Kif Nistaʼ Nkampa Meta Ġenitur Jerġaʼ Jiżżewweġ?
KAPITLU 5
Kif Nistaʼ Nkampa Meta Ġenitur Jerġaʼ Jiżżewweġ?
JISTAʼ jkun li l-ġenitur tiegħek ikun ferħan se jtir dakinhar li jerġaʼ jiżżewweġ. Iżda int forsi ma tħoss l-ebda ferħ! Għala? Iż-żwieġ mill-ġdid taʼ ġenitur ikisser it-tama li l-ġenituri bijoloġiċi tiegħek għad xi darba jerġgħu lura flimkien. Ukoll, iż-żwieġ mill-ġdid jistaʼ jkun taʼ wġigħ b’mod partikulari meta jseħħ eżatt wara l-mewt taʼ ġenitur għażiż.
Kif ħassejtek meta xi ħadd mill-ġenituri tiegħek reġaʼ żżewweġ? Agħmel ✔ maġenb id-deskrizzjonijiet li japplikaw għalik.
Ħassejt . . .
□ Ferħ
□ Nuqqas taʼ sigurtà
□ Tradiment
□ Għira għall-ġenitur tar-rispett
□ Ħtija taʼ tradiment għax bdejt inħobb lill-ġenitur tar-rispett
Din l-aħħar reazzjoni tistaʼ tkun kaġunata minn sens taʼ lealtà lejn il-ġenitur tiegħek li jkun ġie nieqes. Tkun xi tkun ir-raġuni, is-sentimenti li ssemmew hawn fuq jistgħu jġegħluk tisfoga l-uġigħ emozzjonali tiegħek b’modi li jkunu taʼ ħsara.
Proverbji 11:29, Għaqda Biblika Maltija) M’għandekx għalfejn taqaʼ f’din in-nassa. Int tistaʼ tkampa mat-taqlib emozzjonali tiegħek b’modi iktar pożittivi. Ikkunsidra xi ftit eżempji.
Pereżempju, għandek mnejn li l-ħin kollu tagħmel il-ħajja diffiċli għall-ġenitur tar-rispett. Forsi saħansitra tipprova taqlaʼ l-inkwiet bejn il-ġenitur tiegħek u l-ġenitur tar-rispett, bit-tama li tifridhom. Madankollu, proverbju għaqli jwissi: “Min iħarbat daru jiret ir-riħ”—jiġifieri jispiċċa b’xejn. (L-1 Sfida: Tkampa mal-Awtorità li Jkollu Ġenitur tar-Rispett
Mhuwiex faċli li tissottometti ruħek għall-awtorità taʼ ġenitur ġdid. Meta tiġi mitlub tagħmel xi ħaġa, għandu mnejn tiġik it-tentazzjoni li tkun pront u tgħid, ‘Int mhux ommi/missieri!’ Tweġiba bħal din forsi tagħtik sens taʼ sodisfazzjon temporanju, iżda tkun qed turi immaturità min-naħa tiegħek.
Mill-banda l-oħra, mod wieħed kif turi li int obdejt il-parir tal-Bibbja biex ‘tikber għalkollox fil-mentalità tiegħek,’ hu billi tissottometti ruħek għall-awtorità tal-ġenitur tar-rispett. (1 Korintin 14:20) Tabilħaqq, il-ġenitur tar-rispett iwettaq id-dmirijiet li għandu ġenitur naturali u jistħoqqlu r-rispett tiegħek.—Proverbji 1:8; Efesin 6:1-4.
Id-dixxiplina taʼ ġenitur tar-rispett normalment tkun espressjoni taʼ mħabbtu għalik. (Proverbji 13:24) “Missieri tar-rispett jiddixxiplinana,” tgħid Yvonne, “iżda hekk suppost jagħmlu l-missirijiet naturali. Inħoss li jekk ma nismax mill-pariri tiegħu, inkun bħallikieku qed ngħid li ma jimpurtanix li matul is-snin hu pprovdielna materjalment u spiritwalment—inkun qed nuri nuqqas taʼ gratitudni.”
Xorta waħda, jistaʼ jkun li jkollok raġunijiet validi biex tilmenta. Jekk inhu hekk, agħti prova li int ‘kbirt’ billi tagħmel bħalma jħeġġeġ Kolossin 3:13: “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor.”
Hawn taħt, ikteb żewġ kwalitajiet tajbin jew iktar li għandu l-ġenitur tar-rispett.
․․․․․
Jekk iżżomm f’moħħok il-kwalitajiet tajbin tal-ġenitur tar-rispett, kif tistaʼ tiġi megħjun tirrispettah iktar?
․․․․․
It-2 Sfida: Titgħallem Taqsam maʼ Ħaddieħor u Ċċedi
“Missieri żżewweġ darbtejn,” jiftakar Aaron, li għandu 24 sena. “Sibtha diffiċli nuri affezzjoni lejn kull familja ġdida. Għall-ewwel kienu biss stranġieri għalija, iżda ntqalli li kelli l-obbligu li nurihom imħabba. Din is-sitwazzjoni ħawditni.”
Anki int forsi tiffaċċja sfidi diffiċli. Pereżempju, għandek mnejn ikollok iċċedi l-pożizzjoni tiegħek bħala l-akbar jew l-uniku wild. Jekk int ġuvni, għandek mnejn li għal żmien twil ħassejt li int kont il-wieħed responsabbli biex tieħu ħsieb il-familja—responsabbiltà li issa waqgħet f’idejn missierek tar-rispett. Jew forsi tħossok bħal Yvonne. Hi tgħid: “Missieri qatt ma kien jagħti kas ommi, u għalhekk kont drajtha tagħti l-attenzjoni lili biss. Iżda meta ommi reġgħet iżżewġet, missieri tar-rispett kien juriha ħafna attenzjoni. Kienu jqattgħu ħafna ħin fil-kumpanija taʼ xulxin u kienu jitkellmu flimkien, u kont inħoss li kien qed jisraqhieli. Iżda, fl-aħħar irnexxieli nidra.”
Bħal Yvonne, int kif tistaʼ tidra? Il-Bibbja tagħti l-parir: “Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli.” (Filippin 4:5) Il-kelma oriġinali tradotta “raġunevoli” kienet tfisser “li ċċedi” u kienet tagħti sens taʼ li wieħed ikollu attitudni li ma jinsistix fuq id-drittijiet kollha tiegħu. Kif tistaʼ tapplika dan il-parir? (1) Evita li toqgħod thewden fuq il-passat. (Ekkleżjasti 7:10) (2) Kun lest li taqsam mal-ġenitur u ħutek tar-rispett. (1 Timotju 6:18) (3) Tittrattahomx bħala stranġieri.
Fuq liema minn dawn il-punti li ssemmew hawn fuq għandek bżonn taħdem l-iktar? ․․․․․
It-3 Sfida: Tkampa maʼ Trattament Differenti
“Missieri tar-rispett kien iħobb lil uliedu ħafna iktar milli kien iħobb lili u lil oħti,” tgħid Tara. “Hu kien jixtrilhom l-ikel li kienu jħobbu jieklu u jikrilhom il-films li riedu jaraw. Kien jagħmel minn kollox biex jikkuntentahom.” Trattament bħal dan hu diffiċli biex tkampa miegħu. X’jistaʼ jkun t’għajnuna? Ipprova ifhem għala ġenitur tar-rispett forsi ma jħossux bl-istess mod lejn wild tar-rispett bħalma jħossu lejn il-wild naturali tiegħu. Forsi dan ma jkunx minħabba r-rabta tad-demm mal-wild naturali tiegħu, iżda minħabba li jkunu għexu u esperjenzaw affarijiet flimkien għal iktar żmien. Wara kollox, anki int għandek mnejn tħossok iktar qrib tal-ġenitur naturali tiegħek milli tal-ġenitur tar-rispett.
Iżda hemm distinzjoni importanti bejn li tiġi trattat b’mod ugwali u li tiġi trattat b’mod ġust. In-nies għandhom personalitajiet uniċi u bżonnijiet differenti. Mela minflok ma tkun
konċernat iżżejjed dwar jekk il-ġenitur tar-rispett huwiex jittrattak b’mod ugwali, ipprova ara jekk huwiex jistinka biex jissodisfa l-bżonnijiet tiegħek.Liema bżonnijiet għandek int li jissodisfalek il-ġenitur tar-rispett?
․․․․․
Liema bżonnijiet tħoss li mhumiex qed jiġu sodisfati?
․․․․․
Jekk tħoss li xi wħud mill-bżonnijiet tiegħek mhumiex qed jiġu sodisfati, għala ma tiddiskutix il-kwistjoni b’mod xieraq mal-ġenitur tar-rispett?
Il-Paċenzja Tagħti Riżultati Tajbin!
Normalment, iridu jgħaddu diversi snin qabel ma l-fiduċja tiżviluppa sal-punt li l-membri taʼ familja li fiha jkun hemm xi ġenitur tar-rispett iħossuhom komdi maʼ xulxin. Imbagħad, id-drawwiet u l-valuri differenti jkunu jistgħu jiġu amalgamati flimkien biex joħolqu rutina effiċjenti. Għalhekk, kun paċenzjuż! Tistenniex li mill-ewwel se jkun hemm l-imħabba u l-atmosfera taʼ familja.
Meta ommu reġgħet iżżewġet, Thomas ħassu skomdu ferm. Ommu kellha erbat itfal, u r-raġel li żżewġet kellu tlieta. “Kien ikollna ġlied, argumenti, nuqqas taʼ paċi, u tensjonijiet emozzjonali xejn sbieħ,” kiteb Thomas. X’kienet is-soluzzjoni li fl-aħħar irnexxiet? “Meta bdejna napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja, il-problemi ġew solvuti.”
Xi ngħidu jekk ħutek kollha huma ħutek naturali iżda jirritawk?
SKRITTURA PRINĊIPALI
“Aħjar it-tmiem taʼ xi ħaġa milli l-bidu tagħha. Aħjar min hu paċenzjuż milli min għandu spirtu supperv.”—Ekkleżjasti 7:8.
SUĠĠERIMENT
Meta tgħix taħt l-istess saqaf m’aħwa ġodda tas-sess oppost jistgħu jinbtu xi ġibdiet sesswali. Għalhekk, ipprova waqqaf lilek innifsek milli tberren ħsibijiet li jqanqluk sesswalment, u kun ċert li la bl-ilbies u lanqas bil-kondotta tiegħek ma tkun provokattiv/a sesswalment.
KONT TAF . . . ?
Anki ħutek tar-rispett jistgħu jsibuha diffiċli biex jidraw l-atmosfera tal-familja l-ġdida.
L-AZZJONI LI SE NIEĦU
Se nipprova nirrispetta iktar lill-ġenitur tar-rispett billi niftakar dawn l-affarijiet tajbin li għamel għall-familja (ikteb żewġ affarijiet pożittivi): ․․․․․
Jekk ħuti tar-rispett ma jittrattawnix sew, nistaʼ napplika l-prinċipju f’Rumani 12:21 billi nagħmel dan li ġej: ․․․․․
Dak li nixtieq nistaqsi lill-ġenitur tiegħi jew lill-ġenitur tar-rispett dwar dan is-suġġett hu ․․․․․
INT X’TAĦSEB?
● Liema beżgħat għandu mnejn ikollu l-ġenitur jew ħutek tar-rispett dwar li jingħaqdu mal-familja tiegħek?
● Għala hu importanti li tħares lil hinn mis-sitwazzjoni preżenti tar-relazzjonijiet fil-familja l-ġdida tiegħek?
[Kumment f’paġna 38]
“It-tieni żwieġ t’ommi spiċċa f’divorzju. Iżda, għadni qrib ħafna taʼ ħuti tar-rispett sal-ġurnata tal-lum. Il-fatt li saru parti minn ħajti kien wieħed mill-aqwa affarijiet li qatt ġrawli.”—Tara
[Stampa f’paġna 39]
It-taħlit taʼ żewġ familji flimkien hu bħat-taħlit tal-ilma mas-siment—jinvolvi ħin u sforz, iżda r-riżultat aħħari jistaʼ jkun wieħed b’saħħtu u dejjiemi