STORJA 5
Tibda Ħajja Iebsa
BARRA l-ġnien tal-Għeden, Adam u Eva kellhom ħafna problemi. Kellhom jaħdmu iebes biex jieklu. Minflok siġar tal-frott mill-isbaħ, raw ħafna xewk u ħaxix ħażin jikber madwarhom. Hekk ġara meta Adam u Eva m’obdewx lil Alla u ma baqgħux il-ħbieb Tiegħu.
Imma agħar minn hekk, Adam u Eva bdew imutu. Ftakar li Alla kien wissiehom li kienu se jmutu jekk jieklu l-frott mis-siġra li qalilhom ma jiħdux minnha. Allura, dakinhar stess li kielu bdew imutu. Kemm kienu boloh li ma semgħux minn Alla!
It-tfal t’Adam u Eva kollha twieldu wara li Alla tefaʼ l-ġenituri tagħhom ’il barra mill-ġnien tal-Għeden. Dan ifisser li t-tfal ukoll kellhom jixjieħu u jmutu.
Jaħasra, li kieku Adam u Eva semgħu minn Ġeħova, il-ħajja kienet se tkun mimlija ferħ kemm għalihom u kemm għat-tfal tagħhom! Kieku kienu jgħixu kollha għal dejjem ferħanin fuq l-art. Ħadd ma kien se jkollu jixjieħ, jimrad, u jmut.
Alla jrid li n-nies jgħixu ferħanin għal dejjem, u Hu jwiegħed li xi darba hekk se jiġri. Mhux biss l-art kollha se tkun sabiħa ħafna, imma n-nies kollha se jkunu fʼsaħħithom. U kulħadd fuq l-art se jkun ħabib tajjeb maʼ kulħadd u m’Alla.
Imma Eva ma baqgħetx ħabiba t’Alla. Għalhekk, kien diffiċli ħafna għaliha biex ikollha t-tfal. Għaddiet minn ħafna wġigħ. Żgur li ġabet ħafna niket fuqha nfisha għaliex m’obdietx lil Ġeħova, hux veru?
Adam u Eva kellhom ħafna tfal. Meta twieled l-ewwel tifel tagħhom, huma semmewh Kajjin. It-tieni tifel semmewh Abel. Xi ġralhom dawn it-tfal? Int taf?