Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Hemm Ħażin f’li Nixrob Iżżejjed?

X’Hemm Ħażin f’li Nixrob Iżżejjed?

KAPITLU 34

X’Hemm Ħażin f’li Nixrob Iżżejjed?

Kieku int kif twieġeb il-​mistoqsijiet li ġejjin? Agħmel ✔ fil-​kaxxa maġenb it-​tweġiba tiegħek.

Hemm xi ħadd fost sħabek li jixrob minkejja li għadu taħt l-​età jew li jixrob iżżejjed?

□ Iva □ Le

Qatt għamlulek pressjoni sħabek biex tixrob l-​alkoħol?

□ Iva □ Le

Qatt xrobt iżżejjed?

□ Iva □ Le

X’JIĠIFIERI li tixrob iżżejjed? Għal xi wħud dan sempliċement ifisser li tixrob biex tisker. Rapport mill-​Istitut Nazzjonali tal-​Istati Uniti dwar l-​Abbuż tal-​Alkoħol u l-​Alkoħoliżmu pprova jkun iktar speċifiku. Dan ir-​rapport qal li x-​xorb żejjed “normalment ifisser li, fil-​każ tal-​irġiel, wieħed jixrob ħames drinks jew iktar wara xulxin, u fil-​każ tan-​nisa, erbaʼ drinks jew iktar wara xulxin.”

Jekk ġieli ġietek it-​tentazzjoni li tixrob iżżejjed jew li tixrob minkejja li għadek taħt l-​età f’għajnejn il-​liġi, m’intix waħdek. Bosta żgħażagħ jabbużaw mill-​alkoħol. * Iżda staqsi lilek innifsek: ‘X’naf verament dwar ir-​raġuni għala nkun irrid nixrob u dwar l-​effetti li l-​alkoħol jistaʼ jkollu fuqi?’ Pereżempju, kieku int kif twieġeb għal dawn il-​mistoqsijiet f’għamla taʼ veru jew falz? Agħmel ✔ fil-​kaxxa maġenb it-​tweġiba tiegħek, u mbagħad ikkunsidra l-​fatti.

a. L-​adoloxxenti jixorbu biss għax togħġobhom it-​togħma tal-​alkoħol.

□ Veru □ Falz

b. Peress li huma iżgħar u iktar f’saħħithom, l-​adoloxxenti jbatu inqas mill-​adulti fejn jidħlu l-​effetti ħżiena li jġib miegħu l-​abbuż mill-​alkoħol.

□ Veru □ Falz

ċ. Ix-​xorb żejjed mhux se joqtlok.

□ Veru □ Falz

d. Il-​Bibbja tikkundanna l-​użu kollu tal-​alkoħol.

□ Veru □ Falz

e. L-​unika konsegwenza tax-​xorb żejjed hi saħħa batuta.

□ Veru □ Falz

a. L-​adoloxxenti jixorbu biss għax togħġobhom it-​togħma tal-​alkoħol. Tweġiba—Falz. Stħarriġ dwar l-​alkoħol li sar fl-​Awstralja wera li 36 fil-​mija miż-​żgħażagħ li ġew intervistati qalu li xorbu primarjament biex f’attivitajiet soċjali ma jkunux differenti minn sħabhom. Stħarriġ li sar fl-​Istati Uniti wera li 66 fil-​mija qalu li xorbu minħabba l-​pressjoni li għamlulhom dawk tamparhom. Madankollu, iktar minn nofshom qalu wkoll li xorbu biex jipprovaw jinsew il-​problemi.

b. Peress li huma iżgħar u iktar f’saħħithom, l-​adoloxxenti jbatu inqas mill-​adulti fejn jidħlu l-​effetti ħżiena li jġib miegħu l-​abbuż mill-​alkoħol. Tweġiba—Falz. Artiklu fir-​rivista Discover jgħid: “Riċerka ġdida turi li ż-​żgħażagħ li jixorbu jkunu qed jistiednu l-​periklu.” Għala? Għax “l-​adoloxxenti li jixorbu b’mod eċċessiv jistgħu jkunu qed jeqirdu ammont sinifikanti mill-​kapaċità mentali tagħhom.”

Il-​konsum tal-​alkoħol fuq perijodu twil taʼ żmien jistaʼ wkoll jikkaġuna żieda fil-​ponot tal-​wiċċ, tikmix tal-​ġilda qabel iż-​żmien, żieda fil-​piż, dipendenza mill-​alkoħol, u l-​vizzju tad-​drogi. Jistaʼ wkoll jagħmel ħsara kbira lis-​sistema nervuża, lill-​fwied, u lill-​qalb.

ċ. Ix-​xorb żejjed mhux se joqtlok. Tweġiba—Falz. Ammonti kbar t’alkoħol ma jħallux l-​ossiġnu jasal fil-​moħħ, u b’hekk il-​ġisem ma jibqax jiffunzjona kif suppost. Xi sintomi jistgħu jkunu, pereżempju, li wieħed jibda jirremetti, jintilef minn sensih, u jonqoslu n-​nifs jew ma jibdiex jieħu n-​nifs b’mod normali. F’xi każi, l-​alkoħol jistaʼ anki jwassal għall-​mewt.

d. Il-​Bibbja tikkundanna l-​użu kollu tal-​alkoħol. Tweġiba—Falz. Il-​Bibbja ma tikkundannax ix-​xorb alkoħoliku, lanqas ma tipprojbixxi liż-​żgħażagħ milli jieħdu ftit pjaċir. (Salm 104:15; Ekkleżjasti 10:19) M’għandniex xi ngħidu, biex tixrob jeħtieġ ikollok l-​età legali.—Rumani 13:1.

Madankollu, il-​Bibbja twissina kontra x-​xorb żejjed. Proverbji 20:1 jgħid: “L-​inbid iwaqqaʼ kollox għaċ-​ċajt, ix-​xorb li jsakkar hu storbjuż, u kulmin jiżvija minħabba fih m’huwiex għaref.” L-​alkoħol jistaʼ jġiegħlek taġixxi b’mod ridikolu! Huwa minnu li għal ftit mumenti jistaʼ jkun taʼ pjaċir, iżda x-​xorb żejjed “jigdem bħal serp,” u jagħmillek ħafna ħsara fiżika u emozzjonali.​—Proverbji 23:32.

e. L-​unika konsegwenza tax-​xorb żejjed hi saħħa batuta. Tweġiba—Falz. Jekk tisker, tkun qed tirriskja li tisfa vittma taʼ kwalunkwe tip t’attakk fiżiku—saħansitra taʼ stupru. Barra minn hekk, x’aktarx li tistaʼ ssir taʼ periklu għal oħrajn għax iġġib ruħek bla kontroll u tagħmel affarijiet li meta tkun f’sensik lanqas biss toħlom li tagħmilhom. Il-​Bibbja twissi li jekk tixrob iżżejjed, “għajnejk jaraw kollox bil-​maqlub, u minn moħħok joħroġ kliem imħawwad.” (Proverbji 23:33, Għaqda Biblika Maltija) Fi ftit kliem, tistaʼ tagħti impressjoni ħażina tiegħek innifsek! Konsegwenzi oħrajn taʼ ħsara jistgħu jkunu ħbiberiji mkissrin, atteġġjament ħażin fl-​iskola u fuq ix-​xogħol, rapport ħażin fuq iċ-​Ċertifikat tal-​Kondotta tal-​Pulizija, u faqar.​—Proverbji 23:21.

Iktar importanti minn hekk, ikkunsidra l-​ħsara spiritwali li jistaʼ jikkaġuna x-​xorb żejjed. Alla Ġeħova jridek taqdih “b’moħħok kollu”—mhux b’moħħ li jkun ġie mħassar bla bżonn minħabba x-​xorb żejjed. (Mattew 22:37) Il-​Kelma t’Alla tikkundanna kemm ix-​“xorb żejjed taʼ nbid” u kemm l-​“imħatri min jixrob l-​iktar.” (1 Pietru 4:3) Għalhekk, meta tixrob iżżejjed tkun qed tmur kontra r-​rieda tal-​Ħallieq tagħna u jistaʼ jtellfek milli tgawdi ħbiberija mill-​qrib m’Alla.

X’Għażla Se Tagħmel?

Se tagħżel int li timxi mal-​kurrent u tixrob iżżejjed sempliċement għax sħabek qed jagħmlu hekk? Il-​Bibbja tgħid: “Ma tafux li jekk tibqgħu tippreżentaw ruħkom lil xi ħadd bħala lsiera biex tobduh tkunu lsiera tiegħu għax tobduh?” (Rumani 6:16) Trid verament tkun ilsir taʼ sħabek jew tal-​alkoħol?

X’għandek tagħmel jekk inqbadt fin-​nassa tax-​xorb żejjed? Fittex l-​għajnuna immedjatament billi titkellem maʼ xi ħadd mill-​ġenituri tiegħek jew maʼ xi ħabib matur. Itlob bil-​ħrara lil Alla Ġeħova biex jgħinek. Wara kollox, hu “għajnuna li tistaʼ tinstab malajr matul l-​inkwiet.” (Salm 46:1) Ladarba x-​xorb żejjed u x-​xorb minn uħud taħt l-​età spiss isiru minħabba l-​pressjoni mill-​ħbieb, int forsi jkollok bżonn tagħmel bidliet drastiċi fl-​għażla tal-​ħbieb tiegħek. * Dan mhux se jkun faċli, iżda bl-​għajnuna taʼ Ġeħova tistaʼ tirnexxi.

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Int tistaʼ tegħleb il-​vizzju tad-​drogi. Tgħallem kif tistaʼ tagħmel dan.

[Noti ta’ taħt]

^ par. 11 Ara l-​kaxxa  “Min Qed Jixrob Iżżejjed?” f’paġna 249.

^ par. 32 Għal iktar informazzjoni, ara Kapitli 8 u 9 taʼ dan il-​ktieb u Kapitlu 15 taʼ Volume 2.

SKRITTURA PRINĊIPALI

‘Is-​sakranazz . . . jiftaqar.’​—Proverbji 23:21.

SUĠĠERIMENT

Identifika r-​raġunijiet għala trid tixrob l-​alkoħol. Imbagħad ipprova aħseb f’xi modi oħrajn u iktar taʼ ġid għal saħħtek kif tistaʼ tieħu pjaċir jew kif ittaffi l-​istress.

KONT TAF . . . ?

Studju li sar fl-​Istati Uniti wera li “dawk li spiss jixorbu żżejjed kellhom tmien darbiet iktar ċans li jfallu xi lezzjoni, li jaqgħu lura fix-​xogħol tal-​iskola, li jweġġgħu jew ikorru, u li jikkaġunaw danni lill-​proprjetà minn dawk li jixorbu bil-​moderazzjoni.”

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Jekk sħabi jkunu jriduni nabbuża mill-​alkoħol magħhom, jien se ngħid ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Dawk tamparek, għala jkunu jridu li ħaddieħor jingħaqad magħhom biex jabbuża mill-​alkoħol?

● L-​abbuż mill-​alkoħol, se jagħmlek iktar attraenti f’għajnejn dawk tas-​sess oppost, u għala twieġeb hekk?

[Kumment f’paġna 250]

“Meta sħabi tal-​iskola joffruli l-​alkoħol, jien ngħidilhom li m’għandix bżonn nixrob biex nieħu ftit pjaċir.”​—Mark

[Kaxxa f’paġna 249]

 Min Qed Jixrob Iżżejjed?

Studju li sar fuq tfal tas-​sekondarja fl-​Ingilterra, fl-​Iskozja, u f’Wales wera li minn tal-​inqas wieħed minn kull erbat itfal li għandhom 13 jew 14-​il sena “qal li kien xorob minn tal-​inqas ħames xarbiet alkoħoliċi wara xulxin.” Madwar nofs dawk kollha li ġew intervistati u li għandhom 15 jew 16-​il sena qalu li kienu għamlu l-​istess. Skont id-​Dipartiment tas-​Saħħa u tas-​Servizzi Umani tal-​Istati Uniti, “madwar 10.4 miljun adoloxxent bejn it-​12 u l-​20 sena qalu li kienu jixorbu l-​alkoħol. Minn dawn, 5.1 miljuni kienu jixorbu żżejjed, u fosthom kien hemm 2.3 miljuni li kienu jixorbu b’mod esaġerat u li kienu jagħmlu dan minn tal-​inqas ħames darbiet fix-​xahar.” Studju li sar fl-​Awstralja wera li f’dan il-​pajjiż il-​bniet jixorbu żżejjed ħafna iktar mis-​subien, tant li jixorbu bejn 13 u 30 xarba alkoħolika wara xulxin!

[Stampa f’paġna 251]

L-​alkoħol jistaʼ jigdem bħal serp