Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Nistaʼ Nipproteġi Ruħi mill-Predaturi Sesswali?

Kif Nistaʼ Nipproteġi Ruħi mill-Predaturi Sesswali?

KAPITLU 32

Kif Nistaʼ Nipproteġi Ruħi mill-Predaturi Sesswali?

Kull sena, miljuni taʼ nies jisfaw vittmi taʼ stupru jew taʼ abbuż sesswali, u r-​riċerka turi li ż-​żgħażagħ huma l-​mira ewlenija. Pereżempju, fl-​Istati Uniti huwa stmat li madwar nofs il-​vittmi kollha li jiġu stuprati jkollhom inqas minn 18-​il sena. Minħabba li l-​abbuż qed isir daqshekk komuni, huwa vitali li tikkunsidra dan is-​suġġett. *

“Qabel ma rrealizzajt x’kien qed jiġri, qabadni u tefagħni mal-​art. Għamilt minn kollox biex nimbottah ’l hemm. . . . Ipprovajt inwerżaq, iżda marli leħni. Imbottajtu, tajtu daqqiet taʼ sieq u daqqiet taʼ ponn, u griftu. Kien proprju f’dan il-​mument li ħassejt sikkina tinfidni. Spiċċajt bla saħħa.”​—Annette.

IL-​PREDATURI sesswali huma komuni ferm illum il-​ġurnata, u ħafna drabi l-​mira ewlenija tagħhom hija ż-​żgħażagħ. Xi żgħażagħ jiġu attakkati minn stranġier, bħal fil-​każ taʼ Annette. Oħrajn jiġu attakkati minn xi ġar. Hekk ġara fil-​każ taʼ Natalie, li meta kellha biss 10 snin ġiet abbużata sesswalment minn żagħżugħ li kien jgħix viċin id-​dar tagħha. Hi tgħid: “Tant bżajt u stħajt li għall-​ewwel m’għedt lil ħadd.”

Ħafna żgħażagħ ġew abbużati sesswalment minn xi membru tal-​familja tagħhom. Mara jisimha Carmen tgħid: “Mindu kelli 5 snin sa meta kelli 12-​il sena, ġejt abbużata sesswalment minn missieri. Fl-​aħħar, meta kelli 20 sena, kellimtu wiċċ imb wiċċ dwar is-​sitwazzjoni. Hu qal li kien iddispjaċieh, imma ftit tax-​xhur wara keċċieni ’l barra mid-​dar.”

Illum il-​ġurnata, l-​abbuż sesswali minn xi ġar, xi ħabib, jew xi membru tal-​familja hu komuni b’mod allarmanti. * Iżda l-​abbuż fuq iż-​żgħażagħ mhu xejn ġdid. Kondotta diżgustanti bħal din saħansitra kienet issir fiż-​żmien meta kienet qed tinkiteb il-​Bibbja. (Ġoel 3:3; Mattew 2:16) Illum qegħdin ngħixu fi żminijiet kritiċi. Ħafna nies m’għandhomx “imħabba naturali,” u l-​abbuż sesswali hu komuni kemm fuq il-​bniet u kemm fuq is-​subien. (2 Timotju 3:1-​3) Għalkemm l-​ebda prekawzjoni ma tistaʼ tiggarantixxi s-​sigurtà tiegħek, hemm ħafna x’tistaʼ tagħmel biex tipproteġi lilek innifsek. Ikkunsidra dawn is-​suġġerimenti li ġejjin:

Oqgħod attenta. Meta tkun miexja barra, kun af x’inhu jiġri quddiemek, warajk, u madwarek. Xi postijiet huma magħrufin għal kemm huma perikolużi, speċjalment bil-​lejl. Sa fejn hu possibbli, evita li tmur f’dawn il-​postijiet jew għall-​inqas kun ċerta li ma tkunx waħdek.​—Proverbji 27:12.

Tgħaddix messaġġ b’ieħor. Toqgħodx titkessaħ maʼ dawk tas-​sess oppost u tilbisx ilbies provokanti. Affarijiet bħal dawn iwasslu l-​messaġġ li int moħħok fis-​sess—jew li m’intix se tgħid le għas-​sess jekk tiġik l-​opportunità.​—1 Timotju 2:9, 10.

Poġġi limitazzjonijiet. Jekk qed toħroġ maʼ ġuvni, iddiskuti miegħu liema kondotta hi jew mhix xierqa. * Ladarba tkun poġġejt limitazzjonijiet, evita li tidħol f’sitwazzjonijiet perikolużi fejn jistaʼ jkun hemm iċ-​ċans li tiġi abbużata.​—Proverbji 13:10.

Kun lesta li titkellem. M’hemm xejn ħażin jekk b’determinazzjoni tgħid, “Ara ma jfettillekx!” jew “Neħħi jdejk minn fuqi!” Toqgħodx lura għax tibżaʼ li jistaʼ jitilqek l-​għarus. Jekk jitilqek minħabba f’hekk, mhuwiex taʼ min jibqaʼ miegħu! Wara kollox, int jistħoqqlok raġel fil-​veru sens tal-​kelma—raġel li jirrispetta lil ġismek u l-​prinċipji tiegħek. *

Oqgħod b’sebaʼ għajnejn meta tkun fuq l-​Internet. Qatt tagħti informazzjoni personali jew titfaʼ ritratti li bihom turi fejn tkun mort u fejn tkun sejra. * Jekk tirċievi xi messaġġ bla kantunieri dwar is-​sess, spiss l-​aħjar ħaġa hi li ma twiġibx, għax is-​skiet risposta. Meta ma twiġibx messaġġi bħal dawn tkun qed iġġib lil ħafna minn dawn il-​predaturi sesswali daharhom mal-​ħajt.

Is-​suġġerimenti li għadhom kif issemmew jistgħu jagħmluk inqas vulnerabbli biex tiġi attakkata. (Proverbji 22:3) Iżda ngħiduha kif inhi, irridu nammettu li mhuwiex dejjem possibbli li jkollok kontroll sħiħ fuq iċ-​ċirkustanzi tiegħek. Pereżempju, mhuwiex dejjem possibbli li jkollok lil xi ħadd miegħek meta tkun qed tivvjaġġa. Jew għandu mnejn li ma tistax tevita ċerti postijiet perikolużi. Forsi int saħansitra tgħix f’post perikoluż.

Forsi mill-​esperjenza qarsa li ġarrabt taf li minkejja l-​isforzi tiegħek biex tevita l-​periklu, xorta jistgħu jiġrulek affarijiet ħżiena. Bħal Annette, li ssemmiet qabel, għandek mnejn inqbadt fuq sieq waħda u ġejt imġiegħla kontra l-​volontà tiegħek. Jew bħal Carmen, għandek mnejn ġejt abbużata meta kont għadek tfal u, biex ngħidu hekk, ma kellekx kontroll fuq is-​sitwazzjoni—saħansitra ma kellekx l-​abbiltà li tifhem għalkollox x’kien qed jiġri. Kif tistaʼ tkampa mal-​ħtija li ħafna drabi jħossu dawk li jkunu ġew abbużati sesswalment?

Kif Tkampa mal-​Ħtija

Annette għadha sal-​ġurnata tal-​lum tikkumbatti maʼ sentimenti taʼ ħtija minħabba dak li ġralha. Hi tgħid: “Jien l-​ikbar għadu tiegħi nnifsi. Għal darba wara l-​oħra, għadni nġib ċar quddiem għajnejja x’ġara dak il-​lejl. Inħoss li stajt nagħmel sforz ikbar biex niġġilidlu. Iżda l-​fatt hu li wara li ġejt feruta b’sikkina ġġammjajt bil-​biżaʼ. Ma stajt nagħmel xejn iktar, imma nħoss li kien imissni għamilt.”

Natalie wkoll għadha qed tikkumbatti maʼ sentimenti taʼ ħtija. Hi tgħid: “Ma messnix fdajt daqshekk. Il-​ġenituri tiegħi għamlu regola li jien u oħti nibqgħu flimkien meta nkunu qed nilagħbu barra, imma jien ma smajtx minnhom. Għalhekk, inħoss li tajt lill-​ġar tiegħi opportunità tajba biex jagħmilli l-​ħsara. Dak li ġara effettwa lill-​familja tiegħi u nħossni responsabbli li ġegħelthom jgħaddu minn dak l-​uġigħ taʼ qalb kollu. Din hi l-​iktar ħaġa li tkiddni.”

Jekk is-​sentimenti tiegħek huma simili għal dawk taʼ Annette jew taʼ Natalie, kif tistaʼ tkampa maʼ sentimenti taʼ ħtija? L-​ewwel nett, ipprova żomm tajjeb f’moħħok li jekk ġejt stuprata, int ma involvejtx ruħek minn jeddek. Xi nies jiħduha ħafif ħafif billi jġibu l-​iskuża li dan hu atteġġjament normali fis-​subien u li l-​vittmi taʼ stupru jkunu qed jistidnuha. Imma ħadd ma jixraqlu li jiġi stuprat. Jekk int sfajt vittma taʼ xi ħaġa terribbli bħal din, int m’għandekx x’taħti!

Naturalment, huwa faċli li taqra din l-​istqarrija “int m’għandekx x’taħti,” iżda għandu mnejn ikun ħafna iktar diffiċli li temminha. Xi wħud iżommu mistur ġo fihom dak li jkun ġara u minħabba f’hekk jimtlew b’sentimenti taʼ ħtija u emozzjonijiet negattivi oħrajn. Madankollu, is-​silenzju tiegħek lil min ikun qed jgħin? Lilek jew lil min ikun abbuża minnek? Int jistħoqqlok tikkunsidra għażla oħra.

Irrakkonta Xi Ġralek

Il-​Bibbja tgħidilna li meta kien għaddej mill-​agħar fażi tal-​għawġ tiegħu, ir-​raġel ġust Ġob qal: “Irrid nisfoga t-​tħassib tiegħi dwari nnifsi. Nitkellem fl-​imrar taʼ ruħi!” (Ġob 10:1) Int se tibbenefika jekk tagħmel l-​istess. Meta titkellem dwar dak li ġralek maʼ xi ħadd li tistaʼ tafdah tkun tistaʼ tiġi megħjun biex maż-​żmien taċċetta l-​fatt li ġejt stuprata u tegħleb is-​sentimenti li jkun ġab miegħu l-​istupru.

Fil-​fatt, jekk int tagħmel parti mill-​kongregazzjoni Kristjana, hu importanti li titkellem maʼ anzjan u tgħidlu b’dak li ġara. Il-​kliem taʼ faraġ minn ragħaj kollu mħabba jistaʼ jassigurak li bħala vittma taʼ stupru int ma ġejtx imtebbgħa mid-​dnub li kkommetta xi ħadd ieħor. Annette taqbel maʼ dan. Hi tgħid: “Jien tkellimt maʼ ħabiba tal-​qalb u ħeġġitni biex nitkellem maʼ xi anzjani Kristjani fil-​kongregazzjoni tiegħi. U mnalla għamilt hekk. Huma poġġew bilqiegħda miegħi diversi drabi u qaluli eżatt dak li kelli bżonn nismaʼ—li dak li ġara ma kienx it-​tort tiegħi. Fil-​fatt, jien ma naħti għall-​ebda ħaġa li ġrat.”

Meta titkellem dwar dak li tkun għaddejt minnu u tesprimi s-​sentimenti tiegħek, tistaʼ tevita li timtela bir-​rabja u bl-​imrar. (Salm 37:8) Dan jistaʼ jgħinek ukoll biex tħoss serħan, forsi għall-​ewwel darba f’ħafna snin. Wara li tkellmet mal-​ġenituri tagħha dwar l-​abbuż, Natalie rrealizzat li dan hu minnu. Hi tgħid: “Huma tawni l-​appoġġ tagħhom. Inkuraġġewni biex nitkellem dwar l-​abbuż u dan għenni biex ma jkollix daqshekk dwejjaq u rabja ġo fija.” Natalie sabet ukoll faraġ fit-​talb. Hi tgħid: “It-​talb lil Alla kien t’għajnuna kbira. Speċjalment f’dawk iż-​żminijiet meta ħassejt li ma stajt niftaħ qalbi maʼ ħadd. Meta nitlob inkun nistaʼ ngħid dak li nħoss. It-​talb jagħtini paċi u kalma kbira.” *

Anki int tistaʼ tara li hemm “żmien li tfejjaq” lilek innifsek. (Ekkleżjasti 3:3) Strieħ fuq ħbieb li jagħtuk l-​appoġġ tagħhom u li bħall-​anzjani jiġu mqabblin maʼ “post taʼ kenn mir-​riħ u lqugħ mill-​maltempata tax-​xita.” (Isaija 32:2) Ħu ħsieb tiegħek innifsek kemm fiżikament u kemm emozzjonalment. Ħu l-​mistrieħ li jkollok bżonn. U fuq kollox, strieħ fuq Ġeħova, l-​Alla taʼ kull faraġ li dalwaqt se jġib dinja ġdida fejn “dawk li jagħmlu l-​ħażen se jitqaċċtu ’l barra, imma dawk li jittamaw f’Ġeħova se jirtu l-​art.”​—Salm 37:9.

[Noti ta’ taħt]

^ par. 3 Għalkemm il-​prinċipji diskussi f’dan il-​kapitlu huma indirizzati lil dawk tas-​sess femminil, japplikaw ukoll għal dawk tas-​sess maskil.

^ par. 7 Xi każi jinvolvu stupru fuq tfajla mill-​ġuvni li tkun qed toħroġ miegħu. Hi tiġi sforzata biex ikollha relazzjoni sesswali miegħu jew tingħata d-​droga biex b’hekk tagħmel dak li jrid hu.

^ par. 10 Għal aktar informazzjoni, ara Kapitlu 4 taʼ Volume 2.

^ par. 11 Bla dubju, dan il-​parir japplika wkoll meta tfajla tisforza ġuvni biex ikollu relazzjonijiet sesswali magħha.

^ par. 12 Għal iktar informazzjoni, ara Kapitlu 11 taʼ Volume 2.

^ par. 23 Xi kultant il-​vittmi tal-​abbuż jgħaddu minn dipressjoni qawwija. F’każ bħal dan, jistaʼ jkun għaqli li tkellem tabib. Għal aktar informazzjoni dwar kif tistaʼ tkampa maʼ sentimenti li jkidduk, ara Kapitli 13 u 14 taʼ dan il-​ktieb.

SKRITTURA PRINĊIPALI

“Fl-​aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom. Għax in-​nies ikunu jħobbu lilhom infushom, . . . mingħajr imħabba naturali, . . . mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-​tajjeb.”​—2 Timotju 3:1-​3.

SUĠĠERIMENT

Jekk int sfajt vittma taʼ abbuż sesswali, żomm lista taʼ skritturi li tistaʼ ssibhom taʼ faraġ. Dawn jistgħu jinkludu Salm 37:28; 46:1; 118:5-​9; Proverbji 17:17; u Filippin 4:6, 7.

KONT TAF . . . ?

Fl-​Istati Uniti, iktar minn 90 fil-​mija tal-​minorenni li jisfaw vittmi taʼ abbuż sesswali jkunu jafu lill-​persuna li tkun abbużat minnhom.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Meta nħoss sentimenti taʼ ħtija minħabba dak li ġrali, jien se ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● X’benefiċċji hemm meta titkellem dwar l-​abbuż?

● X’jistaʼ jiġri—kemm lilek u kemm lil ħaddieħor—jekk tibqaʼ siekta?

[Kumment f’paġna 232]

“Hija ħaġa diffiċli ferm li titkellem dwar l-​abbuż, imma hija l-​aħjar ħaġa li tistaʼ tagħmel. Meta tirrakkonta xi ġralek se tiġi megħjun tneħħi d-​dwejjaq u r-​rabja u terġaʼ tissaħħaħ mill-​ġdid.”​—Natalie

[Kaxxa f’paġna 230]

“Kieku Tħobbni . . . ”

Uħud mill-​predaturi sesswali ma jisforzawx lit-​tfajliet biex jagħmlu s-​sess, imma b’makakkerija jilagħbu bl-​emozzjonijiet tagħhom. Kif? Billi jgħidu affarijiet bħal, “Kulħadd jagħmel is-​sess,” “Ħadd mhu se jsir jaf,” jew, bħalma ssemma f’Kapitlu 24 taʼ dan il-​ktieb, “Kieku tħobbni taċċetta.” Tħallix ġuvni jqarraq bik billi jipprova jġiegħlek temmen li s-​sess ifisser imħabba. Il-​fatt hu li kull min jaħseb hekk ikun ħsiebu biss biex jissodisfa lilu nnifsu. Hu ma jkunx qed juri li jimpurtah minnek. Għall-​kuntrarju, ġuvni li jkun tassew iħobbok se jpoġġi l-​interessi tiegħek qabel tiegħu u se juri li hu b’saħħtu biżżejjed biex iżomm mal-​prinċipji morali t’Alla. (1 Korintin 10:24) Ġuvni bħal dan ma jittrattax lit-​tfajliet bħallikieku huma tajbin biss għas-​sess. Minflok, hu jittratta lin-​“nisa żgħażagħ bħala aħwa bis-​safa kollu.”​—1 Timotju 5:1, 2.

[Stampa f’paġna 233]

Is-​sentimenti taʼ ħtija li jħalli fuqek l-​abbuż għandhom mnejn ikunu tqal wisq biex iġġorrhom waħdek. Għala ma tfittixx l-​għajnuna billi titkellem maʼ xi ħadd?