tipjip.

□ Veru □ Falz

d. Jekk inpejjep se nidher iktar attraenti f’għajnejn dawk tas-​sess oppost.

□ Veru □ Falz

e. Jekk inpejjep ma nkun qed nagħmel ħsara lil ħadd ħlief lili nnifsi.

□ Veru □ Falz

f. Lil Alla ma tagħmillux differenza jekk inpejjipx jew le.

□ Veru □ Falz

Tweġibiet

a. Falz. Għalkemm it-​tipjip itaffilek b’mod temporanju xi ftit mill-​istress, ix-​xjenzati sabu li fir-​realtà n-​nikotina żżid il-​livell tal-​ormoni tal-​istress.

b. Falz. Xi studji juru li ’l fuq minn 80 fil-​mija mill-​partiċelli tad-​duħħan li tiblaʼ int u tpejjep sigarett jibqgħu f’ġismek.

ċ. Falz. Għalkemm ir-​riskji jiżdiedu maʼ kull sigarett li tpejjep, ċerti effetti huma immedjati. Xi wħud jaqbdu l-​vizzju tat-​tipjip minn sigarett wieħed biss. Il-​pulmun tiegħek ma jibqax jaħdem kif suppost u x’aktarx li tiżviluppa sogħla kronika. Il-​ġilda tiegħek se titkemmex iktar u qabel iż-​żmien. It-​tipjip iżidlek ir-​riskju li ma tiffunzjonax sew sesswalment, li jagħtuk attakki taʼ paniku, u li taqbdek dipressjoni.

d. Falz. Ir-​riċerkatur Lloyd Johnston sab li l-​adoloxxenti li jpejpu huma “inqas attraenti f’għajnejn il-​biċċa l-​kbira minn dawk tas-​sess oppost.”

e. Falz. Kull sena, eluf taʼ nies imutu b’kaġun tad-​duħħan li jibilgħu mis-​sigaretti li jpejjep ħaddieħor. Dan jagħmel ħsara lill-​familja u lill-​ħbieb tiegħek, u saħansitra lill-​annimali li trabbi d-​dar.

f. Falz. Dawk li jridu jogħġbu lil Alla għandhom jitnaddfu minn “kull tinġis tal-​laħam.” (2 Korintin 7:1) Bla ebda dubju, it-​tipjip iniġġes lill-​ġisem. Jekk tagħżel li tkun imniġġes, u b’hekk tagħmel ħsara lilek innifsek u lil oħrajn permezz tat-​tabakk, ma tistax tkun ħabib t’Alla.​—Mattew 22:39; Galatin 5:19-​21.

Kif Tirreżisti

Mela, x’se tagħmel jekk xi ħadd joffrilek sigarett? Tweġiba sempliċi imma b’mod sod, bħal pereżempju, “Le grazzi, jien ma npejjipx,” spiss tkun biżżejjed. Jekk l-​individwu jippersisti jew saħansitra jwaqqgħek għaċ-​ċajt, ftakar li din kienet deċiżjoni tiegħek. Int tistaʼ tgħid:

● “Sirt naf kemm is-​sigaretti jistgħu jkunu taʼ ħsara għal saħħti, u għalhekk iddeċidejt li t-​tipjip ma jgħoddx għalija.”

● “Għandi xi pjanijiet importanti għall-​futur u nixtieq inwettaqhom; ma rridx immut qabel iż-​żmien.”

● “Jiġifieri qed tgħidli li m’għandix dritt nagħżel li ma npejjipx?”

Madankollu, bħaż-​żgħażagħ kwotati iktar kmieni f’dan il-​kapitlu, jistaʼ jagħti l-​każ li l-​akbar pressjoni tiġi minnek stess. Jekk dan hu minnu, tistaʼ tissielet kontra din ix-​xewqa billi tirraġuna fuq mistoqsijiet bħal dawn:

● ‘Tassew se nikseb benefiċċji mit-​tipjip? Pereżempju, jekk niddeċiedi li npejjep sempliċement biex niġi aċċettat minn oħrajn, tassew se nħossni parti mill-​grupp tagħhom jekk ma jkolli kważi xejn iktar inkomuni maʼ dawn l-​uħud? Tassew irrid nagħmilha maʼ nies li jieħdu pjaċir jarawni nagħmel ħsara lil saħħti?’

● ‘It-​tipjip kemm se jikkaġunali ħsara fejn jidħlu l-​finanzi, il-​problemi taʼ saħħa, u r-​rispett li oħrajn ikollhom lejja?’

● ‘Se nasal biex nitlef il-​ħbiberija tiegħi m’Alla għal sigarett?’

Iżda xi ngħidu jekk diġà qbadt il-​vizzju tat-​tipjip? X’tistaʼ tagħmel biex taqtgħu?

Kif Taqtaʼ t-​Tipjip

1. Kun Konvint. Ikteb ir-​raġunijiet għala int tixtieq taqtaʼ t-​tipjip u rrivedihom spiss. Ix-​xewqa li tkun nadif f’għajnejn Alla tistaʼ tkun inċentiv tajjeb ħafna.—Rumani 12:1; Efesin 4:17-​19.

2. Fittex l-​għajnuna. Jekk qed tpejjep bil-​moħbi, issa huwa ż-​żmien li tgħid lil oħrajn u li tfittex l-​għajnuna. Għidilhom li qed tpejjep u li se taqtaʼ t-​tipjip, u itlob l-​għajnuna tagħhom. Jekk trid taqdi lil Alla, itolbu jgħinek.—1 Ġwanni 5:14.

3. Iffissa data meta se tieqaf. Agħti ċans lilek innifsek ġimagħtejn jew inqas u mmarka fuq il-​kalendarju tiegħek il-​ġurnata partikulari li fiha beħsiebek taqtaʼ s-​sigaretti. Għid lill-​familja u lill-​ħbieb tiegħek li minn dik il-​ġurnata ’l quddiem m’intix se tpejjep iktar.

4. Fittex u armi. Qabel ma tasal id-​data li fiha se tieqaf tpejjep, fittex sew f’kamartek, fil-​karozza, u fost ħwejġek, u ara ssibx xi sigaretti. Jekk issib, armihom. Eħles mil-​lighters, mis-​sulfarini, u mill-​ashtrays.

5. Issaporti s-​sintomi tal-​astinenza. Ixrob ħafna juice tal-​frott jew ilma, u orqod iktar. Żomm f’moħħok li s-​sintomi huma temporanji, filwaqt li l-​benefiċċji huma permanenti!

6. Evita t-​tentazzjonijiet. Żomm ’il bogħod minn sitwazzjonijiet u postijiet fejn taħseb li tiġik it-​tentazzjoni li tpejjep. Ukoll, forsi jkollok bżonn taqtaʼ l-​kuntatt soċjali maʼ dawk li jpejpu.—Proverbji 13:20.

Titqarraqx!

Kull sena, il-​kumpaniji tat-​tabakk jonfqu biljuni taʼ dollari fuq l-​irreklamar. Min huma fil-​mira prinċipali tagħhom? Dokument taʼ kumpanija tat-​tabakk jgħid: “L-​adoloxxent tal-​lum huwa l-​klijent regulari t’għada.”

Tħallix lill-​kumpaniji tat-​tabakk iġegħluk tberbaq flusek. Għala għandek taqaʼ għal-​lixka tagħhom? La n-​nies li jmexxu dawn il-​kumpaniji, u lanqas dawk tamparek li jpejpu ma jimpurtahom verament minnek. Minflok ma tismaʼ minnhom, ismaʼ mill-​pariri li jinsabu fil-​Bibbja u tgħallem “għall-​ġid tiegħek.”​—Isaija 48:17.

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Jagħmlulek pressjoni sħabek biex tixrob l-​alkoħol? Tgħallem għala għandek bżonn tkun taf il-​limiti tiegħek.

[Nota ta’ taħt]

^ par. 8 Għalkemm dan il-​kapitlu jitkellem dwar dawk li jpejpu s-​sigaretti, il-​problemi u l-​perikli li jiġu enfasizzati japplikaw ukoll għal dawk li jomogħdu t-​tabakk.

SKRITTURA PRINĊIPALI

“Ħa nitnaddfu minn kull tinġis tal-​laħam.”​—2 Korintin 7:1.

SUĠĠERIMENT

Evita li toqgħod iġġib l-​iskużi, bħal pereżempju billi tirraġuna, ‘Mhux nifs wieħed biss?!’ Spiss dan iwassal biex terġaʼ taqbad il-​vizzju tat-​tipjip.​—Ġeremija 17:9.

KONT TAF . . . ?

It-​tabakk li ma tpejpux—bħal pereżempju t-​tabakk li tomogħdu—jistaʼ jkun fih iktar nikotina mis-​sigaretti u jkun jikkonsisti minn madwar 25 sustanza velenuża li jikkaġunaw il-​kanċer. Dawn is-​sustanzi jżidu r-​riskju li l-​individwu li jagħmel użu mit-​tabakk jaqbdu kanċer tal-​ġriżmejn u tal-​ħalq.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Jekk xi ħadd minn sħabi tal-​iskola jagħmilli pressjoni biex inpejjep, jien se ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Avolja taf bil-​perikli, għala għandu mnejn xorta waħda tiġik il-​ħajra li tpejjep?

● X’kien li kkonvinċiek li t-​tipjip mhuwiex tajjeb għalik?

[Kumment f’paġna 240]

“Meta joffruli sigarett, jien sempliċement nitbissem u ngħid, ‘Le grazzi, ma rridx nimrad bil-​kanċer.’”​—Alana

[Kaxxa/Stampa f’paġna 241]

Il-​Marijuana Tassew Tagħmel Daqshekk Ħsara?

“Xi wħud jgħidu li l-​użu tal-​marijuana huwa mod kif taħrab mill-​problemi, u li ma tħalli l-​ebda effett ħażin,” tgħid Ellen, li tgħix l-​Irlanda. Ġieli smajt stqarrijiet simili dwar il-​marijuana? Ejja nqabblu xi ftit ħrejjef komuni mal-​fatti.

Ħrafa. Il-​marijuana ma tagħmilx ħsara.

Fatt. L-​effetti tal-​marijuana li jdumu żmien twil huma jew jistgħu jkunu: ħsara fil-​memorja, nuqqas taʼ abbiltà meta wieħed jiġi biex jitgħallem, sistema tal-​immunità dgħajfa, kif ukoll ħsara fis-​saħħa sesswali kemm fl-​irġiel u kemm fin-​nisa. L-​użu tal-​marijuana jistaʼ jwassal għal attakki taʼ ansjetà, psikożi, u paranojja. Tfal li jitwieldu minn nisa li jpejpu l-​marijuana għandhom iktar tendenza li jkollhom problemi fl-​atteġġjament tagħhom, ikunu inqas attenti, u jsibuha iktar diffiċli biex jieħdu deċiżjonijiet.

Ħrafa. Id-​duħħan tal-​marijuana jagħmel inqas ħsara mid-​duħħan tas-​sigaretti.

Fatt. Meta mqabbel mad-​duħħan tat-​tabakk, id-​duħħan tal-​marijuana jistaʼ jħallilek erbaʼ darbiet iktar qatran fil-​pajpijiet tan-​nifs u jħallilek ħames darbiet iktar monossidu karboniku velenuż f’demmek. Meta tpejjep ħames joints tal-​marijuana tkun daqslikieku qed tieħu ġo fik l-​istess ammont taʼ sustanzi li jikkaġunaw il-​kanċer li jkun fih pakkett sigaretti.

Ħrafa. Il-​marijuana ma tagħmlekx dipendenti minnha.

Fatt. L-​adoloxxenti li jkollhom problemi mentali jew emozzjonali jistgħu faċilment isiru dipendenti mill-​marijuana. Oħrajn jistgħu jsiru dipendenti wara li jkun ilhom ħafna żmien jagħmlu użu minnha. Barra minn hekk, l-​istudji juru li l-​adoloxxenti li jpejpu l-​marijuana jkunu f’riskju ferm ikbar li jieħdu drogi oħrajn li jġiegħlu lill-​individwu jsir dipendenti minnhom, bħal pereżempju l-​kokaina.

[Kaxxa/Stampi f’paġni 244, 245]

L-​Effetti li t-​Tabakk Iħalli Fuq Ġismek

Ħares lejn in-​nies f’saħħithom li jidhru fir-​reklami tas-​sigaretti; imbagħad qabbilhom mal-​effett li fir-​realtà t-​tipjip iħalli fuq ġismek.

Il-​ħalq u l-​gerżuma Jistaʼ jikkaġuna kanċer

[Stampa]

Kanċer fl-​ilsien

Il-​qalb L-​arterji jibbiesu u jidjiequ, fil-​qalb ma jgħaddix biżżejjed ossiġnu, u r-​riskju tal-​mard tal-​qalb jiżdied saħansitra b’erbaʼ darbiet

[Stampa]

Arterja misduda

Il-​pulmun Jeqred il-​boroż tal-​arja, jaħraq il-​pajpijiet tan-​nifs, u jżid ir-​riskju taʼ kanċer fil-​pulmun saħansitra bi 23 darba

[Stampa]

Il-​pulmun taʼ xi ħadd li jpejjep

Il-​moħħ Iżid ir-​riskju taʼ puplesija saħansitra b’erbaʼ darbiet

Il-​ġilda Jistaʼ jikkaġuna tikmix qabel iż-​żmien

Is-​snien Jikrieh il-​kulur

L-​istonku Jikkaġuna kanċer

Il-​frixa Jikkaġuna kanċer

Il-​bużżieqa tal-​awrina Jikkaġuna kanċer

Il-​kliewi Jikkaġuna kanċer

[Stampa f’paġna 239]

Xi ħadd li jpejjep jistaʼ jitqabbel maʼ ħuta li qed tissielet biex tinħeles mil-​lixka. Għall-​ewwel forsi jħoss ċertu sodisfazzjon, imma xi prezz għoli jrid iħallas!