Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Fejn Huma l-​Mejtin?

Fejn Huma l-​Mejtin?

Kapitlu Sitta

Fejn Huma l-​Mejtin?

Xi jsir minna meta mmutu?

Għala mmutu?

Huwa taʼ faraġ li nkunu nafu l-​verità dwar il-​mewt?

1-3. In-​nies liema mistoqsijiet jistaqsu dwar il-​mewt, u liema tweġibiet jagħtu r-​reliġjonijiet differenti?

DAWN huma mistoqsijiet li n-​nies ilhom jaħsbu dwarhom għal eluf taʼ snin. Huma mistoqsijiet importanti. Ma jimpurtax min aħna jew fejn ngħixu għax it-​tweġibiet jolqtu lil kull wieħed u waħda minna.

2 Fil-​kapitlu taʼ qabel iddiskutejna kif is-​sagrifiċċju taʼ fidwa li ħallas Ġesù Kristu fetħilna t-​triq għall-​ħajja taʼ dejjem. Sirna nafu wkoll li l-​Bibbja tbassar żmien meta “ma jkunx hemm iżjed mewt.” (Rivelazzjoni 21:4) Sadanittant, aħna lkoll immutu. “Il-​ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu,” qal l-​għaref Sultan Salamun. (Koħèlet 9:5) Aħna nagħmlu ħilitna kollha biex nibqgħu ħajjin għal kemm jistaʼ jkun żmien. Però, xorta naħsbu dwar x’se jsir minna meta mmutu.

3 Meta jmutilna xi ħadd għażiż, aħna nkunu mdejqin. U għandna mnejn nistaqsu: ‘Min jaf x’sar minnu? Tgħid qed ibati? Qiegħed jieħu ħsiebna? Nistgħu ngħinuh? Għad nerġgħu narawh?’ Ir-​reliġjonijiet tad-​dinja joffru tweġibiet differenti għal dawn il-​mistoqsijiet. Xi wħud jgħidu li jekk tgħix ħajja tajba tmur fis-​sema, imma jekk tgħix ħajja ħażina tinħaraq f’post taʼ turment. Reliġjonijiet oħra jgħidu li meta xi ħadd imut imur mill-​ewwel fil-​qasam taʼ l-​ispirti biex jingħaqad maʼ l-​antenati tiegħu. Jerġaʼ reliġjonijiet oħra jemmnu bir-​riinkarnazzjoni, jiġifieri, li l-​mejtin imorru f’dinja taħt l-​art biex jiġu ġudikati u mbagħad jerġgħu jitwieldu b’ġisem differenti.

4. Ħafna reliġjonijiet liema idea bażika għandhom dwar il-​mewt?

4 Dan it-​tagħlim reliġjuż kollu għandu l-​istess idea bażika​—li xi parti minna tibqaʼ ħajja wara li ġisimna jmut. Kważi kull reliġjon, sew fi żmienna u sew fil-​passat, tgħallem li aħna b’xi mod jew ieħor nibqgħu ngħixu għal dejjem u nkunu nistgħu naraw, nisimgħu, u naħsbu. Iżda dan kif jistaʼ jkun? Is-​sensi tagħna, flimkien mal-​ħsibijiet tagħna, huma kollha mqabbdin mas-​sistema tal-​moħħ. Meta mmutu, il-​moħħ jieqaf jaħdem. Il-​memorji, is-​sentimenti, u s-​sensi tagħna ma jibqgħux jaħdmu waħedhom b’xi mod misterjuż. Ma jibqgħux ħajjin wara li jinqered moħħna.

X’JIĠRI VERAMENT META MMUTU?

5, 6. Il-​Bibbja x’tgħallem dwar il-​kundizzjoni tal-​mejtin?

5 Xi jsir minna meta mmutu m’huwiex xi misteru għal Ġeħova, il-​Ħallieq tal-​moħħ tagħna. Hu jaf il-​verità, u fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, jispjegalna l-​kundizzjoni tal-​mejtin. It-​tagħlim ċar tal-​Bibbja hu dan: Meta xi ħadd imut, hu ma jibqax jeżisti. Il-​mewt hija l-​kontra tal-​ħajja. Il-​mejtin la jaraw, la jisimgħu, u lanqas jaħsbu. Lanqas parti waħda minna ma tibqaʼ ħajja meta jmut ġisimna. M’għandniex xi ruħ jew spirtu immortali. *

6 Wara li Salamun qal li l-​ħajjin jafu li għad imutu, hu kiteb: “Iżda l-​mejtin ma jafu xejn.” Hu mbagħad kompla jispjega din il-​verità bażika billi qal li l-​mejtin la jistgħu jħobbu u lanqas jobogħdu u li “ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, [fil-qabar].” (Koħèlet 9:​5, 6, 10, korsiv tagħna.) Bl-​istess mod, Salm 146:4 jgħid li meta bniedem imut, ‘jintemmu ħsibijietu.’ Aħna bnedmin tad-​demm u l-​laħam u ma nibqgħux ħajjin meta ġisimna jmut. Il-​ħajja li ngawdu hija bħal fjamma taʼ xemgħa. Meta l-​fjamma tintefa, ma tmur imkien. Sempliċement ma tibqax teżisti.

DAK LI QAL ĠESÙ DWAR IL-​MEWT

7. Ġesù kif spjega x’inhi l-​mewt?

7 Ġesù Kristu tkellem dwar il-​kundizzjoni tal-​mejtin. Hu rrefera għal Lazzru, raġel li kien jafu tajjeb u li kien miet. Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Il-​ħabib tagħna Lazzru mar jistrieħ.” Id-​dixxipli ħasbu li Ġesù kien qed jgħidilhom li Lazzru kien rieqed biex jistrieħ ħalli jkun jistaʼ jfiq minn xi marda. Kellhom żball. Ġesù spjega: “Lazzru miet.” (Ġwanni 11:​11-14) Innota li Ġesù qabbel il-​mewt mal-​mistrieħ u l-​irqad. Lazzru la kien fis-​sema u lanqas fin-​nar taʼ l-​infern. Ma kienx qed jiltaqaʼ maʼ xi anġli jew maʼ l-​antenati tiegħu. Lazzru ma kienx qed jitwieled mill-​ġdid bħala bniedem ieħor. Kien qed jistrieħ fil-​mewt, bħallikieku rieqed fil-​fond mingħajr ma joħlom. Skritturi oħra wkoll iqabblu l-​mewt maʼ l-​irqad. Per eżempju, meta d-​dixxiplu Stiefnu miet imħaġġar, il-​Bibbja tgħid li hu “raqad.” (Atti 7:​60) Bl-​istess mod, l-​appostlu Pawlu kiteb dwar xi wħud fi żmienu li kienu “raqdu” fil-​mewt.​—1 Korintin 15:6.

8. Kif nafu li ma kienx l-​iskop t’Alla li n-​nies imutu?

8 Kien l-​iskop oriġinali t’Alla li n-​nies imutu? Dażgur li le! Ġeħova għamel lill-​bnedmin biex jgħixu għal dejjem fuq l-​art. Bħalma rajna qabel f’dan il-​ktieb, Alla poġġa lill-​ewwel koppja umana f’ġenna li tgħaxxqek. Berikhom b’saħħa perfetta. Ġeħova ridilhom biss il-​ġid. Hemm xi ġenitur li jrid jara lil uliedu, li tant iħobb, ibatu l-​uġigħ minħabba x-​xjuħija u l-​mewt? Dażgur li le! Ġeħova kien iħobb lil uliedu u riedhom igawdu hena bla tmiem fuq l-​art. Dwar il-​bnedmin, il-​Bibbja tgħid li Ġeħova “qiegħed ukoll f’qalb ulied il-​bniedem il-​ħsieb taʼ l-​eternità.” (Ekkleżjażti 3:​11, ) Alla ħalaqna bix-​xewqa li ngħixu għal dejjem. U hu fetħilna t-​triq biex jaqtgħalna dik ix-​xewqa.

GĦALA L-​BNEDMIN IMUTU

9. Ġeħova liema ħaġa ma ridux jagħmel lil Adam, u dan il-​kmand għala ma kienx diffiċli li jobdih?

9 Allura, il-​bnedmin għala jmutu? Biex insibu t-​tweġiba rridu nikkunsidraw dak li ġara meta kien għad hemm biss raġel wieħed u mara waħda fuq l-​art. Il-​Bibbja tispjega: “Il-​Mulej Alla nibbet mill-​art is-​siġar kollha li jpaxxu l-​għajn u bnina għall-​ikel.” (Ġenesi 2:9) Madankollu, kien hemm ħaġa waħda li ma setgħux jagħmlu. Ġeħova qal lil Adam: “Mis-​siġar kollha tal-​ġnien tistaʼ tiekol, imma mis-​siġra taʼ tagħrif it-​tajjeb u l-​ħażin, la tikolx minnha, għax dak in-​nhar li tiekol minnha żgur li tmut.” (Ġenesi 2:​16, 17) Dan il-​kmand ma kienx diffiċli biex jobduh. Kien hemm ħafna iktar siġar li Adam u Eva setgħu jieklu minnhom. Imma issa kellhom opportunità speċjali biex juru kemm kienu grati lejn Alla li kien tahom kollox, inkluż il-​ħajja perfetta. L-​ubbidjenza tagħhom kienet se turi wkoll li huma kienu jirrispettaw l-​awtorità taʼ Missierhom tas-​sema u li riedu l-​gwida li tahom b’tant imħabba.

10, 11. (a) X’wassal biex l-​ewwel koppja umana m’obdietx lil Alla? (b) Id-​diżubbidjenza taʼ Adam u Eva għala kienet kwistjoni serja?

10 Diżgrazzjatament, l-​ewwel koppja umana għażlet li ma tobdix lil Ġeħova. Satana, li tkellem permezz taʼ serp, staqsa lil Eva: “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-​siġar kollha tal-​ġnien’?” Eva wieġbet: “Mill-​frott tas-​siġar fil-​ġnien nistgħu nieklu. Imma mill-​frott li hemm f’nofs il-​ġnien, Alla qalilna: ‘La tiklux minnu, u lanqas ma għandkom tmissuh, inkella tmutu.’”​—Ġenesi 3:​1-3.

11 “Le, żgur ma tmutux,” qal Satana. “Alla jaf li dak in-​nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-​tajjeb u l-​ħażin.” (Ġenesi 3:​4, 5) Satana ried lil Eva temmen li kien se jkun għall-​ġid tagħha jekk tiekol il-​frotta projbita. Skond hu, hi kellha d-​dritt tiddeċiedi x’kien tajjeb u x’kien ħażin; setgħet tagħmel dak li trid. Barra minn hekk, Satana akkuża lil Ġeħova li kien gideb dwar il-​konsegwenzi li jiġu jekk jieklu l-​frotta. Eva emmnet lil Satana. Għalhekk, hi ħadet mill-​frott u kilitu. Imbagħad dewqitu lir-​raġel tagħha, u hu wkoll kiel minnu. Huma m’għamlux dan għax ma kinux jafu. Kienu jafu li qed jagħmlu preċiżament dak li Alla kien qalilhom li ma kellhomx jagħmlu. Meta kielu l-​frotta, kienu qed jagħżlu minn jeddhom li ma jobdux kmand sempliċi u raġunevoli. Huma wrew nuqqas taʼ rispett lejn Missierhom tas-​sema u lejn l-​awtorità tiegħu. Ma kellhom l-​ebda skuża għan-​nuqqas taʼ rispett li wrew lejn il-​Ħallieq tagħhom kollu mħabba!

12. X’jistaʼ jgħinna nifhmu kif ħassu Ġeħova meta Adam u Eva għażlu li jiħduha kontrih?

12 Biex nagħtu eżempju: Kif tħossok kieku wieħed minn uliedek li tkun rabbejtu u ħadt ħsiebu jibda ma jobdikx b’mod li juri li m’għandu ebda rispett jew imħabba lejk? Dan żgur li se jweġġagħlek ħafna qalbek. Mela, immaġina kemm Ġeħova ħassu mweġġaʼ meta Adam u Eva għażlu li jiħduha kontrih.

13. Ġeħova x’qal li kellu jiġrilu Adam meta jmut, u dan xi jfisser?

13 Ġeħova ma kellu ebda raġuni valida biex iħalli lil Adam u lil Eva ħajjin. Huma mietu, sewwasew bħalma kien qal li se jiġrilhom. Adam u Eva ma baqgħux jeżistu. Ma ttiħdux lejn xi qasam taʼ l-​ispirti. Dan nafuh minħabba dak li Ġeħova qal lil Adam wara li sejjaħlu biex jagħti kont talli m’obdiex. Alla qallu: “[Se] terġaʼ lura lejn l-​art, għax minnha int meħud. Għax trab int, u fit-​trab terġaʼ tmur.” (Ġenesi 3:​19) Alla kien għamel lil Adam mit-​trab taʼ l-​art. (Ġenesi 2:7) Qabel, Adam ma kienx jeżisti. Għalhekk, meta Ġeħova qal li Adam kellu jerġaʼ lura lejn it-​trab, Hu ried ifisser li Adam kellu jerġaʼ lura lejn l-​istat li kien fih qabel, jiġifieri ma jibqax jeżisti. Adam kellu jkun bla ħajja daqs it-​trab li kien magħmul minnu.

14. Għala mmutu?

14 Adam u Eva kieku għadhom ħajjin illum, imma huma mietu għaliex għażlu li ma jobdux lil Alla, u b’hekk dinbu. Aħna qed immutu minħabba l-​kundizzjoni midinba u l-​mewt li Adam għadda lid-​dixxendenti kollha tiegħu. (Rumani 5:​12) Dan id-​dnub hu bħal marda kerha li tintiret u li ħadd ma jistaʼ jeħles minnha. Il-​konsegwenza tagħha, il-​mewt, hija saħta. Il-​mewt hija għadu u mhux ħabib. (1 Korintin 15:26) Kemm għandna għalxiex inkunu grati li Ġeħova pprovda l-​fidwa biex jeħlisna minn dan l-​għadu mill-​agħar!

IL-​VERITÀ DWAR IL-​MEWT HIJA TAʼ BENEFIĊĊJU

15. Għala hu taʼ faraġ li tkun taf il-​verità dwar il-​mewt?

15 Dak li tgħallem il-​Bibbja dwar il-​kundizzjoni tal-​mejtin hu taʼ faraġ għalina. Bħalma rajna, il-​mejtin m’humiex qed ibatu l-​uġigħ u qsim il-​qalb. M’għandniex għalfejn nibżgħu minnhom, għaliex ma jistgħux jagħmlulna ħsara. M’għandhomx bżonn l-​għajnuna tagħna u lanqas ma jistgħu jgħinuna. Aħna ma nistgħux inkellmuhom, u lanqas huma ma jistgħu jkellmuna. Ħafna mexxejja reliġjużi jqarrqu bin-​nies u jgħidulhom li huma jistgħu jgħinu lil dawk li jkunu mietu, u b’hekk jiksbu l-​flus mingħand dawk li jemmnuhom. Imma l-​verità tipproteġik mill-​qerq taʼ dawk li jgħallmu gideb bħal dan.

16. Min influwenza t-​tagħlim taʼ ħafna reliġjonijiet, u b’liema mod?

16 Taqbel ir-​reliġjon tiegħek maʼ dak li tgħallem il-​Bibbja dwar il-​mejtin? Ħafna mir-​reliġjonijiet ma jaqblux. Għala? Għaliex it-​tagħlim tagħhom ġie influwenzat minn Satana. Hu juża r-​reliġjonijiet foloz biex iġiegħel lin-​nies jemmnu li wara li jmut il-​ġisem, huma jibqgħu jgħixu fil-​qasam taʼ l-​ispirti. Din hija gidba li Satana jkompli jżid mal-​gideb l-​ieħor sabiex idawwar lin-​nies ’il bogħod minn Alla Ġeħova. Dan kif?

17. It-​tagħlim dwar it-​turment taʼ dejjem għala jġib diżunur lil Ġeħova?

17 Bħalma ġie notat qabel, xi reliġjonijiet jgħallmu li jekk persuna tgħix ħajja ħażina, wara l-​mewt din tmur f’post taʼ turment bin-​nar biex tibqaʼ tbati hemm għal dejjem. Dan it-​tagħlim iġib diżunur lil Alla. Ġeħova hu Alla taʼ mħabba u qatt ma se jġiegħel lin-​nies ibatu b’dan il-​mod. (1 Ġwanni 4:8) Kif kont tħossok dwar raġel li jikkastiga lil ibnu talli m’obdiehx billi jżommlu idejh fin-​nar? Tirrispettah int bniedem bħal dan? Fil-​fatt, tkun tixtieq issir tafu? Ċertament li le! X’aktarx li tgħid li hu bniedem mill-​agħar. Madankollu, Satana jridna nemmnu li Ġeħova jittortura lin-​nies fin-​nar għal dejjem​—għal miljuni taʼ miljuni taʼ snin!

18. Il-​qima tal-​mejtin fuq liema gidba reliġjuża hija bbażata?

18 Satana juża wkoll xi reliġjonijiet sabiex jgħallmu li wara l-​mewt in-​nies isiru spirti li jridu jiġu rispettati u onorati mill-​bnedmin. Skond dan it-​tagħlim, dawn l-​ispirti tal-​mejtin jistgħu jew isiru ħbieb li għandhom qawwa kbira, jew għedewwa tal-​biżaʼ. Ħafna nies jemmnuha din il-​gidba. Huma jibżgħu mill-​mejtin u jonorawhom u jqimuhom. Il-​Bibbja tgħallem il-​kontra, għax tgħid li l-​mejtin huma reqdin u li aħna għandna nqimu biss lill-​Alla veru, Ġeħova, li hu l-​Ħallieq tagħna u li jipprovdilna kulma għandna bżonn.​—Rivelazzjoni 4:​11.

19. Il-​fatt li tkun taf il-​verità dwar il-​mewt liema tagħlim ieħor tal-​Bibbja jgħinna nifhmu aħjar?

19 Il-​fatt li tkun taf il-​verità dwar il-​mejtin jipproteġik biex ma tiġix imqarraq mill-​gideb reliġjuż. Jgħinek ukoll tifhem it-​tagħlim l-​ieħor tal-​Bibbja. Per eżempju, meta tirrealizza li n-​nies ma jmorrux fil-​qasam taʼ l-​ispirti meta jmutu, il-​wegħda taʼ ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna tagħmel iktar sens għalik.

20. Liema mistoqsija se nikkunsidraw fil-​kapitlu li jmiss?

20 Żmien twil ilu, Ġob, li kien raġel sewwa, qal: “Jekk il-​bniedem imut, jarġaʼ jgħix?” (Ġob 14:​14, ) Jistaʼ bniedem bla ħajja li jkun rieqed fil-​mewt jerġaʼ jingħata l-​ħajja? Dak li tgħallem il-​Bibbja dwar dan hu verament taʼ faraġ, bħalma se naraw fil-​kapitlu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 5 Għal diskussjoni dwar it-​termini “ruħ” u “spirtu,” jekk jogħġbok ara l-​Appendiċi, paġni 208-11.

DAK LI TGĦALLEM IL-​BIBBJA

▪ Il-​mejtin la jaraw, la jisimgħu, u lanqas jaħsbu.​—Koħèlet 9:5.

▪ Il-​mejtin qed jistrieħu; m’humiex qed ibatu.​—Ġwanni 11:11.

▪ Aħna mmutu minħabba li writna d-​dnub mingħand Adam.​—Rumani 5:​12.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 59]

Fejn marret il-​fjamma?

[Stampa f’paġna 60]

Ġeħova għamel lill-​bnedmin biex jgħixu għal dejjem fuq l-​art

[Stampa f’paġna 62]

Adam ġie mit-​trab, u reġaʼ lura lejn it-​trab