Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 105

Jistennew f’Ġerusalemm

Jistennew f’Ġerusalemm

DAWN in-​nies hawnhekk huma s-​segwaċi taʼ Ġesù. Huma obdewh u baqgħu f’Ġerusalemm. U waqt li jkunu qed jistennew kollha flimkien, ħoss qawwi jimla lid-​dar kollha. Il-​ħoss jinstemaʼ bħal buffura riħ qawwi. U mbagħad jibdew jidhru ilsna tan-​nar fuq ras kull wieħed u waħda mid-​dixxipli. Tistaʼ tara n-​nar fuq kull wieħed minnhom? Dan kollu xi jfisser?

Huwa miraklu! Ġesù jinsab lura s-​sema maʼ Missieru u qed iferraʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla fuq is-​segwaċi tiegħu. Taf xi jġegħelhom jagħmlu l-​ispirtu? Kollha jibdew jitkellmu lingwi differenti.

Ħafna nies f’Ġerusalemm jisimgħu l-​ħoss li qisu riħ qawwi, u jiġu jaraw x’inhu jiġri. Xi nies huma minn ġnus oħrajn u ġew għall-​festa Iżraelija taʼ Pentekoste. Kemm jibqgħu mbellhin il-​viżitaturi! Huma jisimgħu lid-​dixxipli jitkellmu bil-​lingwi tagħhom stess dwar l-​affarijiet meraviljużi li Alla għamel.

Il-​viżitaturi jgħidu: ‘Dawn in-​nies huma kollha mill-​Galilija. Allura, kif inhu li jistgħu jitkellmu b’dawn il-​lingwi differenti tal-​pajjiżi minn fejn ġejjin aħna?’

Pietru issa jqum bilwieqfa biex jispjegalhom. Hu b’leħen għoli jgħid lin-​nies dwar kif Ġesù ġie maqtul u li Ġeħova qajmu mill-​imwiet. ‘Issa Ġesù qiegħed fis-​sema fuq il-​lemin t’Alla,’ jgħid Pietru. ‘U hu ferraʼ l-​ispirtu qaddis imwiegħed. Għalhekk rajtu u smajtu dawn il-​mirakli.’

Mela, meta Pietru jgħid dawn l-​affarijiet, ħafna min-​nies tassew jiddispjaċihom għal dak li għamlu lil Ġesù. Huma jistaqsu: ‘X’għandna nagħmlu?’ Pietru jgħidilhom: ‘Għandkom bżonn tbiddlu ħajjitkom u titgħammdu.’ Għalhekk, dakinhar stess jitgħammdu madwar 3,000 persuna u jsiru segwaċi taʼ Ġesù.