Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Nistaʼ Nagħmel Ħbieb Tajbin?

Kif Nistaʼ Nagħmel Ħbieb Tajbin?

KAPITLU 8

Kif Nistaʼ Nagħmel Ħbieb Tajbin?

“Jekk inkun irrabjata jkolli bżonn lil xi ħadd maʼ min nisfoga. Jekk ikolli d-​dwejjaq inkun irrid lil xi ħadd ifarraġni. Jekk inkun ferħana nkun irrid naqsam il-​ferħ tiegħi maʼ xi ħadd. Għalija l-​ħbieb huma bżonn.”—Brittany.

META kont għadek tfal kellek bżonn tfal oħrajn maʼ min tilgħab. Dawn kienu jżommulek kumpanija biex ma tkunx waħdek. Iżda issa għandek bżonn ħbieb veri—ħbieb maʼ min mhux biss tqattaʼ l-​ħin, iżda ħbieb maʼ min tkun tistaʼ wkoll taqsam il-​valuri tiegħek.

Iktar minn hekk, il-​Bibbja tgħid li “ħabib veru jħobb il-​ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-​niket.” (Proverbji 17:17) Dan il-​vers x’aktarx jiddeskrivi ħbiberija iktar profonda minn dik li kellek mat-​tfal li kont tilgħab magħhom fi tfulitek!

Fatt: Hekk kif joqrob iż-​żmien li ssir adult, ikollok bżonn ħbieb li:

1. Għandhom kwalitajiet ammirevoli

2. Jgħixu skont prinċipji taʼ min ifaħħarhom

3. Jinfluwenzawk b’mod pożittiv

Mistoqsija: Kif tistaʼ ssib ħbieb bħal dawn? Ejja neżaminaw dawn il-​fatturi, wieħed wieħed.

L-​1 Fattur għall-​Ħbiberija​—Kwalitajiet Ammirevoli

Dak li għandek tkun taf. Mhux kulħadd jistaʼ jkun ħabib veru. Il-​Bibbja saħansitra tgħid li “hemm dawk li lesti li jkissru lil sħabhom.” (Proverbji 18:24) Din tistaʼ tinstemaʼ bħala esaġerazzjoni. Iżda kkunsidra dan: Qatt kellek xi “ħabib” li pprofitta ruħu minnek? Xi ngħidu għal xi “ħabib” li qal xi ħaġa minn wara dahrek jew xerred xi qlajjiet dwarek? Esperjenza bħal din tistaʼ ġġiegħlek titlef il-​fiduċja f’dan il-​ħabib. * Dejjem ftakar li l-​kwalità taʼ ħbieb hi iktar importanti mill-​kwantità taʼ ħbieb li jkollok!

Dak li tistaʼ tagħmel. Agħżel ħbieb li jkollhom kwalitajiet taʼ min jimitahom.

“Kulħadd għandu ħarsa pożittiva lejn il-​ħabiba tiegħi Fiona. Nixtieq li n-​nies jgħidu affarijiet simili dwari wkoll. Nixtieq li jkolli l-​istess reputazzjoni li għandha hi. Għalija hi persuna ammirevoli.”—Yvette, 17-​il sena.

Ipprova dan l-​eżerċizzju.

1. Aqra Galatin 5:22, 23.

2. Staqsi lilek innifsek: ‘Il-​ħbieb tiegħi għandhom kwalitajiet li huma inklużi fil-​“frott taʼ l-​ispirtu”?’

3. Hawn taħt ikteb l-​ismijiet tal-​iktar ħbieb intimi tiegħek. Maġenb kull isem, ikteb l-​iktar kwalità li tiddeskrivi sew lill-​persuna.

Isem

․․․․․

Kwalità

․․․․․

Ħjiel: Jekk jiġuk f’moħħok kwalitajiet negattivi biss, forsi jkun wasal iż-​żmien li tfittex ħbieb aħjar!

It-​2 Fattur għall-​Ħbiberija​—Prinċipji taʼ Min Ifaħħarhom

Dak li għandek tkun taf. Iktar ma tkun iddisprat biex ikollok il-​ħbieb, iktar hemm ċans li taċċetta ħbieb li ma jkunux tajbin. Il-​Bibbja tgħid: “Min qed jagħmilha maʼ l-​istupidi se jaħbatlu ħażin.” (Proverbji 13:20) Il-​kelma “stupidi” ma tirreferix għal nies li jġibu marki baxxi fl-​iskola jew saħansitra nies li ma jkunux daqshekk intelliġenti. Minflok, din tiddeskrivi lil dawk li ma jaċċettawx raġunar għaqli u li jaqbdu triq ħażina moralment. Ħbieb bħal dawn m’għandekx xi tridhom!

Dak li tistaʼ tagħmel. Minflok ma tagħmel ħbieb maʼ min jiġi, kun selettiv. (Salm 26:4) Dan ma jfissirx li għandek tkun preġudikat. F’dan il-​kuntest, li wieħed ikun selettiv ifisser li jkun għaqli biżżejjed biex jara “d-​distinzjoni bejn bniedem sewwa u wieħed mill-​agħar, bejn wieħed li jaqdi lil Alla u wieħed li ma qdiehx.”—Malakija 3:18.

“Inħossni grat li l-​ġenituri tiegħi għenuni nsib ħbieb tampari li sejrin tajjeb spiritwalment.”—Christopher, 13-​il sena.

Wieġeb dawn il-​mistoqsijiet:

Meta nkun mal-​ħbieb tiegħi, inħossni jien ansjuż minħabba li huma għandhom mnejn jagħmluli pressjoni biex nagħmel xi ħaġa li naf li hi ħażina?

□ Iva

□ Le

Noqgħod lura jien milli llaqqa’ lil ħbiebi mal-​ġenituri tiegħi għax nibżaʼ li l-​ġenituri tiegħi ma japprovawhomx?

□ Iva

□ Le

Ħjiel: Jekk wiġibt iva għall-​mistoqsijiet t’hawn fuq, fittex ħbieb li jkollhom livelli iktar għoljin—dawk li jgħixu ħajja Kristjana eżemplari.

It-​3 Fattur għall-​Ħbiberija​—Jinfluwenzawk b’Mod Pożittiv

Dak li għandek tkun taf. Il-​Bibbja tgħid: “Ħbieb ħżiena jħassru karattru tajjeb.” (1 Korintin 15:33, Today’s English Version) Żagħżugħa jisimha Lauren tgħid: “Sħabi tal-​iskola jaċċettawni dment li nagħmel eżatt dak li jgħiduli biex nagħmel. Ħassejtni waħdi, u għalhekk iddeċidejt li naġixxi bħalhom ħalli jaċċettawni.” Lauren irrealizzat li meta tibdel il-​prinċipji tiegħek biex tkun bħall-​oħrajn, tkun qisek bħal biċċa taċ-​ċess li tiġi mmexxija ’l hawn u ’l hinn kif jaqbel lilhom. Int jixraqlek aħjar minn hekk!

Dak li tistaʼ tagħmel. Aqtaʼ l-​ħbiberija maʼ dawk li jinsistu li għandek tinbidel biex tkun bħalhom. Jekk tieħu dan il-​pass, għandu mnejn ikollok inqas ħbieb; iżda se tħossok aħjar dwarek innifsek u se jkollok iktar opportunità li tagħmel ħbieb tajbin—ħbieb li se jinfluwenzawk b’mod pożittiv.—Rumani 12:2.

“Clint, il-​ħabib tal-​qalb tiegħi, hu ġuvni bil-​għaqal u jaf jagħder, u għalhekk kien taʼ inkuraġġiment kbir għalija.”—Jason, 21 sena.

Staqsi lilek innifsek dawn il-​mistoqsijiet:

Nibdel jien il-​mod kif nilbes, nitkellem, jew naġixxi, sempliċement biex nintgħoġob mill-​ħbieb tiegħi?

□ Iva

□ Le

Immur jien mal-​ħbieb tiegħi f’postijiet dubjużi moralment sempliċement biex inkun bħalhom, iżda fejn kieku normalment ma mmurx?

□ Iva

□ Le

Ħjiel: Jekk wiġibt iva għall-​mistoqsijiet fil-​paġna taʼ qabel, itlob parir mingħand il-​ġenituri tiegħek jew mingħand xi adult matur ieħor. Jekk int wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova tistaʼ wkoll tavviċina lil xi anzjan Kristjan u tgħidlu li int tixtieq l-​għajnuna biex tagħżel ħbieb li jkunu jistgħu jinfluwenzawk b’mod aħjar.

AQRA IKTAR DWAR DAN IS-​SUĠĠETT F’KAPITLU 9 TAʼ VOLUME 2

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Qiegħed il-​“ħabib” tiegħek jew forsi qalbek tagħmillek pressjoni biex tagħmel affarijiet ħżiena? Tgħallem kif tistaʼ tirreżisti din il-​pressjoni!

[Nota ta’ taħt]

^ par. 12 M’għandniex xi ngħidu, kulħadd jiżbalja. (Rumani 3:23) Għalhekk, meta xi ħabib iweġġgħek, iżda mbagħad jurik li ġenwinament jiddispjaċih, ftakar li “l-​imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.”—1 Pietru 4:8.

SKRITTURA PRINĊIPALI

“Hemm ħabib li jintrabat miegħek iktar minn ħuk.”​—Proverbji 18:24.

SUĠĠERIMENT

Għix fi qbil maʼ prinċipji retti, u dawk li jkunu qed jistinkaw biex jagħmlu l-​istess, x’aktarx li iktar jagħmlu ħbieb miegħek. Dawn ikunu l-​aqwa tip taʼ ħbieb!

KONT TAF . . . ?

Alla mhuwiex parzjali, iżda hu selettiv ferm meta jiġi biex jagħżel lil min se jaċċetta bħala ‘mistieden fit-​tinda tiegħu.’—Salm 15:1-​5.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Sabiex insib ħbieb tajbin, jien se ․․․․․

Xi wħud li huma ikbar minni u li nixtieq insir nafhom aħjar huma ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Liema kwalitajiet tqis li huma l-​iktar taʼ valur f’ħabib jew ħabiba, u għala?

● Liema bidliet għandek bżonn tagħmel sabiex tkun ħabib jew ħabiba aħjar?

[Kumment f’paġna 60]

“Meta l-​ġenituri tiegħi ħeġġewni biex noqgħod ’il bogħod minn grupp partikulari taʼ ħbieb, bejni u bejn ruħi għedt li dawn kienu l-​uniċi ħbieb maʼ min ridt nissieħeb. Iżda l-​parir tal-​ġenituri tiegħi kien tajjeb, u meta waqaft naħseb biss dwar dak li nippreferi jien, irrealizzajt li kien hemm bosta ħbieb aħjar minn fejn nagħżel.”​—Cole

[Kaxxa f’paġna 61]

Ipprova Dawn is-​Suġġerimenti

Tkellem mal-​ġenituri tiegħek dwar il-​ħbiberiji. Staqsihom x’tip taʼ ħbieb kellhom huma meta kienu tamparek. Għandhom xi dispjaċiri dwar l-​għażla tagħhom tal-​ħbieb? Jekk iva, għala? Staqsihom kif int tistaʼ tevita xi ftit mill-​problemi li ffaċċjaw huma.

Laqqaʼ lil ħbiebek mal-​ġenituri tiegħek. Jekk qed iżżomm lura milli tagħmel dan, staqsi lilek innifsek: ‘Għala?’ Hemm xi ħaġa dwar ħbiebek li taf li l-​ġenituri tiegħek mhumiex se japprovaw? Jekk iva, jistaʼ jkun li għandek bżonn tkun iktar selettiv meta tiġi biex tagħżel il-​ħbieb tiegħek.

Kun semmiegħ tajjeb. Uri interess fil-​benesseri u t-​tħassib tal-​ħbieb tiegħek.—Filippin 2:4.

Aħfer. Tistenniex perfezzjoni. “Ilkoll nitfixklu ħafna drabi.”—Ġakbu 3:2.

Agħti lil ħbiebek l-​ispazju tagħhom. M’hemmx għalfejn toqgħod ikkakkmat magħhom. Il-​ħbieb veri se jkunu hemm għalik meta jkollok bżonnhom.—Ekkleżjasti 4:9, 10.

[Stampa f’paġna 63]

Meta tibdel il-​prinċipji tiegħek biex tkun bħall-​oħrajn, tkun qisek bħal biċċa taċ-​ċess li tiġi mmexxija ’l hawn u ’l hinn kif jaqbel lilhom