Kif Nistaʼ Nkampa mal-Mewt taʼ Ġenitur?
KAPITLU 16
Kif Nistaʼ Nkampa mal-Mewt taʼ Ġenitur?
Għalkemm dan il-kapitlu jiddiskuti speċifikament il-mewt taʼ ġenitur, il-prinċipji li se jiġu diskussi japplikaw meta jiġi nieqes xi membru tal-familja jew ħabib tal-qalb.
“Meta mietet ommi ħassejtni mitlufa għalkollox u kelli ċertu vojt. Hi kienet il-waħda li żammet il-familja tagħna magħquda.”—Karyn.
Il-MEWT taʼ ġenitur hija waħda mill-iktar affarijiet diffiċli li qatt tistaʼ tesperjenza. Wara l-mewt taʼ ġenitur għandek mnejn ikollok tikkumbatti maʼ ħafna emozzjonijiet differenti li qatt ma tkun esperjenzajt qabel. Brian, li kellu 13-il sena meta miet missieru b’attakk tal-qalb, jgħid: “Meta sirna nafu, għamilna lejl nibku u ngħannqu lil xulxin.” Natalie, li missierha miet b’kanċer meta hi
kellha għaxar snin, tiftakar u tgħid: “Ma kontx naf kif naqbad inħossni. U għalhekk ma ħassejt xejn. Ma kelli l-ebda emozzjoni.”Il-mewt teffettwa lil kull persuna b’mod differenti. Tabilħaqq, il-Bibbja tgħid li “kull wieħed” għandu “l-kastig tiegħu u l-uġigħ tiegħu.” (2 Kronaki 6:29) B’dan f’moħħok, ħu ftit ħin biex taħseb dwar kif il-mewt taʼ wieħed mill-ġenituri tiegħek effettwat lilek. Hawn taħt, iddeskrivi (1) kif ħassejtek hekk kif sirt taf bil-mewt t’ommok jew taʼ missierek u (2) kif qed tħossok issa. *
1 ․․․․․
2 ․․․․․
Forsi t-tweġibiet tiegħek juru li xi ftit jew wisq qed terġaʼ tiġi f’tiegħek. Dan huwa normali. Ma jfissirx li int insejt lill-ġenitur tiegħek. Mill-banda l-oħra, għandek mnejn tara li s-sentimenti tiegħek għadhom l-istess jew saħansitra agħar milli kienu. Forsi n-niket tiegħek ikun bħal mewġ li
donnu jmur u jiġi u li mbagħad “iħabbat mal-blat” f’mumenti li ma tistennihomx. Dan huwa normali wkoll—anki jekk jgħaddu s-snin mill-mewt taʼ xi ħadd mill-ġenituri tiegħek. Il-mistoqsija hi: Kif tistaʼ tkampa maʼ kwalunkwe tip taʼ niket li ġġarrab?Iżżommx lura milli tibki! Il-biki jgħinek tnaqqas l-uġigħ li jġib miegħu n-niket. Madankollu, għandek mnejn tħossok bħalma ħassitha Alicia. Hi kellha 19-il sena meta mietet ommha. Alicia tirrakkonta u tgħid: “Ħassejt li jekk nuri li jien imdejqa żżejjed, kont inkun qed nagħti l-impressjoni li ma kellix fidi.” Iżda aħseb ftit: Ġesù Kristu kien raġel perfett li kellu fidi qawwija f’Alla. Madankollu, hu “qabiżlu d-dmugħ” meta miet il-ħabib għażiż tiegħu Lazzru. (Ġwanni 11:35) Mela toqgħodx tibżaʼ tibki; b’daqshekk ma jfissirx li m’għandekx fidi! Alicia tgħid: “Fl-aħħar bdejt nibki. Kont nibki ħafna u kuljum.” *
Tiġmax ġo fik sentimenti taʼ ħtija. “Dejjem kont nitlaʼ fuq u
nbus lil ommi qabel nidħol norqod,” tgħid Karyn, li kellha 13-il sena meta mietet ommha. “Darba minnhom m’għamiltx hekk u l-għada mietet. Naf li forsi ma jagħmilx sens imma nħossni ħatja, kemm minħabba li ma kontx tlajt ħdejha fl-aħħar lejl tagħha, u kemm minħabba l-affarijiet li ġraw l-għada filgħodu. Missieri kien siefer fuq xogħol u ried li jien u oħti nieħdu ħsieb ommi u niċċekkjaw jekk hux kollox sew. Imma bqajna reqdin. Meta dħalt fil-kamra tas-sodda, ommi ma kinitx qed tieħu nifs. Ħassejtni veru ħażin għax hi ma kellha xejn meta telaq missieri!”Bħal Karyn, forsi tħossok xi ftit jew wisq ħati minħabba l-affarijiet li m’għamiltx. Forsi toqgħod tinkedd u thewden billi toqgħod tgħid “li kieku . . . ” ‘Li kieku ħeġġiġt lil missieri biex ikellem tabib.’ ‘Li kieku iktar kmieni dħalt niċċekkja lil ommi biex nara kienx kollox sew.’ Jekk dawn il-ħsibijiet ikidduk, ftakar li huwa normali li jiddispjaċik li tkun xtaqt li għamilt xi affarijiet b’mod differenti. Il-fatt hu li int kont tagħmel l-affarijiet differenti kieku kont taf x’kien se jiġri. Iżda ma kontx taf. Għalhekk, m’għandek għalfejn tħoss l-ebda ħtija. Int ma taħtix għall-mewt tal-ġenitur tiegħek! *
Esprimi s-sentimenti tiegħek. Proverbji 12:25 jgħid: “Il-kliem ħelu jferrħek.” (Today’s English Version) Jekk tiġmaʼ s-sentimenti tiegħek ġo fik tistaʼ tħossha iktar bi tqila biex tkampa man-niket li jkollok. Mill-banda l-oħra, jekk tesprimi s-sentimenti tiegħek maʼ xi ħadd li tafda tkun qed tagħti lilek innifsek l-opportunità li tirċievi “kliem ħelu” taʼ inkuraġġiment meta jkollok bżonnu l-iktar.
Tkellem m’Alla. X’aktarx li se tħossok ħafna aħjar wara li ‘tferraʼ qalbek’ m’Alla Ġeħova fit-talb. (Salm 62:8) Dan mhuwiex sempliċement xi ‘terapija’ biex tħossok aħjar. Fit-talb int tkun qed titlob lill-“Alla taʼ kull faraġ, li jfarraġna fit-tribulazzjoni kollha tagħna.” (2 Korintin 1:3, 4) Mod wieħed kif Alla jipprovdi faraġ hu permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja. (Rumani 15:4) Għala ma żżommx lista, li tistaʼ ssibha malajr, taʼ skritturi li huma taʼ faraġ għalik? *
In-niket li tħoss wara li jkun mietlek xi ħadd mhuwiex se jgħib mil-lum għal għada. Iżda l-Bibbja tistaʼ tagħtina faraġ għax tassigurana li fid-dinja l-ġdida li Alla jwiegħed li se jġib, ‘mhux se jkun hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.’ (Rivelazzjoni 21:3, 4) Anki int għandek mnejn issib li meta timmedita fuq dawn il-wegħdi se tiġi megħjun tkampa mat-telfa tal-ġenitur tiegħek.
[Noti ta’ taħt]
^ par. 6 Jekk tħoss li għalissa għadek issibha diffiċli wisq biex twieġeb dawn il-mistoqsijiet, forsi tistaʼ tipprova twiġibhom darb’oħra.
^ par. 10 Tħossokx li bilfors għandek tibki biex turi n-niket tiegħek. Hemm diversi modi kif in-nies jesprimu n-niket li jħossu meta jitilfu lil xi ħadd fil-mewt. L-iktar ħaġa importanti hi din: Jekk tħoss għajnejk jimtlew bid-dmugħ, kun af li dan jistaʼ jkun “żmien li tibki.”—Ekkleżjasti 3:4.
^ par. 12 Jekk ħsibijiet bħal dawn ikomplu jkidduk, iftaħ qalbek mal-ġenitur tiegħek li għadu ħaj jew maʼ xi adult ieħor. Maż-żmien, int se tikseb ħarsa iktar bilanċjata.
^ par. 14 Xi wħud ġew imfarrġin b’dawn l-iskritturi: Salm 34:18; 102:17; 147:3; Isaija 25:8; Ġwanni 5:28, 29.
SKRITTURA PRINĊIPALI
“[Alla] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.” —Rivelazzjoni 21:4.
SUĠĠERIMENT
Żomm djarju. Li tikteb il-ħsibijiet tiegħek dwar il-ġenitur li tkun tlift fil-mewt jistaʼ jkun t’għajnuna kbira biex tkampa man-niket.
KONT TAF . . . ?
Il-biki mhuwiex sinjal taʼ dgħufija. Anki rġiel b’saħħithom bħal Abraham, Ġużeppi, David, u Ġesù bkew meta ħassewhom imnikktin minħabba l-mewt taʼ xi ħadd.—Ġenesi 23:2; 50:1; 2 Samwel 1:11, 12; 18:33; Ġwanni 11:35.
L-AZZJONI LI SE NIEĦU
Meta nħoss niket kbir, jien se ․․․․․
Dak li nixtieq nistaqsi lill-ġenitur tiegħi li għadu ħaj dwar dan is-suġġett hu ․․․․․
INT X’TAĦSEB?
● Għala jkun tajjeb li taħseb dwar il-memorji sbieħ li jkollok tal-ġenitur li tlift fil-mewt?
● Sabiex tkampa man-niket, għala jistaʼ jkun t’għajnuna li tikteb il-ħsibijiet tiegħek?
[Kumment f’paġna 112]
“Jien kont niġmaʼ s-sentimenti kollha ġo fija. Kieku esprimejt is-sentimenti tiegħi iktar, kont inħossni aħjar. Kieku kont inkampa aħjar man-niket li ħassejt.”—David
[Kaxxa/Stampa f’paġna 113]
CHANTELLE
“Missieri kien ilu madwar ħames snin marid u saħħtu kienet sejra lura bħal granċ. Kelli 16-il sena meta temm ħajtu b’idejh. Wara dan, ommi żammet lili u lil ħija l-kbir informati dwar dak kollu li kien qed jiġri. Hi saħansitra ħallietna nkunu t’għajnuna f’xi deċiżjonijiet li ttieħdu dwar il-funeral. Dan għamilha iktar faċli għalina. Jien naħseb li l-ulied ma jħobbux iħossu li l-affarijiet qed isiru minn wara daharhom—speċjalment affarijiet serji bħal dawn. Maż-żmien, jien stajt nitkellem bil-miftuħ dwar il-mewt taʼ missieri. Kull meta kont inħoss li kelli bżonn nibki, kont immur xi mkien jew għand xi ħabiba u nibki. Il-parir tiegħi hu: Jekk ikollok bżonn titkellem, dur lejn il-familja tiegħek u lejn ħbiebek.”
[Kaxxa/Stampa f’paġni 113, 114]
LEAH
“Ommi tatha puplesija qawwija meta kelli 19-il sena. Hi mietet tliet snin wara. Wara l-mewt tagħha, ħassejt li kelli rrabbi l-kuraġġ. Kienet tkun diffiċli ħafna għal missieri kieku ma kontx kapaċi nqum fuq saqajja. Jien u nikber, ommi dejjem kienet tkun hemm għalija meta kont inkun ma niflaħx jew meta ma kontx inħossni tajba. Niftakar kif Ġwanni 5:28, 29) Meta niffoka fuq it-tama li nerġaʼ nara lil ommi—u meta niffoka fuq dak li għandi bżonn nagħmel biex inkun fil-ġenna tal-art—ma nħossnix daqshekk imnikkta.”
kienu jinħassu jdejha meta kienet tiċċekkja jekk għandix deni. B’uġigħ taʼ qalb, spiss inħoss in-nuqqas tagħha. Għandi ħabta naħbi s-sentimenti tiegħi, u dan ma tantx jagħmilli ġid. Għalhekk, kultant noqgħod nara r-ritratti sempliċement biex nibki bikja. Huwa t’għajnuna wkoll li nitkellem mal-ħbieb. Il-Bibbja twiegħed li dawk li mietu se jiġu rxoxtati f’ġenna tal-art. ([Kaxxa/Stampa f’paġna 114]
BETHANY
“Nixtieq li nistaʼ niftakarni ngħid lil missieri ‘inħobbok.’ Jien ċerta li kont ngħidlu, iżda ma niftakarx, u nixtieq li għad għandi din l-istampa f’moħħi. Kelli biss ħames snin meta miet. Missieri tatu puplesija meta kien rieqed u telqu jiġru bih lejn l-isptar. Meta qomt l-għada, sirt naf li kien miet. Wara mewtu kont niddejjaq nitkellem dwar missieri, iżda maż-żmien kont nieħu pjaċir nismaʼ lil ħaddieħor jirrakkonta dwaru għax dan għenni nsir nafu aħjar. Il-parir tiegħi lil kull min tilef xi ġenitur fil-mewt hu: Għożż kull mument li kellek mal-ġenitur tiegħek u ikteb il-memorji ħalli ma tinsihomx. Imbagħad agħmel li tistaʼ biex tibni l-fidi tiegħek sabiex meta l-ġenitur tiegħek jiġi rxoxtat fid-dinja l-ġdida t’Alla, int tkun hemm ukoll.”
[Kaxxa f’paġna 116]
Eżercizzju
Ikteb il-Ħsibijiet Tiegħek
Agħmel lista taʼ xi memorji sbieħ li għandek tal-ġenitur tiegħek. ․․․․․
Ikteb x’tixtieq li għedt lill-ġenitur tiegħek waqt li kien għadu ħaj. ․․․․․
Immaġina li għandek ħuk jew oħtok iżgħar minnek u li qed tissielet maʼ sentimenti taʼ ħtija minħabba l-mewt tal-ġenitur tagħkom. Ikteb x’tistaʼ tgħid int sabiex tfarraġ lil ħuk jew lil oħtok. (Dan jistaʼ wkoll jgħinek tħares lejn is-sentimenti tiegħek taʼ ħtija minn lenti oħra.) ․․․․․
Ikteb żewġ affarijiet jew tlieta li tixtieq li kont taf dwar il-ġenitur tiegħek li ġie nieqes, u mbagħad ara tistax tiddiskuti waħda minn dawn l-affarijiet mal-ġenitur tiegħek li għadu ħaj. ․․․․․
Aqra Atti 24:15. It-tama li nsibu f’dan il-vers, kif tgħinek tkampa mal-mewt tal-ġenitur tiegħek? ․․․․․
[Stampa f’paġna 115]
In-niket jistaʼ jkun bħal mewġ li jħabbat mal-blat f’mumenti li ma tistennihomx