Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 40

Mosè Jħabbat fuq il-Blata

Mosè Jħabbat fuq il-Blata

TGĦADDI sena wara l-​oħra—10 snin, 20 sena, 30 sena, 39 sena! U l-​Iżraelin għadhom fid-​deżert. Imma matul dawn is-​snin kollha Ġeħova ħa ħsieb in-​nies tiegħu. Tahom l-​ikel permezz tal-​manna. Matul il-​jum mexxiehom permezz taʼ kolonna tas-​sħab u bil-​lejl permezz taʼ kolonna tan-​nar. U matul dawn is-​snin kollha ħwejjiġhom ma qdimux u riġlejhom ma weġgħuhomx.

Issa hu l-​ewwel xahar tal-​40 sena mindu telqu mill-​Eġittu. L-​Iżraelin jerġgħu jagħmlu l-​kamp f’Kades. Dan hu fejn kienu meta t-​12-​il spija ntbagħtu biex jitkixxfu l-​art taʼ Kangħan kważi 40 sena qabel. Oħt Mosè, Mirjam, tmut f’Kades. U bħal qabel, jinqalaʼ l-​inkwiet hawnhekk.

In-​nies ma jistgħux isibu qatra ilma. Għalhekk igergru maʼ Mosè u jgħidu: ‘Kien ikun aħjar kieku mitna. Għalfejn ħriġtna mill-​Eġittu għal ġo dan il-​post terribbli fejn ma jikber xejn? La hawn qamħ, la tin, la għeneb, la rummien, u lanqas ilma x’nixorbu.’

Meta Mosè u Aron imorru fit-​tabernaklu biex jitolbu, Ġeħova jgħid lil Mosè: ‘Iġbor lin-​nies flimkien. Imbagħad quddiemhom kollha kellem lil dik il-​blata t’hemm. Minnha se joħroġ biżżejjed ilma għan-​nies u l-​annimali kollha tagħhom.’

Għalhekk, Mosè jiġbor lin-​nies, u jgħid: ‘Isimgħu intom li ma tafdawx f’Alla! Tridu li jien u Aron noħorġulkom l-​ilma minn din il-​blata?’ Imbagħad Mosè jħabbat fuq il-​blata darbtejn b’bastun, u ħafna ilma ġieri joħroġ b’saħħa minn ġol-​blata. Hemm biżżejjed ilma biex jixorbu n-​nies u l-​annimali kollha.

Imma Ġeħova hu rrabjat għal Mosè u Aron. Taf għala? Għax Mosè u Aron qalu li huma kienu se joħorġu l-​ilma mill-​blata. Imma fil-​verità Ġeħova kien għamel hekk. U peress li Mosè u Aron ma qalux il-​verità dwar dan, Ġeħova jgħid li se jikkastigahom. Huwa jgħid: ‘M’intomx se ddaħħlu lill-​poplu tiegħi ġewwa Kangħan.’

Ftit wara l-​Iżraelin jitilqu minn Kades. Wara ftit taż-​żmien jaslu qrib il-​Muntanja Ħor. Hawnhekk, fuq il-​muntanja, imut Aron. Ikollu 123 sena meta jmut. L-​Iżraelin huma mnikktin ferm, u għalhekk għal 30 jum il-​poplu kollu jibki lil Aron. Ibnu Elegħażar jilħaq qassis il-​kbir tal-​ġens t’Iżrael.