Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Waqgħet Babilonja!’

‘Waqgħet Babilonja!’

Kapitlu Sbatax

‘Waqgħet Babilonja!’

Isaija 21:​1-17

1, 2. (a) X’inhi t-​tema ġenerali tal-​Bibbja, imma liema tema awżiljarja importanti tidher f’Isaija? (b) Il-​Bibbja kif tiżviluppaha t-​tema tal-​waqgħa taʼ Babilonja?

 IL-​BIBBJA tistaʼ titqabbel maʼ biċċa mużika mill-​isbaħ b’tema dominanti li fiha jiġu introdotti temi sekondarji biex il-​kompożizzjoni ssir iktar distinta. B’mod simili, il-​Bibbja għandha tema ewlenija—l-​ivvindikar tas-​sovranità taʼ Jehovah permezz tal-​gvern tas-​Saltna Messjanika. Għandha wkoll temi importanti oħrajn li jissemmew darba wara l-​oħra. Waħda minnhom hija l-​waqgħa taʼ Babilonja.

2 Din it-​tema tiġi introdotta f’Isaija kapitli 13 u 14. Nerġgħu nsibuha f’kapitlu 21 taʼ Is u nsibuha mill-​ġdid f’kapitli 44 u 45 taʼ Is. Seklu wara, Ġeremija jespandi fuq l-​istess tema, u l-​ktieb taʼ l-​Apokalissi jikkonkludiha b’mod straordinarju. (Ġeremija 51:​60-64; Apokalissi 18:1–19:4) Kull student serju tal-​Bibbja jeħtieġ li jkun konċernat dwar din it-​tema awżiljarja importanti tal-​Kelma t’Alla. Isaija kapitlu 21 jgħin f’dan ir-​rigward, għax jipprovdi dettalji affaxxinanti dwar il-​waqgħa profetizzata taʼ din il-​qawwa dinjija kbira. Iktar tard se naraw li Isaija kapitlu 21 jenfasizza tema Biblika importanti oħra—tema li tgħinna niddeterminaw kemm qed noqogħdu għassa bħala Kristjani llum.

“Viżjoni Kiefra”

3. Babilonja għala tissejjaħ “id-​deżert tal-​baħar,” u dan it-​titlu x’ibassar rigward il-​futur tagħha?

3 Isaija kapitlu 21 jiftaħ fuq nota kerha: “Oraklu fuq id-​deżert tal-​baħar: Bħalma r-​rwiefen jgħaddu maħruba min-​Negeb, hekk hu ġej mid-​deżert, minn art tal-​biżaʼ!” (Isaija 21:1) Babilonja tinsab mifruxa fuq iż-​żewġ naħat tax-​Xmara Ewfrat, u n-​nofs li għandha fuq in-​naħa tal-​lvant qiegħed fir-​reġjun bejn iż-​żewġ xmajjar kbar Ewfrat u Tigri. Tinsab xi ftit ’il bogħod mill-​baħar attwali. Allura, għala tissejjaħ “id-​deżert tal-​baħar”? Għaliex kull sena fir-​reġjun taʼ Babilonja kien ikun hemm ħafna għargħar, u b’hekk kien jinħoloq “baħar” vast bl-​għadajjar. Madankollu, il-​Babiloniżi kkontrollaw dan id-​deżert mimli ilma billi ħolqu sistema komplessa taʼ digi, ilqugħ, u kanali. B’sengħa kbira, huma jużaw dawn l-​ilmijiet bħala parti mis-​sistema difensiva tal-​belt. Xorta waħda, ebda xogħlijiet tal-​bniedem ma se jsalvaw lil Babilonja mill-​ħaqq divin. Deżert kienet—u deżert se terġaʼ ssir. Il-​gwaj riesaq lejha, jissawwar bħal waħda mill-​maltempati kefrin li kultant jaħbtu fuq Iżrael mid-​deżert tal-​biżaʼ lejn in-​nofsinhar.—Qabbel Żakkarija 9:14.

4. Il-​viżjoni taʼ “Babilonja l-​Kbira” fl-​Apokalissi kif tinkludi l-​elementi taʼ “ilmijiet” u “deżert,” u dawn l-​“ilmijiet” x’ifissru?

4 Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 14 taʼ dan il-​ktieb, Babilonja tal-​qedem għandha pariġġ modern—“Babilonja l-​Kbira,” l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. Fl-​Apokalissi, Babilonja l-​Kbira bl-​istess mod tingħata stampa tagħha f’konnessjoni maʼ “deżert” u “ilmijiet.” L-​appostlu Ġwanni jinġarr lejn deżert biex jara lil Babilonja l-​Kbira. Jintqallu li din qegħda “bil-​qiegħda fuq ħafna ilmijiet” li jirrappreżentaw “popli u folol taʼ nies u ġnus u ilsna.” (Apokalissi 17:​1-3, 5, 15) L-​appoġġ tan-​nies minn dejjem kien fundamentali għas-​sopravivenza tar-​reliġjon falza, imma dawn l-​“ilmijiet” m’humiex se jipproteġuha fit-​tmiem. Bħall-​pariġġ tagħha tal-​qedem, din se tispiċċa vojta, mitluqa, u ħerba.

5. Babilonja kif tikseb reputazzjoni taʼ ‘ħalliela’ u ‘qerrieda’?

5 Fi żmien Isaija Babilonja għad m’hijiex il-​qawwa dinjija dominanti, imma Jehovah diġà jara bil-​quddiem li meta jasal żmienha, din se tabbuża mill-​poter tagħha. Jissokta Isaija: “Viżjoni kiefra kienet murija lili. Il-​ħalliel jisraq; il-​qerried jeqred!” (Isaija 21:2a) Babilonja tabilħaqq li se tisraq u tqarraq bil-​ġnus li tikkonkwista, inkluż Ġuda. Il-​Babiloniżi se jaħtfu lil Ġerusalemm, ineżżgħu t-​tempju tagħha, u jieħdu lil niesha lsiera lejn Babilonja. Hemmhekk, dawn l-​ilsiera abbandunati se jiġu trattati bil-​qerq, ridikolati minħabba t-​twemmin tagħhom, u ma jiġu offruti ebda tama li jirritornaw lejn art twelidhom.—2 Kronaki 36:​17-21; Salm 137:​1-4.

6. (a) Jehovah liema tnehid se jġiegħel li jieqaf? (b) Liema ġnus huma mbassrin li se jattakkaw lil Babilonja, u dan kif jitwettaq?

6 Iva, Babilonja tixirqilha bis-​sħiħ din il-​“viżjoni kiefra,” li se tkun tfisser żminijiet iebsa għaliha. Isaija jkompli: “Itlaʼ Għelam, assedja Medja! Hawn jien biex insikket il-​krib.” (Isaija 21:2b) Dawk li huma oppressi minn dan l-​imperu qarrieq se jkollhom serħan. Sa fl-​aħħar se jintemm it-​tnehid tagħhom! (Salm 79:​11, 12) Dan is-​serħan b’liema mod se jiġi? Isaija jsemmi żewġt iġnus li se jattakkaw lil Babilonja: Għelam u Medja. Żewġ sekli wara, fis-​sena 539 Q.E.K., Ċiru l-​Persjan se jmexxi qawwa armata magħquda taʼ Persjani u Medi kontra Babilonja. Inkwantu għal Għelam, monarki Persjani se jkunu jippossiedu għallinqas parti minn dak il-​pajjiż qabel is-​sena 539 Q.E.K. a Il-​qawwiet armati Persjani b’hekk se jkunu jinkludu l-​Għelamin.

7. Il-​viżjoni taʼ Isaija kif teffettwah, u dan x’jissinjifika?

7 Innota kif Isaija jiddeskrivi l-​effett taʼ din il-​viżjoni fuqu: “Għalhekk inħossni mkexkex f’ġenbejja; nitkagħweġ bħal mara fil-​ħlas. Nħossni mħawwad wisq biex nismaʼ, mbellah wisq biex nara! Moħħi storda [“Qalbi tilheġ,” “KŻ”], qabadni t-​tkexkix, kont nixtieq li jaqaʼ l-​lejl, u issa sirt nibżaʼ minnu!” (Isaija 21:​3, 4) Donnu jidher li l-​profeta jieħu pjaċir meta jibda jidlam, ħin mill-​isbaħ biex jikkontempla fis-​skiet. Imma l-​għabex issa tilef is-​seħer tiegħu, u minfloku qed iġib biss biżaʼ, uġigħ, u tkexkix. Hu jaqbdu tkagħwiġ bħal dak taʼ mara fil-​ħlas, u qalbu qed “tilheġ.” Wieħed studjuż jittraduċi din il-​frażi “qalbi tħabbat sitta sitta,” billi jinnota li l-​espressjoni tirreferi għal “taħbit irregolari tal-​polz minħabba d-​deni.” Għala dan l-​hemm? B’mod evidenti, is-​sentimenti taʼ Isaija huma profetiċi. Fil-​lejl taʼ bejn il-​5 u s-​6 t’Ottubru tas-​sena 539 Q.E.K., il-​Babiloniżi se jġarrbu terrur simili.

8. Bħalma huwa profetizzat, il-​Babiloniżi kif jaġixxu, avolja l-​għedewwa tagħhom qegħdin barra s-​swar?

8 Hekk kif jaqaʼ d-​dlam fuq dak il-​lejl deċiżiv, l-​aħħar ħaġa li tiġi f’moħħ il-​Babiloniżi hija t-​terrur. Xi żewġ sekli bil-​quddiem, Isaija jbassar: “Ħejjew il-​mejda, firxu l-​ħasira, jieklu u jixorbu.” (Isaija 21:5a) Iva, is-​Sultan arroganti Beltassar għandu l-​mistidnin għal festa. Il-​postijiet huma rranġati għal elf mill-​kbarat tiegħu, kif ukoll għal ħafna nisa miżżewġin u konkubini. (Danjel 5:​1, 2) Ix-​xalaturi jafu li hemm eżerċtu sħiħ barra s-​swar, imma huma konvinti li l-​belt tagħhom ma tistax tiġi minfuda. Is-​swar doppji u l-​foss fond tagħha jidhru li jagħmluha impossibbli li tintrebaħ. Dan lanqas biss jgħaddilhom minn moħħhom minħabba l-​fiduċja li għandhom fil-​ħafna allat taʼ belthom. Mela “ħa jieklu u jixorbu!” Beltassar jisker, u wisq probabbli mhux hu biss. L-​istordament li għandhom fuqhom l-​uffiċjali għoljin huwa suġġerit mill-​ħtieġa li dawn jiġu mqajmin, bħalma juri profetikament il-​kliem li jmiss taʼ Isaija.

9. Għala jsir neċessarju li ‘jidilku t-​tarka’?

9 “Qumu, prinċpijiet, idilku t-​tarki!” (Isaija 21:5b) F’daqqa waħda, il-​festa spiċċat. Il-​prinċpijiet iridu jqumu! Il-​profeta xwejjaħ Danjel jissejjaħ fuq il-​post, u jara kif Jehovah jixħet lis-​Sultan Babiloniż Beltassar fi stat taʼ terrur simili għal dak deskritt minn Isaija. Il-​kbarat tas-​sultan jaqgħu f’konfużjoni hekk kif il-​qawwiet armati magħqudin tal-​Medi, il-​Persjani, u l-​Għelamin jinfdu d-​difiżi tal-​belt. Babilonja taqaʼ f’ħakka t’għajn! Iżda, x’ifisser li ‘jidilku t-​tarka’? Il-​Bibbja kultant tirreferi għas-​sultan taʼ ġens bħala t-​tarka tiegħu għaliex hu d-​difensur u l-​protettur tal-​pajjiż. b (Salm 89:19 [89:​18, NW]) Mela dan il-​vers f’Isaija x’aktarx li qed ibassar il-​ħtieġa għal sultan ġdid. Għala? Għaliex Beltassar jinqatel dak “il-​lejl” stess. B’hekk, hemm bżonn li ‘jidilku t-​tarka,’ jew jaħtru sultan ġdid.—Danjel 5:​1-9, 30.

10. Dawk li jqimu lil Jehovah liema faraġ jistgħu jiksbu mit-​twettiq tal-​profezija taʼ Isaija rigward dik li taġixxi bil-​qerq?

10 Dawk kollha li jħobbu l-​qima vera jsibu l-​faraġ f’dan ir-​rakkont. Babilonja taʼ żmienna, Babilonja l-​Kbira, hija qarrieqa u qerrieda mill-​agħar daqskemm kienet il-​pariġġ tagħha tal-​qedem. Sal-​ġurnata tal-​lum, mexxejja reliġjużi jikkonfoffaw biex ix-​Xhieda taʼ Jehovah jiġu projbiti, persegwitati, jew intaxxati b’kastig. Imma bħalma tfakkarna din il-​profezija, Jehovah jara dan l-​aġir qarrieq kollu, u mhux se jħallih għaddej bla ma jikkastigah. Hu se jġib fi tmiem ir-​reliġjonijiet kollha li jirrappreżentawh ħażin u jittrattaw ħażin lin-​nies tiegħu. (Apokalissi 18:8) Hija possibbli ħaġa bħal din? Kulma rridu nagħmlu biex nibnu l-​fidi tagħna hu li naraw kif diġà twettqu t-​twissijiet tiegħu rigward il-​waqgħa kemm taʼ Babilonja tal-​qedem u kemm tal-​pariġġ tagħha taʼ żmienna.

‘Waqgħet!’

11. (a) X’inhi r-​responsabbiltà taʼ għassies, u min kien attiv bħala għassies illum? (b) X’inhu rappreżentat mill-​karru tal-​battalja bil-​ħmir u dak bl-​iġmla?

11 Jehovah issa jkellem lill-​profeta. Isaija jirrapporta: “Dan qalli l-​Mulej: ‘Mur qiegħed għassies, ħa jħabbar dak li jara.’” (Isaija 21:6) Dan il-​kliem jintroduċi tema importanti oħra taʼ dan il-​kapitlu—dik taʼ l-​għassies. Dan hu taʼ interess għall-​veri Kristjani kollha llum, għax Ġesù ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu biex ‘jgħassu.’ “L-​ilsir leali u diskret” qatt ma waqaf jitkellem dwar dak li qed jara rigward kemm hu viċin jum il-​ħaqq t’Alla u l-​perikli taʼ din id-​dinja korrotta. (Mattew 24:​42, 45-47, NW) X’qed jara l-​għassies tal-​viżjoni taʼ Isaija? “Jara rikkieb fuq karru b’żewġt iżwiemel; rikkieb fuq ħmar, rikkieb fuq ġemel.” (Isaija 21:7) Dawn il-​karrijiet individwali tal-​gwerra x’aktarx li jirrappreżentaw fillieri sħaħ taʼ karrijiet li qegħdin javanzaw għall-​battalja bil-​veloċità taʼ żwiemel imħarrġin. Il-​karru tal-​battalja bil-​ħmir u dak bl-​iġmla jirrappreżentaw b’mod xieraq iż-​żewġ qawwiet, il-​Medja u l-​Persja, li se jingħaqdu biex jiftħu dan l-​attakk. Barra minn hekk, l-​istorja tikkonferma li l-​eżerċtu Persjan kien juża kemm ħmir u kemm iġmla fil-​battalji tiegħu.

12. L-​għassies fil-​viżjoni taʼ Isaija juri liema kwalitajiet, u llum min jeħtieġhom dawn il-​kwalitajiet?

12 L-​għassies, imbagħad, jiġi mġiegħel jagħmel rapport. “U mbagħad l-​għassies jgħajjat [“bħal iljun,” “KŻ”]: ‘Fuq torri taʼ l-​għassa, Sidi, jien qiegħed binhar dejjem, u wieqaf dejjem f’posti l-​iljieli kollha. U ara, ġej wieħed riekeb, fuq karru b’żewġt iżwiemel!’” (Isaija 21:​8, 9a) L-​għassies tal-​viżjoni jgħajjat bil-​kuraġġ, “bħal iljun.” Trid il-​kuraġġ biex tgħajjat messaġġ taʼ ħaqq kontra ġens li jnissel il-​biżaʼ bħalma hi Babilonja. Xi ħaġa oħra hija meħtieġa wkoll—is-​sabar. L-​għassies jibqaʼ f’postu lejl u nhar, u qatt ma jonqos li jibqaʼ għassa. Bl-​istess mod, il-​klassi taʼ l-​għassies f’dawn l-​aħħar jiem kellha bżonn il-​kuraġġ u s-​sabar. (Apokalissi 14:12) Il-​veri Kristjani kollha jeħtieġu dawn il-​kwalitajiet.

13, 14. (a) Babilonja tal-​qedem x’isir minnha, u l-​idoli tagħha f’liema sens jitfarrku? (b) Babilonja l-​Kbira kif u meta sofriet waqgħa simili?

13 L-​għassies fil-​viżjoni taʼ Isaija jara ġej karru tal-​battalja. X’inhi l-​aħbar? “Beda jgħajjat u jgħid: ‘Waqgħet waqgħet Babilonja, u magħha xbihat allatha mfarrka fl-​art.’” (Isaija 21:9b) X’rapport kommoventi! Sa fl-​aħħar, waqgħet din il-​qerrieda qarrieqa tal-​poplu t’Alla! c Iżda, ix-​xbihat u l-​idoli minquxin taʼ Babilonja f’liema sens jitfarrku? Sejrin l-​invażuri Medo-Persjani jimmarċjaw għal ġot-​tempji taʼ Babilonja u jfarrku l-​idoli bla għadd? Le, xejn minn dan m’huwa meħtieġ. L-​allat forma taʼ idoli taʼ Babilonja se jitfarrku fis-​sens li jiġu esposti bħala li m’għandhomx saħħa biex jipproteġu l-​belt. U Babilonja se ġġarrab waqgħa meta ma tibqax kapaċi taħqar lin-​nies t’Alla.

14 Xi ngħidu għal Babilonja l-​Kbira? Billi mmanuvrat l-​oppressjoni tan-​nies t’Alla matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, hi fil-​fatt żammithom fl-​eżilju għal xi żmien. Ix-​xogħol tagħhom taʼ l-​ippridkar kważi twaqqaf għalkollox. Il-​president u uffiċjali prominenti oħrajn tal-​Watch Tower Society ġew mitfugħin il-​ħabs fuq akkużi foloz. Imma fl-​1919 il-​folja nqalbet b’mod taʼ l-​għaġeb. L-​uffiċjali nħelsu mill-​ħabs, l-​uffiċċju tal-​kwartieri ġenerali nfetaħ mill-​ġdid, u x-​xogħol taʼ l-​ippridkar reġaʼ beda. B’hekk, Babilonja l-​Kbira waqgħet għaliex spiċċat il-​qabda li kellha fuq in-​nies t’Alla. d Fl-​Apokalissi, din il-​waqgħa tiġi proklamata darbtejn minn anġlu li juża l-​kliem tat-​tħabbira li hemm f’Isaija 21:9.—Apokalissi 14:8; 18:2.

15, 16. Il-​poplu taʼ Isaija f’liema sens hu “midrus,” u x’nistgħu nitgħallmu mill-​attitudni taʼ Isaija lejhom?

15 Isaija jikkonkludi dan il-​messaġġ profetiku fuq nota taʼ mogħdrija lejn il-​poplu tiegħu stess, billi jgħid: “Poplu midrus tiegħi, bin l-​andar tiegħi, dak li smajt mingħand il-​Mulej taʼ l-​eżerċti, Alla taʼ Iżrael, lilkom ħabbartu.” (Isaija 21:10) Fil-​Bibbja, id-​dris spiss jissimbolizza d-​dixxiplinar u l-​irfinar tal-​poplu t’Alla. Il-​poplu f’patt m’Alla se jsir “bin l-​andar,” fejn il-​qamħ jiġi separat bil-​forza minn mal-​fosdqa, u b’hekk titħalla biss iż-​żerriegħa mixtieqa rfinuta. Isaija mhux qed jitpaxxa b’din id-​dixxiplina. Pjuttost, għandu mogħdrija għal dawn ‘ulied l-​andar’ futuri, li xi wħud minnhom se jqattgħu għomorhom kollu bħala lsiera f’art barranija.

16 Din tistaʼ sservi bħala tfakkira utli għalina lkoll. Illum, fil-​kongregazzjoni Kristjana, xi wħud għandhom mnejn ma jibqgħux jagħdru lil dawk li jiżbaljaw. U dawk li jirċievu d-​dixxiplina, taʼ spiss għandhom mnejn ikollhom it-​tendenza li ma jaċċettawhiex. Madankollu, jekk inżommu f’moħħna li Jehovah jiddixxiplina lin-​nies tiegħu sabiex jirfinahom, la se nċekknu d-​dixxiplina u lil dawk li jgħaddu minnha bl-​umiltà u lanqas se nirreżistuha meta tiġi fuqna. Ejja naċċettaw id-​dixxiplina divina bħala espressjoni taʼ l-​imħabba t’Alla.—Lhud 12:6.

Nistaqsu lill-​Għassies

17. Edom għala tingħata b’mod xieraq l-​isem taʼ “Duma”?

17 Fit-​tieni messaġġ profetiku taʼ Isaija kapitlu 21 tispikka l-​figura taʼ l-​għassies. Il-​messaġġ jibda hekk: “Oraklu fuq Edom [“Duma,” “KŻ”]: Sejjaħli xi ħadd minn Xegħir: ‘Għassies, fiex inhu l-​lejl? Għassies, fiex inhu l-​lejl?’” (Isaija 21:11) Fejn hi din Duma? Evidentement kien hemm diversi bliet li kellhom dan l-​isem fi żminijiet Bibliċi, imma ebda waħda minnhom m’hija intenzjonata hawnhekk. Duma ma tinstabx f’Xegħir, li huwa isem ieħor għal Edom. Madankollu, “Duma” tfisser “Skiet.” Għalhekk, donnu jidher li, bħalma kien il-​każ fid-​dikjarazzjoni taʼ qabel, ir-​reġjun jingħata isem li jissuġġerixxi l-​futur tiegħu. Edom, li ilha żmien twil għadu vendikattiv tal-​poplu t’Alla, se tispiċċa fis-​skiet—is-​skiet tal-​mewt. Iżda, qabel ma jiġri dan, xi wħud se jistaqsu b’ansjetà dwar il-​futur.

18. Id-​dikjarazzjoni, “Għad jasal is-​sebħ u l-​lejl ukoll,” kif titwettaq fuq Edom tal-​qedem?

18 Fi żmien meta qed jinkiteb il-​ktieb taʼ Isaija, Edom tinsab fil-​mogħdija minfejn jgħaddi l-​eżerċtu potenti Assirjan. Xi wħud f’Edom jixxennqu biex ikunu jafu meta se jispiċċa għalihom il-​lejl taʼ oppressjoni. X’inhi r-​risposta? “L-​għassies wieġeb: ‘Għad jasal is-​sebħ u l-​lejl ukoll.’” (Isaija 21:12a) Dawn l-​affarijiet m’humiex sinjal tajjeb għal Edom. Fuq ix-​xefaq se tidher tnemnima taʼ sebħ, imma se tkun qasira, qarrieqa. Il-​lejl—żmien mudlam ieħor taʼ oppressjoni—se jsegwi malajr malajr lis-​sebħ. Xi stampa xierqa tal-​futur taʼ Edom! L-​oppressjoni Assirjana se tintemm, imma Babilonja se tiġi wara l-​Assirja bħala qawwa dinjija u se teqred lil Edom. (Ġeremija 25:​17, 21; 27:​2-8) Dan iċ-​ċirku se jiġi ripetut. L-​oppressjoni Babiloniża se tkun segwita mill-​oppressjoni Persjana u mbagħad minn dik Griega. Imbagħad se jkun hemm “sebħ” qasir matul l-​era Rumana, meta l-​Erodijiet—taʼ oriġini Edomija—jiksbu l-​poter f’Ġerusalemm. Imma dak is-​“sebħ” mhux se jdum. Finalment, Edom se tinżel b’mod permanenti fis-​skiet, billi tgħib mill-​istorja. Sa fl-​aħħar, l-​isem Duma se jiddeskriviha b’mod xieraq.

19. Meta l-​għassies jgħid, “Jekk tridu tistħarrġu, stħarrġu. Erġgħu ejjew!” x’għandu mnejn irid ifisser?

19 L-​għassies jikkonkludi l-​messaġġ qasir tiegħu bil-​kliem: “Jekk tridu tistħarrġu, stħarrġu. Erġgħu ejjew!” (Isaija 21:12b) L-​espressjoni “Erġgħu ejjew!” tistaʼ tirreferi għas-​suċċessjoni bla tmiem taʼ ‘ljieli’ li ġejjin fuq Edom. Jew peress li l-​espressjoni tistaʼ tiġi tradotta wkoll “irritornaw,” il-​profeta għandu mnejn qed jissuġġerixxi li l-​Edomin kollha li jridu jiskansaw il-​kundanna tal-​ġens għandhom jindmu u “jirritornaw” lejn Jehovah. Hu x’inhu l-​każ, l-​għassies jistieden iktar stħarriġ.

20. Id-​dikjarazzjoni dokumentata f’Isaija 21:​11, 12 għala hija sinjifikanti għall-​poplu taʼ Jehovah llum?

20 Din id-​dikjarazzjoni qasira kienet tfisser ħafna għan-​nies taʼ Jehovah fi żmienna. e Aħna nifhmu li l-​umanità daħlet ’il ġewwa fil-​lejl mudlam peress li hi għamja spiritwalment u mbegħda minn Alla u dan kollu se jwassal għall-​qerda taʼ din is-​sistema t’affarijiet. (Rumani 13:12; 2 Korintin 4:4) Matul dan iż-​żmien tal-​lejl, kwalunkwe tnemnim taʼ tama li l-​umanità tistaʼ b’xi mod iġġib il-​paċi u s-​sigurtà, huwa bħal dak it-​tnemnim qarrieq tas-​sebħ li jiġi segwit biss minn żminijiet jerġaʼ iktar mudlama. Sebħ ġenwin huwa riesaq—is-​sebħ tar-​Renju Millennjali taʼ Kristu għal fuq din l-​art. Imma sakemm idum il-​lejl, irridu nsegwu t-​tmexxija tal-​klassi taʼ l-​għassies billi nishru spiritwalment u nħabbru bil-​kuraġġ li t-​tmiem taʼ din is-​sistema korrotta t’affarijiet hu viċin.—1 Tessalonikin 5:6.

Il-​Lejl Jiġi fuq il-​Pjanura tad-​Deżert

21. (a) Liema logħba bil-​kliem tistaʼ tkun intenzjonata fil-​frażi “pjanura tad-​deżert”? (b) X’inhuma l-​karwani tad-​Dedanin?

21 Id-​dikjarazzjoni finali taʼ Isaija kapitlu 21 hija mmirata kontra “l-​pjanura tad-​deżert.” Din tibda hekk: “Oraklu fuq l-​Għarabja [“l-​pjanura tad-​deżert,” “NW”]: Fil-​masġar, fid-​deżert għaddu l-​lejl, intom karwani tad-​Dedanin!” (Isaija 21:13) Il-​pjanura tad-​deżert li ssir referenza għaliha hija b’mod evidenti l-​Għarabja, għax id-​dikjarazzjoni hija mmirata lejn għadd taʼ tribujiet Għarab. Il-​kelma għal “pjanura tad-​deżert” kultant tiġi tradotta “lejla,” kelma simili ferm bl-​Ebrajk. Xi wħud jissuġġerixxu li din hija logħba bil-​kliem, bħallikieku lejla mudlama—żmien taʼ inkwiet—se tiġi dalwaqt fuq dan ir-​reġjun. Id-​dikjarazzjoni tiftaħ b’xena matul il-​lejl li fiha jidhru karwani tad-​Dedanin, tribù Għarbi prominenti. Dawn il-​karwani jsegwu rotot tan-​negozju minn oasi tad-​deżert għal ieħor, iġorru ħwawar, perli, u teżori oħrajn. Imma hawnhekk narawhom jiġu sforzati joħorġu minn triqithom ħalli jqattgħu l-​iljieli mistoħbijin. Għala?

22, 23. (a) Liema tagħbija li tfarrak waslet biex tiġi fuq it-​tribujiet Għarab, u b’liema effett fuqhom? (b) Dan id-​diżastru kemm se jiġi malajr, u minn taħt idejn min?

22 Jispjega Isaija: “Ilqgħu lill-​għatxanin, ġibulhom l-​ilma, intom li tgħammru f’art Tema, ilqgħu bil-​ħobż il-​maħrubin. Għax minn quddiem ix-​xabla ħarbu, minn quddiem xabla misluta, minn quddiem il-​qaws miġbud, minn quddiem il-​qilla tal-​battalja.” (Isaija 21:​14, 15) Iva, it-​tagħbija li tfarrak tal-​battalja se tiġi fuq dawn it-​tribujiet Għarab. Tema, li tinsab f’wieħed mill-​iktar oasi li huma msoqqijin sewwa fir-​reġjun, tiġi mġagħla ġġib l-​ilma u l-​ħobż lir-​refuġjati sfortunati tal-​battalja. Meta se jiġi dan l-​inkwiet?

23 Ikompli Isaija: “Għax dan qalli Sidi: ‘Fi żmien sena, kif jgħoddu s-​snin taʼ ħaddiem mikri, ikun għab is-​sebħ kollu taʼ Kedar. U ftit li xejn jifdal mill-​arċieri qalbiena taʼ Kedar. Għax tkellem il-​Mulej, Alla taʼ Iżrael.’” (Isaija 21:​16, 17) Kedar hija tribù tant prominenti li kultant tintuża biex tirrappreżenta l-​Għarabja kollha kemm hi. Jehovah qatagħha li l-​arċiera u l-​irġiel qalbenin taʼ dan it-​tribù se jonqsu fl-​għadd għal sempliċi fdal. Meta? “Fi żmien sena,” mhux iktar, sewwa sew bħalma ħaddiem mikri ma jaħdimx iktar mill-​ammont taʼ ħin li hu mħallas għalih. Preċiżament kif twettaq dan kollu huwa inċert. Żewġ ħakkiema Assirjani—Sargon II u Sanħerib—ħadu l-​kredtu talli ġabu taħt idejhom l-​Għarabja. Xi wieħed minnhom setaʼ ġab fix-​xejn lil dawn it-​tribujiet Għarab kburin, bħalma tbassar.

24. Kif nistgħu nkunu ċerti li l-​profezija taʼ Isaija kontra l-​Għarabja twettqet?

24 Madankollu, nistgħu nkunu ċerti li din il-​profezija twettqet sa l-​iċken dettall. Xejn ma jistaʼ jsaħħaħ iktar dak il-​punt mill-​kliem konklużiv tad-​dikjarazzjoni: “Għax tkellem il-​Mulej, Alla taʼ Iżrael.” Għan-​nies fi żmien Isaija, ma tantx kien jidher li hemm ċans li Babilonja tissupera lill-​Assirja u mbagħad titwaqqaʼ mill-​poter matul ix-​xalar sfrenat taʼ lejla waħda. Bl-​istess mod, ma tantx kien jidher li hemm ċans li Edom, tant setgħana, se tispiċċa fis-​skiet tal-​mewt jew li lejl taʼ tbatija u ċaħda se jiġi fuq it-​tribujiet Għarab għanjin. Imma Jehovah jgħid li hekk se jiġri, u hekk iseħħ. Illum, Jehovah jgħidilna li l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza se jiġi fix-​xejn. Din m’hijiex biss xi possibbiltà, hija ċertezza. Jehovah nnifsu qalha!

25. Kif nistgħu nimitawh l-​eżempju taʼ l-​għassies?

25 Mela, ejja nkunu bħall-​għassies. Ejja nibqgħu dejjem għassa, bħallikieku stazzjonati fuq torri taʼ l-​għassa għoli ferm, niflu x-​xefaq għal xi sinjal taʼ periklu li riesaq. Ejja nissieħbu mill-​qrib mal-​klassi taʼ l-​għassies leali, il-​Kristjani midlukin li baqaʼ fuq l-​art illum. Ejja ningħaqdu magħhom f’li nxandru bil-​kuraġġ eżattament dak li naraw—l-​evidenza abbundanti li Kristu qed jaħkem fis-​sema; li hu dalwaqt se jġib fi tmiem il-​lejl twil u mudlam li għamlet l-​umanità mbegħda minn Alla; u li wara dan se jġib is-​sebħ veru, ir-​Renju Millennjali għal fuq art magħmula ġenna!

[Noti taʼ taħt]

a Ċiru, is-​Sultan Persjan, kultant kien jingħata t-​titlu “Sultan taʼ Anzan”—Anzan kien reġjun jew belt f’Għelam. L-​Iżraelin taʼ żmien Isaija—it-​tmien seklu Q.E.K.—forsi ma kinux familjari mal-​Persja, mentri żgur kienu jafu b’Għelam. Dan jistaʼ jispjega għala Isaija hawnhekk isemmi lil Għelam minflok lil Persja.

b Ħafna kummentaturi tal-​Bibbja jaħsbu li l-​kliem “idilku t-​tarki” jirreferi għad-​drawwa militari antika li t-​tarki tal-​ġild jindilku biż-​żejt qabel il-​battalja sabiex il-​biċċa l-​kbira tad-​daqqiet jiżolqu minn fuqhom. Waqt li din hija interpretazzjoni aċċettabbli, għandu jiġi notat li fil-​lejl meta waqgħet il-​belt, il-​Babiloniżi bilkemm kellhom ħin biex jiġġieldu, aħseb u ara biex jippreparaw għall-​battalja billi jidilku t-​tarki tagħhom!

c Il-profezija taʼ Isaija rigward il-​waqgħa taʼ Babilonja tant hi eżatta li xi kritiċi tal-​Bibbja ħarġu bit-​teorija li l-​profezija bilfors li nkitbet wara li seħħet il-​ġrajja. Imma bħalma jinnota l-​istudjuż Ebrew F. Delitzsch, din l-​ispekulazzjoni m’hijiex bżonnjuża jekk naċċettaw il-​fatt li profeta jistaʼ jkun ispirat biex ibassar ġrajjiet mijiet taʼ snin bil-​quddiem.

d Ara Revelation​—Its Grand Climax At Hand!, paġni 164-9.

e Matul l-​ewwel 59 sena tagħha, ir-​rivista Watchtower kellha l-​iskrittura taʼ Isaija 21:11 fuq il-​qoxra tagħha. L-​istess skrittura pprovdiet it-​tema għall-​aħħar priedka miktuba taʼ Charles T. Russell, l-​ewwel president tal-​Watch Tower Society. (Ara l-​istampa fil-​paġna preċedenti.)

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 219]

Ħa “jieklu u jixorbu”

[Stampa f’paġna 220]

L-​għassies ‘għajjat bħal iljun’

[Stampa f’paġna 222]

‘Jien qiegħed wieqaf binhar dejjem, u l-​iljieli kollha’