Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 99

F’Kamra taʼ Fuq

F’Kamra taʼ Fuq

HUWA l-​Ħamis filgħaxija issa, jumejn wara. Ġesù u t-​12-​il appostlu tiegħu jiġu f’din il-​kamra taʼ fuq kbira biex jieklu l-​ikla tal-​Qbiż. Ir-​raġel li qed tara ħiereġ hu Ġuda l-​Iskarjota. Sejjer jgħid lill-​qassisin kif jistgħu jaqbdu lil Ġesù.

Il-​ġurnata taʼ qabel stess, Ġuda mar fuqhom u staqsa: ‘X’se tagħtuni jekk ngħinkom taqbdu lil Ġesù?’ Huma qalu: ‘30 biċċa tal-​fidda.’ Allura, Ġuda issa sejjer jiltaqaʼ maʼ dawk l-​irġiel biex ikun jistaʼ jiħodhom ħdejn Ġesù. Ma taqbilx li din hija xi ħaġa terribbli?

L-​ikla tal-​Qbiż spiċċat. Imma Ġesù issa jibda ikla speċjali oħra. Hu jagħti lill-​appostli ħobża, u jgħid: ‘Kuluha għax din tfisser ġismi li se jingħata għalikom.’ Imbagħad, jagħtihom tazza nbid, u jgħid: ‘Ixorbuh, għax dan ifisser id-​demm tiegħi li se jiġi mxerred għalikom.’ Il-​Bibbja ssejjaħ dan li għamlu ‘l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej.’

L-​Iżraelin kienu jieklu l-​ikla tal-​Qbiż biex jiftakru dwar meta l-​anġlu t’Alla ‘qabeż’ lil darhom fl-​Eġittu, imma qatel lill-​ewwel imwieled fid-​djar tal-​Eġizzjani. Imma issa Ġesù jrid li s-​segwaċi tiegħu jiftakru lilu u kif ta ħajtu għalihom. U din hi r-​raġuni għala jgħidilhom biex jiċċelebraw din l-​ikla speċjali kull sena.

Wara li jieklu l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej, Ġesù jgħid lill-​appostli tiegħu biex ikunu kuraġġużi u b’saħħithom fil-​fidi. Fl-​aħħar, huma jkantaw għanjiet lil Alla u mbagħad jitilqu. Il-​lejl daħal sew issa, x’aktarx qabeż nofsillejl. Ejja naraw fejn imorru.