STORJA 112
Nawfraġju fuq Gżira
ARA! Il-bastiment qiegħed fl-inkwiet! Qed jitfarrak biċċiet! Qed tarahom in-nies li qabżu ġol-ilma? Xi wħud minnhom ġa waslu x-xatt. Dak Pawlu hemm? Ejja naraw minn xiex għadda.
Ftakar, għal sentejn Pawlu nżamm priġunier f’Ċesarija. Imbagħad, hu u xi priġunieri oħrajn jitpoġġew fuq bastiment u jerħulha għal Ruma. Meta jgħaddi minn ħdejn il-gżira taʼ Kreta tqum maltempata terribbli. Ir-riħ tant jonfoħ li l-irġiel ma jistgħux jidderieġu l-bastiment. U ma jistgħux jaraw ix-xemx matul il-ġurnata jew l-istilel matul il-lejl. Fl-aħħar, wara ħafna ġranet, dawk fuq il-bastiment jaqtgħu qalbhom għalkollox li se jiġu salvati.
Imbagħad iqum Pawlu u jgħid: ‘Ħadd minnkom mhu se jitlef ħajtu; il-bastiment biss se jintilef. Għax il-bieraħ filgħaxija anġlu t’Alla ġie u qalli, “Tibżax Pawlu! Int trid tidher quddiem il-ħakkiem Ruman Ċesari. U Alla se jsalva lil dawk kollha li qed jivvjaġġaw miegħek.”’
F’xi nofsillejl fl-14-il jum wara li bdiet il-maltempata, il-baħrin indunaw li l-ilma kien qed isir inqas fond! Huma beżgħu li minħabba d-dlam jibqgħu deħlin fil-blat, għalhekk niżżlu l-ankri. L-għada filgħodu raw bajja. Huma ddeċidew li jipprovaw jidderieġu l-bastiment dritt sax-xatt.
Meta jaslu iktar viċin tax-xatt, il-bastiment jolqot sikka tar-ramel u jeħel hemm. Imbagħad il-mewġ jibda jfarrku biċċiet. L-uffiċjal tal-armata li qed jieħu ħsieb jgħid: ‘Dawk kollha li jafu jgħumu jistgħu jaqbżu l-baħar l-ewwel u jgħumu sax-xatt. Il-bqija aqbżu warajhom u aqbdu biċċa injama li tfarrket mill-bastiment u żommu magħha.’ U hekk jagħmlu. B’dan il-mod, il-276 persuna kollha li kienu fuq il-bastiment jaslu sax-xatt qawwijin u sħaħ, eżatt kif wiegħed l-anġlu.
Il-gżira jisimha Malta. In-nies huma qalbhom tajba ħafna, u jieħdu ħsieb lil dawk tal-bastiment. Meta t-temp jitjieb, Pawlu jittieħed fuq bastiment ieħor lejn Ruma.