Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Nistaʼ Nilbes?

X’Nistaʼ Nilbes?

KAPITLU 11

X’Nistaʼ Nilbes?

Heather tinsab lesta biex toħroġ, u l-​ġenituri tagħha ma jistgħux jemmnu dak li qed jaraw b’għajnejhom.

“Hemm x’int liebsa?” jgħid missierha mingħajr ma joqgħod jomgħodha.

“Għala? X’għandi ħażin?” twieġeb Heather, sorpriża għall-​aħħar. “Sejra ndur il-​ħwienet maʼ xi ħbieb, dak kollox.”

“M’intix ħierġa mid-​dar liebsa dawk il-​ħwejjeġ!” tgħid ommha.

“Imma ma, iż-​żgħażagħ kollha hekk qed jilbsu. Barra minn hekk, dan l-​istil taʼ lbies jogħġobni!” tgorr Heather.

“Imma aħna ma jogħġobniex!” jgħid missierha bl-​herra. “Issa mur f’kamartek u biddel, sinjorina, jew inkella ma tmur imkien!”

IL-​ĠLIED dwar l-​ilbies mhuwiex xi ħaġa ġdida. Għandu mnejn li meta kienu tamparek, il-​ġenituri tiegħek kellhom tilwim simili mal-​ġenituri tagħhom. U lura f’dak iż-​żmien, probabbilment ħassewhom kif qed tħossok int illum! Imma issa huma għandhom l-​irwol taʼ ġenituri, u l-​kwistjoni taʼ x’tistaʼ tilbes tqanqal ġlieda wara l-​oħra.

Int tgħid: Kemm hu komdu!

Huma jgħidu: Jagħmlek tidher traskurata.

Int tgħid: Daqskemm hu sabiħ!

Huma jgħidu: Provokattiv wisq.

Int tgħid: Dak nofs prezz!

Huma jgħidu: Imissu le. . . . Nofsu mhux hemm!

Hemm xi mod kif tistgħu tieqfu tillitikaw? Iva! Megan, li għandha 23 sena, tgħallmet is-​sigriet. Hi tgħid: “M’hemmx għalfejn ikun hemm argument. Jistaʼ jkun hemm qbil.” Qbil? Ifisser dan li għandek tilbes bħax-​xjuħ? Serraħ moħħok! Li jkun hemm qbil sempliċement ifisser li int u l-​ġenituri tiegħek tiddiskutu d-​differenzi taʼ bejnietkom u ssibu għażliet oħrajn li kemm huma u kemm int tkunu sodisfatti bihom. X’se jkunu l-​benefiċċji?

1. Se tidher l-​aħjar tiegħek, anki fil-​ħarsa taʼ dawk tamparek.

2. Ikun hemm inqas ċans li l-​ġenituri tiegħek jikkritikawlek l-​ilbies.

3. Wara li jaraw kemm int responsabbli f’dan l-​aspett, il-​ġenituri tiegħek għandhom mnejn jagħtuk il-​libertà saħansitra f’affarijiet oħrajn.

Mela ejja nibdew. Aħseb f’xi tibdila li rajt fuq l-​Internet jew f’xi ħanut u li veru tixtieq tixtri. L-​ewwel ħaġa li għandek tagħmel hi . . .

Ikkunsidra Prinċipji Bibliċi

Forsi tkun sorpriża meta ssir taf li l-​Bibbja ftit li xejn titkellem dwar l-​ilbies. Fil-​fatt, int tistaʼ taqra t-​twissijiet Skritturali kollha li għandhom x’jaqsmu direttament mas-​suġġett fi ftit minuti biss! Però, f’dak il-​ħin, tistaʼ ssib pariri taʼ valur u taʼ min joqgħod fuqhom. Pereżempju:

● Il-​Bibbja tagħti l-​parir lin-​nisa biex jiżżejnu “bil-​modestja u b’moħħ f’loku.” *1 Timotju 2:9, 10.

Il-​kelma “modestja” forsi tinkwetak. Għandek mnejn taħseb: ‘Għandi bilfors nilbes ħwejjeġ sempliċi u koroh?’ Xejn affattu! F’dan il-​kuntest, il-​modestja tfisser li l-​ħwejjeġ tiegħek juru li għandek rispett lejk innifsek u konsiderazzjoni għas-​sentimenti t’oħrajn. (2 Korintin 6:3) Teżisti varjetà kbira taʼ lbies li hu modest. Danielle, li għandha 23 sena, tgħid: “Jistaʼ jkun taʼ sfida. Imma tistaʼ tilbes ħwejjeġ tal-​moda mingħajr ma tkun estrem fl-​istil tiegħek.”

● Il-​Bibbja tgħid li fejn tidħol id-​dehra, għandek tiffoka fuq il-​“persuna minn ġewwa, fil-​qalb.”—1 Pietru 3:4.

Tibdila immodesta tistaʼ tiġbed l-​għajn b’mod temporanju, imma hija s-​sbuħija ġewwinija tiegħek li se tirbaħ ir-​rispett dejjiemi tal-​adulti u taʼ dawk tamparek. Dawk tamparek? Iva—anki huma għandhom mnejn jaraw kemm huma bla sens l-​istili eċċessivi. Brittany, li għandha 16-​il sena, tgħid: “Inħossni diżgustata meta nara kif, bla mistħija taʼ xejn, xi nisa jipprovaw jisseduċu lill-​irġiel bl-​ilbies provokattiv li jilbsu!” Kay taqbel magħha. Hi u tiddeskrivi ħabiba li kellha fil-​passat, tgħid: “B’dak li kienet tilbes kienet bħallikieku qed tgħid ‘ħarsu lejja.’ Hi riedet tiġbed l-​attenzjoni tal-​ġuvintur, u biex jirnexxilha tagħmel dan kienet tilbes l-​iktar tibdiliet li jolqtu l-​għajn li setgħet issib.”

Itlob l-​Opinjoni tal-​Ġenituri Tiegħek

Mhuwiex għaqli li tieħu miegħek xi tibdila immodesta fil-​basket u tilbisha wara li tkun ħriġt mid-​dar. Jekk tkun sinċiera u onesta mal-​ġenituri tiegħek, anki f’affarijiet li taħseb li mhumiex se jsiru jafu bihom, huma se jafdawk iktar. Fil-​fatt, x’aktarx li jkun taʼ ġid jekk titlob l-​opinjoni tagħhom meta tkun se tilbes xi tibdila. (Proverbji 15:22)—Uża l-​“Eżerċizzju Dwar l-​Ilbies” f’paġna 82.

Imma għala għandek titlob l-​opinjoni tagħhom? Għandek mnejn taħseb li l-​ġenituri tiegħek iridu jżommuk lura milli tilbes ħwejjeġ tal-​moda, iżda dan mhuwiex neċessarjament veru. Huwa minnu li ommok u missierek forsi jħarsu lejn l-​affarijiet minn lenti differenti minn tiegħek. Imma kultant imnalla jkun hekk. Nataleine, li għandha 17-​il sena, tgħid: “Jien napprezzahom il-​pariri tal-​ġenituri tiegħi għax ma rridx noħroġ mid-​dar u naqaʼ għaċ-​ċajt jew inkella li n-​nies jitkellmu dwari b’mod negattiv minħabba d-​dehra tiegħi.”

Barra minn hekk, ngħiduha kif inhi: Dment li tkun għadek tgħix taħt is-​saqaf tal-​ġenituri tiegħek, int tkun taħt l-​awtorità tagħhom. (Kolossin 3:20) Xorta waħda, ladarba int tifhem il-​ħarsa tagħhom—u huma jifhmu tiegħek—għandek mnejn tkun sorpriża b’kemm spiss tistgħu taslu għal qbil. B’riżultat taʼ dan, il-​ġlied dwar l-​ilbies jistaʼ fl-​aħħar jispiċċa!

Suġġeriment Dwar l-​Ilbies: Meta tipprova l-​ħwejjeġ, taħsibx biss dwar dak li tkun qed tara fil-​mera. Tibdila li tkun tidher modesta tistaʼ ma tkunx daqshekk modesta meta tpoġġi bilqiegħda jew meta titbaxxa biex tiġbor xi ħaġa. Jekk inhu possibbli, itlob l-​opinjoni taʼ xi ġenitur jew taʼ xi ħbieb maturi.

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Int l-​ikbar għadu tiegħek innifsek? X’tistaʼ tagħmel jekk ma tħobbx lilek innifsek?

[Nota ta’ taħt]

^ par. 23 Filwaqt li twissijiet Bibliċi bħal dawn huma indirizzati lin-​nisa, il-​prinċipji japplikaw għaż-​żewġ sessi.

SKRITTURA PRINĊIPALI]

“Tħallux it-​tiżjin tagħkom ikun dak . . . taʼ ħwejjeġ, imma ħa jkun dak tal-​persuna minn ġewwa, fil-​qalb.”—1 Pietru 3:3, 4.

SUĠĠERIMENT

Evita stili taʼ ħwejjeġ li jenfasizzaw is-​sesswalità. Dawn jagħmluk tidher iddisprata u moħħok fik innifsek.

KONT TAF . . . ?

L-​ewwel impressjoni li tħalli spiss tiddependi fuq il-​ħwejjeġ li tkun liebsa.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Il-​membru tal-​familja jew ħabiba matura li tistaʼ tagħtini parir dwar xi ħaġa tal-​ħwejjeġ li nixtieq nixtri hi ․․․․․

Meta nerġaʼ nixtri xi tibdila, jien se nikkunsidra dawn il-​fatturi: ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Il-​ġenituri u l-​adoloxxenti għala jargumentaw spiss dwar kwistjonijiet taʼ lbies?

● Liema abbiltajiet tistaʼ tikseb jekk tiddiskuti kwistjonijiet taʼ lbies mal-​ġenituri tiegħek?

[Kumment f’paġna 81]

Meta nara tfajliet lebsin ħwejjeġ ħamalli, ir-​rispett tiegħi lejhom jonqos. Mill-​banda l-​oħra, meta nara nies lebsin ħwejjeġ modesti imma xorta tal-​moda, ngħid bejni u bejn ruħi: ‘Hekk nixtieq li jarawni n-​nies.’’’​—Nataleine

[Kaxxa/​Stampi f’paġna 82, 83]

Eżerċizzju

Eżerċizzju Dwar l-​Ilbies

Istruzzjonijiet: Ikkopja dawn il-​paġni. Itlob lill-​ġenituri tiegħek jimlew il-​paġna tal-​lemin u int imla l-​paġna tax-​xellug. Imbagħad, ibdel il-​karta tiegħek maʼ dik tal-​ġenituri tiegħek u ddiskutu t-​tweġibiet tagħkom. Hemm xi affarijiet li ssorprendewk? X’tgħallimtu dwar l-​opinjonijiet taʼ xulxin li ma kontux tafu qabel?

Għalik Aħseb dwar tibdila partikulari li tixtieq tilbes jew tixtri.

Għala togħġbok din it-​tibdila partikulari? Innumera l-​fatturi t’hawn taħt skont il-​prijorità tiegħek.

․․․․․ Id-​ditta

․․․․․ Kemm tingħoġob minn dawk tas-​sess oppost

․․․․․ Kemm hi aċċettabbli għal dawk tamparek

․․․․․ Il-​kumdità

․․․․․ Il-​prezz

․․․․․ Fattur ieħor ․․․․․

L-​ewwel reazzjoni tal-​ġenituri tiegħi għal din it-​tibdila x’aktarx tkun

□ “Żgur li le!”

□ “Forsi.”

□ “Mhix problema.”

Jekk joġġezzjonaw, ir-​raġuni wisq probabbli tkun għax

□ “Provokattiva wisq.”

□ “Traskurata wisq.”

□ “Tal-​moda wisq.”

□ “Tirrifletti ħażin fuqna bħala l-​ġenituri tiegħek.”

□ “Għolja wisq.”

□ Raġuni oħra ․․․․․

Nistgħu Naħdmu Flimkien Fuq Dan?

Il-​ħarsa tal-​ġenituri tiegħi b’liema mod hi t’għajnuna għalija?

․․․․․

X’jistaʼ jsir, jekk possibbli, biex it-​tibdila tkun aċċettabbli?

․․․․․

Għall-​Ġenituri Tiegħek Aħseb dwar tibdila partikulari li t-​tifel jew tifla adoloxxenti tiegħek tixtieq tilbes jew tixtri.

Għala taħseb li t-​tifel jew tifla tiegħek togħġobha din it-​tibdila? Innumera l-​fatturi t’hawn taħt skont dak li taħseb li huma l-​prijoritajiet tiegħu jew tagħha.

․․․․․ Id-​ditta

․․․․․ Kemm tingħoġob minn dawk tas-​sess oppost

․․․․․ Kemm hi aċċettabbli għal dawk tamparek

․․․․․ Il-​kumdità

․․․․․ Il-​prezz

․․․․․ Fattur ieħor ․․․․․

L-​ewwel reazzjoni tiegħi hi

□ “Żgur li le!”

□ “Forsi.”

□ “Mhix problema.”

Ir-​raġuni għala għandi mnejn noġġezzjona hi għax

□ “Provokattiva wisq.”

□ “Traskurata wisq.”

□ “Tal-​moda wisq.”

□ “Tirrifletti ħażin fuqna bħala l-​ġenituri tiegħek.”

□ “Għolja wisq.”

□ Raġuni oħra ․․․․․

Nistgħu Naħdmu Flimkien Fuq Dan?

L-​oġġezzjoni tagħna għal din it-​tibdila hi sempliċement kwistjoni taʼ preferenza persunali?

□ Iva □ Jistaʼ jkun □ Le

X’jistaʼ jsir, jekk possibbli, biex it-​tibdila tkun aċċettabbli?

․․․․․

Id-​Deċiżjoni ․․․․․

[Kaxxa f’paġna 84]

Xi Ngħidu għas-​Subien?

Il-​prinċipji Bibliċi diskussi f’dan il-​kapitlu japplikaw għas-​subien ukoll. Kun modest. Ħalli l-​persuna ġewwinija tiegħek—dak li int verament—tkun evidenti. Qabel ma tilbes xi tibdila, staqsi lilek innifsek: ‘Dawn il-​ħwejjeġ x’se juru dwari? Il-​“messaġġ” li jwasslu jirrifletti dak li jien tassew?’ Ftakar, l-​ilbies huwa mod kif tesprimi ruħek. Kun ċert li l-​ħwejjeġ tiegħek jirriflettu l-​prinċipji li temmen fihom!

[Stampa f’paġna 80]

L-​ilbies tiegħek hu bħal tabella li turi lin-​nies x’int. X’tgħid “it-​tabella” tiegħek dwarek?