Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Nistaʼ Nagħmel Biex Ma Nibqax Inħoss Dawn id-Dwejjaq Kollha?

X’Nistaʼ Nagħmel Biex Ma Nibqax Inħoss Dawn id-Dwejjaq Kollha?

KAPITLU 13

X’Nistaʼ Nagħmel Biex Ma Nibqax Inħoss Dawn id-Dwejjaq Kollha?

“Kull meta sħabi ma jkunux jistgħu jkampaw mal-​problemi tagħhom, inkun hemm għalihom biex ngħinhom isolvuhom u jħossuhom aħjar. Iżda mbagħad—u din ftit nies jafu biha—immur id-​dar f’kamarti u ninfexx nibki.”—Kellie.

“Meta jkolli d-​dwejjaq, ninqata’ għalija waħdi. Jekk niġi mistieden xi mkien, nivvinta xi skuża biex ma mmurx. Lill-​membri tal-​familja tiegħi jirnexxili naħbilhom id-​dwejjaq li jkolli. Huma jaħsbu li nkun qed inħossni tajjeb.”—Rick.

QATT ħassejtek bħal Kellie jew bħal Rick? Jekk iva, taqbadx u tikkonkludi li hemm xi ħaġa ħażina fik. Il-​fatt hu li kulħadd iħossu mdejjaq xi darba jew oħra. Anki rġiel u nisa leali tal-​Bibbja ħassewhom hekk.—1 Samwel 1:6-​8; Salm 35:14.

F’xi każi, għandek mnejn tkun taf għala qed tħossok imdejjaq; f’każi oħrajn, forsi ma tkunx taf. “M’hemmx għalfejn tkun f’xi sitwazzjoni kerha biex tħossok imdejjaq,” tgħid Anna, li għandha 19-​il sena. “Jistgħu jaqbduk id-​dwejjaq fi kwalunkwe ħin, anke jekk ħajtek tkun ħielsa mill-​problemi. Tinstemaʼ stramba, imma dik hi r-​realtà!”

Ikun xi jkun il-​kaġun—jew anki jekk ikun jidher li m’hemmx kaġun—x’tistaʼ tagħmel int meta jaħkmuk id-​dwejjaq? Ipprova dan li ġej:

1. Tkellem. Meta Ġob kien għaddej minn ħafna inkwiet, hu qal: “Nitkellem fl-​imrar taʼ ruħi!”—Ġob 10:1.

Kellie: “Is-​serħan li nħoss wara li nkun tkellimt maʼ xi ħadd huwa tal-​għaġeb. Fl-​aħħar, xi ħadd ikun jaf minn xiex għaddejja. Ikun bħallikieku qed iwaddbuli ħabel biex nitlaʼ minn ġo ħofra u fl-​aħħar inkun ħielsa!”

Suġġeriment: Hawn taħt, ikteb l-​isem taʼ ħabib jew ħabiba maʼ min tistaʼ tiftaħ qalbek meta jaħkmuk id-​dwejjaq.

․․․․․

2. Ikteb. Meta d-​dwejjaq iċajprulek il-​ħarsa tiegħek lejn il-​ħajja, għandek mnejn tkun trid tniżżel il-​ħsibijiet tiegħek bil-​miktub. Fis-​salmi ispirati tiegħu, David xi drabi esprima dwejjaq kbar. (Salm 6:6) Meta tikteb dwar dawn is-​sentimenti tistaʼ tiġi megħjun biex ‘tħares l-​għaqal u l-​abbiltà li taħseb.’—Proverbji 3:21.

Heather: “Meta nikteb inkun qed niġi megħjuna nirranġa l-​ħsibijiet kollha li jkolli fuq moħħi u li jiġu minħabba d-​dwejjaq. Meta tkun tistaʼ tesprimi s-​sentimenti tiegħek u tifhem għala tkun qed tħossok hekk, id-​dwejjaq ma jkunux daqshekk kbar.”

Suġġeriment: Uża ċ-​ċart  f’paġna 93 biex tgħinek taħseb f’modi aħjar kif tkampa f’sitwazzjonijiet taʼ prova. Dan se jgħinek ittaffi d-​dwejjaq tiegħek.

3. Itlob. Il-​Bibbja tgħid li jekk titlob dwar dak li jinkwetak, ‘il-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbek u l-​qawwa mentali tiegħek.’—Filippin 4:6, 7.

Esther: “Kont qed nipprova nifhem għala kont inħossni daqshekk imdejqa, iżda ma stajtx nifhem. Tlabt lil Ġeħova jgħinni biex inkun ferħana. Kont xbajt inħossni mdejqa meta ma kellix raġuni għal xiex nagħmel id-​dwejjaq. Fl-​aħħar ma bqajtx inħossni mdejqa. Qatt taħseb li t-​talb m’għandux biżżejjed qawwa!”

Suġġeriment: Uża Salm 139:23, 24 bħala mudell għat-​talb persunali tiegħek lil Ġeħova. Iftaħ qalbek miegħu u itolbu jgħinek tagħraf x’inhu l-​kaġun tad-​dwejjaq li tkun qed tħoss.

Flimkien mas-​suġġerimenti t’hawn fuq, int għandek sors taʼ valur fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Imla moħħok bi ħsibijiet li jibnu u li jistgħu jinstabu fir-​rakkonti tal-​Bibbja. Dan jistaʼ jirriżulta f’effett pożittiv fuq is-​sentimenti tiegħek. (Salm 1:1-​3) F’kull volum taʼ dan il-​ktieb, fil-​paġni bit-​titlu “Eżempju taʼ Min Jimitah,” tistaʼ ssib suġġerimenti biex taqra l-​Bibbja b’mod li jibnik. F’paġna 227 taʼ Volume 2 se tara wkoll kif l-​appostlu Pawlu rnexxielu jkampa maʼ sentimenti negattivi li kultant kien jesperjenza minħabba l-​imperfezzjonijiet tiegħu.

Meta Tibqaʼ Tħoss id-​Dwejjaq

Ryan jgħid: “Xi drabi filgħodu nħoss li jkun iktar faċli kieku sempliċement nibqaʼ fis-​sodda u nevita li jkolli nqum u niffaċċja ġurnata oħra bla sens.” Ryan ibati minn dipressjoni klinika, u hemm ħafna nies bħalu. L-​istudji juru li bejn wieħed u ieħor, żagħżugħ minn kull erbgħa jbati minn xi forma taʼ dipressjoni qabel ma jsir adult.

Kif tistaʼ ssir taf jekk int tbatix mid-​dipressjoni? Xi sintomi jinkludu tibdil sinifikanti fil-​burdata u fil-​kondotta, iżolament min-​nies, inqas interess fi kważi kull attività, bidla sinifikanti fid-​drawwiet tal-​ikel u tal-​irqad, u sentimenti qawwijin taʼ ħtija żejda jew tħossok li ma tiswa għal xejn.

M’għandniex xi ngħidu, xi darba jew oħra kważi kulħadd iħoss xi waħda jew iktar minn dawn is-​sintomi. Iżda jekk is-​sintomi jippersistu għal iktar minn ftit ġimgħat, għala ma titkellimx mal-​ġenituri tiegħek dwar li tagħmel vista għand tabib? Tabib jistaʼ jara jekk id-​dwejjaq tiegħek ikunux kaġunati minn xi ħaġa medika. *

Jekk tbati minn dipressjoni klinika, m’għandekx għalfejn tistħi. Permezz tal-​kura, ħafna wħud li jbatu bid-​dipressjoni bdew iħossuhom aħjar—u forsi kien ilhom żmien twil ma jħossuhom daqshekk tajjeb! Sew jekk id-​dwejjaq tiegħek ikunu kaġunati mid-​dipressjoni, u sew jekk le, ftakar fil-​kliem taʼ faraġ li nsibu f’Salm 34:18 li jgħid: “Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom.”

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Xi ngħidu jekk id-​dwejjaq li tħoss ikunu tant kbar li kkunsidrajt li ttemm ħajtek b’idejk?

[Nota ta’ taħt]

^ par. 22 Meta jibqgħu jħossuhom imdejqin għal żmien twil, xi żgħażagħ jibdew jikkunsidraw li jtemmu ħajjithom b’idejhom. Jekk għaddielek dan il-​ħsieb minn moħħok, tkellem minnufih maʼ xi adult li tistaʼ tafdah.—Għal iktar informazzjoni, ara Kapitlu 14 taʼ dan il-​ktieb.

SKRITTURA PRINĊIPALI

“Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom.”—Salm 34:18.

SUĠĠERIMENT

Iddeskrivi kif tħossok meta jkollok id-​dwejjaq u x’taħseb li jkun il-​kaġun tad-​dwejjaq tiegħek. Xahar wara, aqra dak li tkun ktibt. Is-​sentimenti tiegħek fuq din il-​kwistjoni nbidlu? Jekk iva, ikteb x’kien t’għajnuna għalik.

KONT TAf . . . ?

Mhijiex xi ħaġa tal-​mistħija li tibki, anke jekk int ġuvni. Darba minnhom, is-​Sultan David ammetta: “Friexi mxarrab għasra l-​lejl kollu; soddti tegħreq fid-​dmugħ.”—Salm 6:6.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Sabiex inħossni aħjar, jien nistaʼ nieħu sehem f’dawn l-​attivitajiet: ․․․․․

Is-​sħubija maʼ dawn il-​ħbieb se tgħinni ntaffi d-​dwejjaq: ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● X’benefiċċji hemm meta tibki?

● Is-​sħubija man-​nies, kif tistaʼ tgħinek tkampa mad-​dwejjaq?

[Kumment f’paġna 96]

Meta nħossni mdejqa, ikolli bżonn nevita li ninqata’ għalija waħdi. Jistaʼ jkun li jkolli bżonn noqgħod waħdi biex nipprova nifhem is-​sentimenti tiegħi u nimmedita fuqhom, u forsi nibki xi bikja tajba. Iżda wara li nagħmel hekk, inkun naf li jkolli bżonn nassoċja man-​nies biex naljena rasi minn kulma jkun qed jagħmilli d-​dwejjaq.’’—Christine

[Tabella/​Stampi f’paġna 93]

 Eżerċizzju

Sabiex Ittaffi d-​Dwejjaq Tiegħek

Imla ċ-​ċart

Sitwazzjoni

Għalliem(a) jġegħelni nħossni li ma niswa għal xejn

Reazzjoni ħażina

Naqtaʼ qalbi nipprova ngħaddi minn dan is-​suġġett

Reazzjoni aħjar

Ħjiel: Ara Kapitlu 20 taʼ dan il-​ktieb

Sitwazzjoni

Ħabib(a) qed jinjorani

Reazzjoni ħażina

Inxerred qlajjiet koroh dwar il-​persuna

Reazzjoni aħjar

Ħjiel: Ara Kapitlu 10 taʼ Volume 2

Sitwazzjoni

Il-​ġenituri tiegħi se jiddivorzjaw

Reazzjoni ħażina

Niħodha kontra ommi jew missieri jew it-​tnejn li huma

Reazzjoni aħjar

Ħjiel: Ara Kapitlu 4 taʼ dan il-ktieb

Sitwazzjoni

․․․․․

Reazzjoni ħażina

․․․․․

Reazzjoni aħjar

․․․․․

Sitwazzjoni

․․․․․

Reazzjoni ħażina

․․․․․

Reazzjoni aħjar

․․․․․

[Stampa f’paġna 95]

Bl-​għajnuna u bi sforz, int tistaʼ toħroġ minn ħofra fonda u mudlama taʼ dwejjaq