STORJA 81
Fiduċja fl-Għajnuna t’Alla
ĦAFNA eluf taʼ nies jagħmlu l-vjaġġ twil lura lejn Ġerusalemm. Imma meta jaslu, Ġerusalemm hi sempliċement ħerba sħiħa. Ħadd ma jgħix hemmhekk. L-Iżraelin ikollhom jerġgħu jibnu kollox mill-ġdid.
Fost l-ewwel affarijiet li jibnu jkun artal. Dan hu post fejn jistgħu jagħmlu l-offerti tal-annimali, jew għotjiet, lil Ġeħova. Xi xhur wara dan, l-Iżraelin jibdew jibnu t-tempju. Imma l-għedewwa li jgħixu f’pajjiżi fil-qrib ma jridux lill-Iżraelin jibnuh. Allura jipprovaw ibeżżgħuhom biex iġegħluhom jieqfu. Fl-aħħar, dawn l-għedewwa jġiegħlu lis-sultan il-ġdid tal-Persja joħroġ liġi ħalli jwaqqaf ix-xogħol tal-bini.
Jgħaddu ħafna snin. Issa ilu 17-il sena minn meta l-Iżraelin ġew lura minn Babilonja. Ġeħova jibgħat il-profeti tiegħu Ħaggaj u Żakkarija biex jgħidu lin-nies jerġgħu jibdew ix-xogħol tal-bini. In-nies juru fiduċja fl-għajnuna t’Alla u jobdu lill-profeti. Jerġgħu jibdew jibnu, avolja hemm liġi li tgħid li ma jistgħux jagħmlu dan.
Allura, uffiċjal Persjan bl-isem taʼ Tattenaj jiġi u jistaqsi lill-Iżraelin xi dritt għandhom li jibnu t-tempju. L-Iżraelin jgħidulu li meta kienu Babilonja, is-Sultan Ċiru qalilhom: ‘Morru issa lejn Ġerusalemm biex tibnu t-tempju taʼ Ġeħova Alla tagħkom.’
Tattenaj jibgħat ittra lejn Babilonja u jistaqsi jekk hux veru li Ċiru, li issa kien miet, qal dan il-kliem. Malajr tasal lura ittra mis-sultan il-ġdid tal-Persja. Din tgħid li Ċiru tassew qal dan il-kliem. Għalhekk is-sultan jikteb: ‘Ħalli l-Iżraelin jibnu t-tempju t’Alla tagħhom. U jien nordnalek tgħinhom.’ F’xi erbaʼ snin it-tempju jitlesta, u l-Iżraelin jifirħu ħafna.
Jgħaddu ħafna iktar snin. Issa għaddew kważi 48 sena minn meta tlesta t-tempju. In-nies f’Ġerusalemm huma foqra, u l-belt u t-tempju t’Alla ma tantx jidhru sbieħ. Lura f’Babilonja, l-Iżraeli Esdra jsir jaf dwar il-bżonn li t-tempju t’Alla jsirulu t-tiswijiet. Għalhekk, taf x’jagħmel?
Esdra jmur ikellem lil Artaserse, is-sultan tal-Persja, u dan is-sultan tajjeb jagħti lil Esdra ħafna għotjiet biex jiħodhom lura miegħu lejn Ġerusalemm. Esdra jistaqsi lill-Iżraelin f’Babilonja biex jgħinuh iġorr dawn l-għotjiet lejn Ġerusalemm. Xi 6,000 ruħ jgħidu li se jmorru miegħu. Għandhom ħafna fidda u deheb u affarijiet prezzjużi oħrajn xi jġorru magħhom.
Esdra jinkwieta, għax hemm irġiel ħżiena fit-triq. Dawn l-irġiel għandhom mnejn jiħdulhom il-fidda u d-deheb tagħhom u joqtluhom. Għalhekk, Esdra jiġbor lin-nies flimkien, bħalma qed tara fl-istampa. Imbagħad jitolbu lil Ġeħova biex jipproteġihom fil-vjaġġ twil tagħhom lura lejn Ġerusalemm.
Ġeħova jipproteġihom. U wara erbaʼ xhur taʼ vvjaġġar, huma jaslu Ġerusalemm qawwijin u sħaħ. Ma jurix dan li Ġeħova jistaʼ jipproteġi lil dawk li jafdaw fih għall-għajnuna?