STORJA 113
Pawlu f’Ruma
ĦARES lejn il-ktajjen li għandu Pawlu, u ara s-suldat Ruman li qiegħed għassa miegħu. Pawlu hu priġunier f’Ruma. Qed jistenna sakemm Ċesari taʼ Ruma jiddeċiedi x’se jagħmel bih. Waqt li jkun priġunier, in-nies jistgħu jiġu jżuruh.
Tlett ijiem wara li Pawlu jasal Ruma jibgħat għal xi mexxejja Lhud biex jiġu jarawh. Minħabba dan, jiġu ħafna Lhud minn Ruma. Pawlu jippritkalhom dwar Ġesù u s-Saltna t’Alla. Xi wħud jemmnu u jsiru Kristjani, imma oħrajn ma jemmnux.
Pawlu wkoll jipprietka lis-suldati differenti li joqogħdu għassa miegħu. Għas-sentejn li jinżamm hawn bħala priġunier Pawlu jipprietka lil kemm jistaʼ jkun nies. B’hekk, anki dawk taʼ dar Ċesari jisimgħu dwar l-aħbar tajba tas-Saltna, u xi wħud minnhom isiru Kristjani.
Imma min hu l-viżitatur li qed jikteb mal-mejda? Tistaʼ taqtaʼ? Iva, huwa Timotju. Timotju wkoll kien il-ħabs talli pprietka dwar is-Saltna imma issa reġaʼ nħeles. U ġie hawn biex jgħin lil Pawlu. Taf x’qed jikteb? Ejja naraw.
Tiftakarhom il-bliet taʼ Filippi u Efesu fi Storja 110? Pawlu għen biex jinbdew kongregazzjonijiet Kristjani f’dawn il-bliet. Issa, waqt li hu arrestat, Pawlu jikteb xi ittri lil dawn il-Kristjani. L-ittri huma fil-Bibbja, u jissejħu Efesin u Filippin. Pawlu issa qed jgħid lil Timotju x’għandu jikteb lill-ħbieb Kristjani tagħhom f’Filippi.
Il-Filippin kienu qalbhom tajba ħafna maʼ Pawlu. Huma bagħtulu rigal waqt li kien hawn arrestat, u għalhekk Pawlu qed jirringrazzjahom tiegħu. Epafroditu hu l-wieħed li ġab ir-rigal. Imma marad ħafna u kważi miet. Issa għaddielu u lest biex jerġaʼ jmur id-dar. Hu se jieħu miegħu l-ittra mingħand Pawlu u Timotju meta jmur lura Filippi.
Pawlu jikteb żewġ ittri oħrajn li għandna fil-Bibbja waqt li jkun arrestat. Waħda hi lill-Kristjani fil-belt taʼ Kolossi. Taf x’tissejjaħ? Kolossin. L-oħra hi ittra persunali lil ħabib tal-qalb li jismu Filemon u li wkoll jgħix f’Kolossi. L-ittra hi dwar il-qaddej taʼ Filemon, Oneżimu.
Oneżimu ħarab mingħand Filemon u ġie Ruma. B’xi mod jew ieħor, Oneżimu semaʼ li Pawlu kien priġunier hawn. Hu ġie jarah, u Pawlu pprietka lil Oneżimu. Oneżimu ma damx ma sar Kristjan ukoll. Issa, Oneżimu jiddispjaċih li ħarab. Allura taf x’jikteb Pawlu fl-ittra lil Filemon?
Pawlu jitlob lil Filemon biex jaħfer lil Oneżimu. Pawlu jikteb: ‘Qed nibgħathulek lura. Imma issa mhuwiex biss il-qaddej tiegħek. Hu wkoll ħu Kristjan mill-aħjar.’ Meta Oneżimu jmur lura Kolossi, hu jieħu miegħu dawn iż-żewġ ittri, waħda għall-Kolossin u l-oħra għal Filemon. Nistgħu nimmaġinaw kemm feraħ Filemon meta sar jaf li l-qaddej tiegħu kien sar Kristjan.
Meta Pawlu jikteb lill-Filippin u lil Filemon ikollu aħbar verament tajba. Pawlu jgħid lill-Filippin: ‘Ħa nibgħat lil Timotju għandkom. Imma jien ukoll dalwaqt se nżurkom.’ U lil Filemon jikteb: ‘Lestili post fejn noqgħod.’
Meta Pawlu jinħeles iżur lill-aħwa Kristjani tiegħu f’ħafna postijiet. Imma iktar tard Pawlu jerġaʼ jsir priġunier f’Ruma. Din id-darba jaf li se jiġi maqtul. Għalhekk, jikteb lil Timotju u jistaqsih jiġi malajr. ‘Jien kont leali lejn Alla,’ jikteb Pawlu, ‘u Alla se jippremjani.’ Ftit snin wara li Pawlu jiġi maqtul, Ġerusalemm terġaʼ tiġi meqruda, din id-darba mir-Rumani.
Imma l-Bibbja tgħidilna xi ħaġa oħra. Alla Ġeħova jqabbad lill-appostlu Ġwanni jikteb l-aħħar kotba tal-Bibbja, fosthom il-ktieb tar-Rivelazzjoni. Dan il-ktieb Bibliku jitkellem dwar il-futur. Ejja nitgħallmu x’hemm jistenniena fil-futur.