Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 93

Ġesù Jitmaʼ Ħafna Nies

Ġesù Jitmaʼ Ħafna Nies

ĠRAT xi ħaġa terribbli! Ġwanni l-​Għammied għadu kif ġie maqtul. Ġwanni ma kienx jogħġobha lil Erodja, il-​mara tas-​sultan. Hi rnexxielha ġġiegħel lis-​sultan jaqtaʼ ras Ġwanni.

Ġesù jitnikket ħafna meta jismaʼ dwar dan. Imur f’post għall-​kwiet waħdu. Imma n-​nies jiġu warajh. Meta Ġesù jara l-​folol jitħassarhom. Għalhekk, jitkellem magħhom dwar is-​Saltna t’Alla, u jfejjaq lill-​morda tagħhom.

Dik il-​lejla jiġu fuqu d-​dixxipli tiegħu u jgħidulu: ‘Diġà tard, u hawn post imwarrab. Ibgħat in-​nies biex ikunu jistgħu jixtru ikel x’jieklu fl-​irħula fil-​qrib.’

‘M’għandhomx għalfejn imorru,’ iwieġeb Ġesù. ‘Agħtuhom xi ħaġa x’jieklu intom.’ Ġesù jdur fuq Filippu u jistaqsi: ‘Fejn nistgħu nixtru biżżejjed ikel biex nitimgħu dawn in-​nies kollha?’

‘Se jiġi jiswa ħafna u ħafna flus biex nixtru biżżejjed ħalli kulħadd ikollu mqar ftit,’ iwieġeb Filippu. Indrì jgħid: ‘Dan it-​tifel għandu ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Imma dan żgur li ma jkunx biżżejjed biex titmaʼ dawn in-​nies kollha.’

Ġesù jgħid: ‘Għidu lin-​nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-​ħaxix.’ Imbagħad jirringrazzja lil Alla għall-​ikel, u jibda jaqsmu f’biċċiet. Wara dan, id-​dixxipli jibdew jagħtu l-​ħobż u l-​ħut lin-​nies kollha. Hemm 5,000 raġel u ħafna iktar eluf taʼ nisa u tfal. Kollha jieklu sakemm jixbgħu. U meta d-​dixxipli jiġbru dak li jkun fadal, jimlew 12-​il qoffa!

Ġesù issa jgħid lid-​dixxipli tiegħu biex jitilgħu f’dgħajsa ħalli jaqsmu l-​Baħar tal-​Galilija. Matul il-​lejl tqum maltempata kbira, u l-​mewġ jitfaʼ d-​dgħajsa ’l hawn u ’l hemm. Id-​dixxipli jibżgħu ħafna. Imbagħad, f’nofs taʼ lejl, jaraw lil xi ħadd miexi lejhom fuq l-​ilma. Huma jgħajtu bil-​biżaʼ għax ma jafux x’qed jaraw.

‘Tibżgħux,’ jgħid Ġesù. ‘Huwa jien!’ Xorta għadhom ma jistgħux jemmnu. Allura Pietru jgħid: ‘Jekk veru int, Mulej, għidli biex nimxi fuq l-​ilma sa ħdejk.’ Ġesù jwieġeb: ‘Ejja!’ U Pietru joħroġ u jimxi fuq l-​ilma! Imbagħad jibżaʼ u jibda jegħreq, imma Ġesù jsalvah.

Iktar tard, Ġesù jerġaʼ jitmaʼ eluf taʼ nies. Din id-​darba jagħmel hekk b’sebaʼ ħobżiet u xi ftit ħut żgħir. U jerġaʼ jkun hemm biżżejjed għal kulħadd. Mhuwiex xi ħaġa tal-​għaġeb il-​mod kif Ġesù jieħu ħsieb in-​nies? Qatt mhu se jkollna għal xiex ninkwetaw fuq xi ħaġa meta Ġesù jaħkem bħala s-​Sultan t’Alla!