Il-Qima Vera Tinfirex mad-Dinja Kollha
Kapitlu Wieħed u Għoxrin
Il-Qima Vera Tinfirex mad-Dinja Kollha
1. Isaija kapitlu 60 fih liema messaġġ inkuraġġanti?
KAPITLU 60 taʼ Isaija huwa miktub bħala dramm li jqanqlek. Fl-ewwel versi, l-attenzjoni tagħna tinġibed lejn xena kommoventi. Sensiela taʼ ġrajjiet isseħħ b’għaġla kbira, waħda wara l-oħra, u din twassalna għal tmiem kommoventi. Il-kapitlu jiddeskrivi bi kliem ħaj kif il-qima vera ġiet stabbilita mill-ġdid f’Ġerusalemm tal-qedem u kif infirxet mad-dinja kollha llum. Iktar minn hekk, jiġbdilna l-attenzjoni lejn il-barkiet eterni li hemm maħżunin għall-adoraturi leali kollha t’Alla. Kull wieħed minna jistaʼ jkollu parti fit-twettiq taʼ din is-silta ferm interessanti mill-profezija taʼ Isaija. Għalhekk, ejja neżaminawha bir-reqqa.
Dawl Jiddi fid-Dlam
2. Liema kmand jingħata lil waħda mara li hi mixħuta fid-dlam, u għala huwa urġenti li hi tobdi?
2 L-ewwel kliem taʼ dan il-kapitlu taʼ Isaija huwa indirizzat lil waħda mara li tinsab f’ċirkustanzi taʼ swied il-qalb. B’mod evidenti, tinsab mixħuta minn tulha maʼ l-art fid-dlam. F’daqqa waħda, dawl jinfed id-dlam hekk kif Jehovah, permezz taʼ Isaija, jgħajjat: “Qum [“O mara,” “NW”]! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!” (Isaija 60:1) Iva, il-“mara” għandha tqum bil-wieqfa u tirrifletti l-glorja t’Alla! Din għala hija kwistjoni t’urġenza? Tkompli l-profezija: “Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli: iżda fuqek jiddi l-Mulej, u sebħu jfiġġ fuqek.” (Isaija 60:2) Il-“mara” trid ‘tiddi’ għall-benefiċċju taʼ dawk taʼ madwarha li għadhom iteftfu fid-dlam. X’se jkun ir-riżultat? “Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek, u s-slaten fid-dija taʼ sbiħek.” (Isaija 60:3) Dan l-ewwel kliem jipprovdi s-sugu taʼ dak li se jiġi spjegat f’iktar dettall fil-versi li ġejjin—il-qima vera trid tinfirex mad-dinja kollha!
3. (a) Min hi l-“mara”? (b) Il-“mara” għala kienet mixħuta fid-dlam?
3 Għalkemm qiegħed jitkellem dwar ġrajjiet li għad iridu jseħħu, Jehovah lil din il-“mara” jgħidilha li d-dawl tagħha “wasal.” Dan jenfasizza kemm hi ħaġa ċerta li l-profezija se titwettaq. Il-“mara” li ssir referenza għaliha hawnhekk hija Sijon, jew Ġerusalemm, il-belt kapitali taʼ Ġuda. (Isaija 52:1, 2; 60:14) Il-belt tirrappreżenta lill-ġens kollu kemm hu. Fi żmien l-ewwel twettiq taʼ din il-profezija, il-“mara” tinsab mixħuta fid-dlam, fejn ilha minn meta nqerdet Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K. Madankollu, fis-sena 537 Q.E.K., fdal leali taʼ Lhud eżiljati jirritorna lejn Ġerusalemm u jistabbilixxi mill-ġdid il-qima safja. Sa fl-aħħar, Jehovah jġiegħel li dawl jiddi fuq il-“mara” tiegħu, u n-nies tiegħu li nħelsu mill-jasar isiru sors taʼ tidwil fost il-ġnus li jinsabu fid-dlam spiritwalment.
Twettiq Akbar
4. Illum, min jirrappreżenta lill-“mara” fuq l-art, u l-kliem profetiku għal min japplika wkoll?
4 L-interess li għandna f’dan il-kliem profetiku ma jinkludix biss it-twettiq tiegħu fuq Ġerusalemm tal-qedem. Illum, il-“mara” li Jehovah għandu fis-sema hija rappreżentata fuq l-art mill-“Iżrael taʼ Alla.” (Galatin 6:16) Matul il-perijodu taʼ l-eżistenza tiegħu, minn Pentekoste tas-sena 33 E.K. s’issa, dan il-ġens spiritwali sar jinkludi total taʼ 144,000 membru midluk bl-ispirtu, “il-mifdija mill-art” li għandhom il-prospett li jaħkmu maʼ Kristu fis-sema. (Apokalissi 14:1, 3) Fi żmienna, it-twettiq taʼ Isaija kapitlu 60 jiċċentra fuq dawk mill-144,000 li huma ħajjin fuq l-art matul “l-aħħar tad-dinja.” (2 Timotju 3:1) Il-profezija tapplika wkoll għal sħab dawn il-Kristjani midlukin, il-“kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra.”—Apokalissi 7:9; Ġwann 10:11, 16.
5. Il-membri taʼ l-Iżrael t’Alla li kienu għadhom ħajjin meta sabu ruħhom mixħutin fid-dlam, u d-dawl taʼ Jehovah meta idda fuqhom?
5 Għal perijodu qasir fil-bidu tas-seklu 20, dawk mill-Iżrael t’Alla li kienu għadhom fuq l-art sabu ruħhom mixħutin minn tulhom fid-dlam, biex ngħidu hekk. Meta l-ewwel gwerra dinjija kienet waslet biex tispiċċa, huma kienu f’sitwazzjoni li hi deskritta b’mod simboliku fil-ktieb taʼ l-Apokalissi—l-iġsma mejtin tagħhom mixħutin “fil-pjazza tal-Belt il-Kbira, li jsejjħulha b’tixbiha Sodoma u Eġittu.” (Apokalissi 11:8) Madankollu, fl-1919 Jehovah xeħet id-dawl tiegħu fuqhom. Għal dan huma qamu bil-wieqfa u rriflettew id-dawl t’Alla, billi bla biżaʼ xandru l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla.—Mattew 5:14-16; 24:14.
6. Id-dinja in ġenerali kif irreaġixxiet meta xxandret il-preżenza rjali taʼ Ġesù, imma min inġibed lejn id-dawl taʼ Jehovah?
6 Il-bnedmin in ġenerali, billi huma influwenzati minn Satana, il-kap tal-“Prinċpijiet taʼ din id-dinja taʼ dlamijiet,” irrifjutawha l-aħbar dwar il-preżenza rjali taʼ Ġesù Kristu, “id-dawl tad-dinja.” (Efesin 6:12; Ġwann 8:12; 2 Korintin 4:3, 4) Minkejja dan, miljuni sħaħ inġibdu lejn id-dawl taʼ Jehovah, inkluż “slaten” (dawk li jsiru werrieta midlukin tas-Saltna tas-sema) u “ġnus” (il-kotra kbira taʼ nagħaġ oħra).
Iż-Żjieda Ġġib Ferħ mill-Qalb
7. Il-“mara” liema dehra inkuraġġanti tara?
7 Waqt li jiżviluppa t-tema li nsibu f’Isaija 60:3, Jehovah jagħti kmand ieħor lill-“mara”: “Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara.” Meta l-“mara” tismaʼ minnu, tara quddiemha dehra inkuraġġanti—uliedha ġejjin id-dar! “Ilkoll miġbura ġejjin għandek. Uliedek ġejjin mill-bogħod, u [lil] bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.” (Isaija 60:4) Bħala riżultat tax-xandir tas-Saltna mad-dinja kollha li beda fl-1919, eluf taʼ ‘wlied subien u bniet’ midlukin oħrajn żdiedu u ssieħbu maʼ l-Iżrael t’Alla. B’dan il-mod Jehovah ħa passi biex jiġbor l-għadd sħiħ imbassar taʼ 144,000, li se jaħkmu maʼ Kristu.—Apokalissi 5:9, 10.
8. L-Iżrael t’Alla għalfejn kellu raġun jithenna mill-1919 ’l hawn?
8 Din iż-żjieda ġabet hena kbir. “Mbagħad tħares u wiċċek jiddi, u tħabbat u timtela qalbek, għax fuqek taqaʼ l-kotra tal-ġid taʼ l-ibħra, u l-għana tal-ġnus jiġi għandek.” (Isaija 60:5) Il-ġbir tal-midlukin matul is-snin 20 u 30 tas-seklu l-ieħor ġab hena kbir lill-Iżrael t’Alla. Madankollu, dawn kellhom raġuni oħra biex jifirħu. Speċjalment minn nofs is-snin 30 tas-seklu l-ieħor, individwi li darba kienu parti mill-“baħar” taʼ bnedmin imbegħdin minn Alla ħarġu mill-ġnus kollha biex iqimu maʼ l-Iżrael t’Alla. (Isaija 57:20; Ħaggaj 2:7) Dawn l-individwi ma jitilqux biex jaqdu lil Alla, kull wieħed kif jidhirlu hu. Pjuttost, huma jiġu għand il-“mara” t’Alla u jsiru parti mill-merħla magħquda t’Alla. B’riżultat taʼ dan, il-qaddejja kollha t’Alla jieħdu sehem biex il-qima vera tikber u tinfirex.
Ġnus Jiġu bi Ħġarhom Lejn Ġerusalemm
9, 10. Min huma dawk li jidhru ġejjin bi ħġarhom lejn Ġerusalemm, u Jehovah kif jilqagħhom?
9 Waqt li juża tixbih li n-nies taʼ żmien Isaija huma familjari miegħu, Jehovah jiddeskrivi ż-żjieda. Il-“mara,” waqt li tħares mill-post vantaġġuż tagħha fuq il-Muntanja Sijon, l-ewwel tifli x-xefaq tal-lvant. X’tara hemmhekk? “Mrieħel taʼ iġmla għad jgħattuk, l-iġmla żgħar taʼ Midjan u Għefa; lkoll minn Seba jiġu, mgħobbija bid-deheb u l-inċens, u jxandru t-tifħir tal-Mulej.” (Isaija 60:6) Karavani taʼ iġmla li jintużaw minn merkanti li jivvjaġġaw taʼ diversi tribujiet jgħaddu mit-toroq li jwasslu għal Ġerusalemm. (Ġenesi 37:25, 28; Mħallfin 6:1, 5; 1 Slaten 10:1, 2) L-iġmla jinsabu kullimkien, bħal għargħar li jiksi l-pajjiż! Il-karavani jġibu għotjiet taʼ valur, u b’hekk juru li n-negozjanti jiġu b’intenzjonijiet taʼ sliem. Huma jridu jqimu lil Jehovah u jagħtuh l-aħjar li jistgħu joffru.
10 Dawn il-merkanti m’humiex l-uniċi li għaddejjin fit-toroq. “L-imrieħel kollha taʼ Kedar jinġabru fik, u l-kbiex taʼ Nebajot jaqduk.” Iva, tribujiet taʼ rgħajja wkoll qegħdin jivvjaġġaw lejn Ġerusalemm. Huma jiġu b’għotjiet mill-iktar prezzjużi li għandhom—imrieħel taʼ nagħaġ—u joffru ruħhom bħala ministri. Jehovah kif se jilqagħhom? Hu jgħid: “Jilqgħuhom u joffruhom fuq l-artal tiegħi, u jiena nsebbaħ dar il-kobor tiegħi.” (Isaija 60:7) Jehovah jaċċettahom l-għotjiet tagħhom li se jintużaw fil-qima safja.—Isaija 56:7; Ġeremija 49:28, 29.
11, 12. (a) Il-“mara” liema dehra tara hekk kif tħares fiss lejn il-punent? (b) Ħafna għala qegħdin jgħaġġlu lejn Ġerusalemm?
11 Jehovah issa jikkmanda lill-“mara” biex tħares lejn ix-xefaq tal-punent, u jistaqsi: “Min huma dawn li bħal sħab jittajjru, bħal ħamiem lejn il-bejtiet tagħhom?” Jehovah nnifsu jwieġeb: “Għalija jinġabru l-bastimenti tal-gżejjer, bl-iġfna taʼ Tarsis quddiemnett, biex iġibu ’l uliedek mill-bogħod, u magħhom il-fidda u dehebhom, f’ġieħ isem Jaħweh Alla tiegħek, il-Qaddis taʼ Iżrael, għax hu li sebbħek.”—Isaija 60:8, 9.
12 Immaġinak qiegħed bil-wieqfa ħdejn il-“mara,” tħares fiss lejn il-punent għal fuq il-Baħar il-Kbir. X’tara hemmhekk? Fil-bogħod tara sħaba taʼ tikek bojod jiċċaqalqu ħelu ħelu fuq wiċċ l-ilma. Jidhru qishom għasafar, imma hekk kif jersqu iktar qrib, tinduna li huma bastimenti bil-qlugħ miftuħin. Dawn ġew “mill-bogħod.” a (Isaija 49:12) Tant hemm iġfna ġejjin b’ħeffa kbira lejn Sijon li dawn jixbhu lil qatgħa ħamiem sejrin lejn il-barumbara. Il-flotta għala hija mgħaġġla daqshekk? Għax hi ħerqana biex twassal it-tagħbija tagħha t’adoraturi taʼ Jehovah li ġejjin minn portijiet fil-bogħod. Tabilħaqq, dawn kollha li għadhom kif waslu—kemm Iżraelin kif ukoll barranin, mil-lvant jew mill-punent u minn pajjiżi viċin jew fil-bogħod—qegħdin jgħaġġlu lejn Ġerusalemm biex jiddedikaw ruħhom u dak kollu li għandhom lill-isem taʼ Jehovah, Alla tagħhom.—Isaija 55:5.
13. Fi żmienna, min huma l-‘ulied subien u bniet,’ u min huma “l-għana tal-ġnus”?
13 Xi stampa ħajja jagħti Isaija 60:4-9 taż-żjieda li seħħet mad-dinja kollha mindu l-“mara” taʼ Jehovah bdiet tixħet id-dawl fost id-dlam taʼ din id-dinja! L-ewwel ġew l-‘ulied subien u bniet’ taʼ Sijon tas-sema, dawk li saru Kristjani midlukin. Fl-1931 dawn identifikaw ruħhom pubblikament bħala x-Xhieda taʼ Jehovah. Imbagħad sħaba taʼ nies ġwejdin, “l-għana tal-ġnus” u “l-ġid taʼ l-ibħra,” irsistew biex jissieħbu maʼ dawk li kien fadal mill-aħwa taʼ Kristu. b Illum dawn il-qaddejja kollha taʼ Jehovah li ġejjin mill-erbaʼ rkejjen tal-globu u minn kull livell tal-ħajja jissieħbu maʼ l-Iżrael t’Alla biex ifaħħru lil Jehovah, il-Mulej Sovran tagħhom, u biex jgħollu lil ismu bħala l-iktar isem grandjuż fl-univers kollu.
14. Għala jingħad li dawk li għadhom kif waslu ‘jiġu offruti fuq l-artal t’Alla’?
14 Iżda, x’ifisser li dawk li għadhom kif waslu mill-ġnus ‘jiġu offruti fuq l-artal t’Alla’? Sagrifiċċju jitpoġġa fuq l-artal. L-appostlu Pawlu uża espressjoni li tinvolvi sagrifiċċju meta kiteb: “Nitlobkom . . . offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom.” (Rumani 12:1) Il-Kristjani ġenwini huma lesti li jagħtu minnhom infushom. (Luqa 9:23, 24) Huma jiddedikaw il-ħin, l-enerġija, u l-kapaċitajiet tagħhom biex iġibu ’l quddiem il-qima safja. (Rumani 6:13) Meta jagħmlu dan, ikunu qed joffru sagrifiċċji taʼ tifħir aċċettabbli għal Alla. (Lhud 13:15) Kemm huwa inkuraġġanti li miljuni t’adoraturi taʼ Jehovah llum, kemm żgħażagħ kif ukoll xjuħ, poġġew ix-xewqat persunali tagħhom fit-tieni post, wara l-interessi tas-Saltna t’Alla! Dawn juru spirtu ġenwin taʼ ssagrifikar tagħhom infushom.—Mattew 6:33; 2 Korintin 5:15.
Dawk li Għadhom Kif Waslu Jgħinu biex Tinfirex il-Qima Vera
15. (a) Fil-qedem, il-ħniena taʼ Jehovah kif intweriet rigward il-barranin? (b) Fi żmienna, “il-barranin” kif ħadu sehem fit-tisħiħ tal-qima vera?
15 Dawk li għadhom kif waslu joffru kemm il-ġid li għandhom kif ukoll is-servizzi persunali tagħhom biex jappoġġaw lill-“mara” taʼ Jehovah. “Il-barranin jibnulek swarek, u jaqduk is-slaten tagħhom, għax jekk sawwattek fil-qilla tiegħi, fil-ħniena tiegħi jien ħennejt għalik.” (Isaija 60:10) Il-ħniena taʼ Jehovah ntweriet fis-sitt seklu Q.E.K. meta xi barranin għenu fix-xogħol tal-bini f’Ġerusalemm. (Esdra 3:7; Neħemija 3:26) Fit-twettiq akbar taʼ llum, “il-barranin,” il-kotra kbira, jappoġġaw lill-fdal midluk biex isaħħu u jibnu l-qima vera. Huma jgħinu biex jibnu kwalitajiet Kristjani fl-istudenti tal-Bibbja, u b’hekk iqawwu l-kongregazzjonijiet Kristjani u fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah jsaħħu s-‘swar’ bħal dawk li jdawru l-belt. (1 Korintin 3:10-15) Huma jibnu wkoll b’mod letterali, billi jaħdmu iebes fil-bini taʼ Swali tas-Saltna, Swali għall-Assembleat, u djar taʼ Betel. B’hekk, huma jissieħbu maʼ ħuthom il-midlukin biex jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet taʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah li qed tinfirex.—Isaija 61:5.
16, 17. (a) Il-“bibien” taʼ l-organizzazzjoni t’Alla kif inżammu miftuħin? (b) Xi “slaten” kif qdew lil Sijon? (ċ) X’se jiġrilhom dawk li jipprovaw jagħlqu l-“bibien” li Jehovah jixtieq li jitħallew miftuħin?
16 Kull sena bħala riżultat tal-programm taʼ bini spiritwali, mijiet t’eluf taʼ “barranin” jibdew jassoċjaw maʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah, u t-triq għadha miftuħa għal iktar individwi. Jgħid Jehovah: “Il-bibien tiegħek ikunu miftuħin dejjem, lejl u nhar ma jingħalqux, biex jiġi għandek il-ġid tal-ġnus, u s-slaten tagħhom miexja quddiem.” (Isaija 60:11) Iżda, min huma s-“slaten” li mexjin quddiem biex iġibu l-ġid tal-ġnus għand Sijon? Fil-qedem, Jehovah qanqal il-qlub taʼ ċerti ħakkiema biex ‘jaqdu’ lil Sijon. Per eżempju, Ċiru ħa l-inizjattiva biex jibgħat lil-Lhud lura lejn Ġerusalemm ħalli jerġgħu jibnu t-tempju. Iktar tard, Artasersi kkontribwixxa l-mezzi u bagħat lil Neħemija biex jerġaʼ jibni s-swar taʼ Ġerusalemm. (Esdra 1:2, 3; Neħemija 2:1-8) Verament, “qalb is-sultan nixxiegħa ilma f’id il-Mulej.” (Proverbji 21:1) Alla tagħna jistaʼ jqanqal saħansitra lil ħakkiema setgħanin biex jaġixxu fi qbil mar-rieda tiegħu.
17 Fi żmienna ħafna “slaten,” jew awtoritajiet sekulari, ipprovaw jagħlqu l-“bibien” taʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah. Madankollu, kien hemm oħrajn li qdew lil Sijon billi ħadu deċiżjonijiet li għenu biex dawn il-“bibien” jibqgħu miftuħin. (Rumani 13:4) Fl-1919, awtoritajiet sekulari ħelsu lil Joseph F. Rutherford u lil sħabu minn priġunerija inġusta. (Apokalissi 11:13) Gvernijiet umani ‘belgħu’ d-dilluvju taʼ persekuzzjoni li twaddab minn Satana wara li tkeċċa mis-sema. (Apokalissi 12:16) Xi gvernijiet appoġġaw it-tolleranza reliġjuża, kultant speċifikament għan-nom tax-Xhieda taʼ Jehovah. Billi qdew b’dan il-mod, huma għamluha iktar faċli għall-folol taʼ nies ġwejdin biex jgħaddu mill-“bibien” miftuħin u jidħlu fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah. U xi ngħidu għal dawk l-opponenti li jipprovaw jagħlqu dawn il-“bibien”? Qatt ma se jirnexxu. Dwarhom, Jehovah jgħid: “Il-ġens u s-saltna li ma taqdikx tinqered: ġnus bħal dawn jinqerdu għalkollox.” (Isaija 60:12) Se jgħib kulmin jiġġieled kontra l-“mara” t’Alla—kemm jekk ikunu individwi jew organizzazzjonijiet—jekk mhux issa, iktar tard fil-gwerra li ġejja t’Armageddon.—Apokalissi 16:14, 16.
18. (a) Xi tfisser il-wegħda li s-siġar se jiffjorixxu f’Iżrael? (b) Illum x’inhu ‘l-mirfes taʼ riġlejn Jehovah’?
18 Wara din it-twissija taʼ ġudizzju, il-profezija ddur lura għal wegħdi taʼ glorja u prosperità. Waqt li jkellem lill-“mara” tiegħu, Jehovah jgħid: “Ġmiel il-Libanu jiġi għandek, iċ-ċipress u ċ-ċedru u l-bux magħhom, għat-tiżjin tat-tempju mqaddes tiegħi, u għas-sebħ taʼ mirfes riġlejja.” (Isaija 60:13) Siġar kbar iħaddru jissimbolizzaw ġmiel u abbundanza. (Isaija 41:19; 55:13) L-espressjonijiet “tempju mqaddes” u “mirfes riġlejja” f’dan il-vers jirreferu għat-tempju taʼ Ġerusalemm. (1 Kronaki 28:2; Salm 99:5) Madankollu, l-appostlu Pawlu spjega li t-tempju f’Ġerusalemm kien rappreżentazzjoni li fix-xebh tagħha ffigurat bil-quddiem tempju spiritwali akbar, l-arranġament li bih dak li jkun jersaq lejn Jehovah biex iqimu fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Kristu. (Lhud 8:1-5; 9:2-10, 23) Illum Jehovah jigglorifika lil ‘mirfes riġlejh,’ il-btieħi fuq l-art taʼ dan it-tempju spiritwali kbir. Dawn isiru tant attraenti li nies mill-ġnus kollha jinġibdu lejhom biex jieħdu sehem fil-qima vera hemmhekk.—Isaija 2:1-4; Ħaggaj 2:7.
19. L-opponenti x’se jiġu sforzati jirrikonoxxu, u meta, jekk mhux issa, żgur se jagħmluh dan?
19 Issa, waqt li jdawwar l-attenzjoni tiegħu lura lejn l-opponenti, Jehovah jgħid: “Jiġu għandek rashom baxxa wlied dawk li ħaqruk, u jinżlu wiċċhom fl-art quddiemek dawk li żebilħuk, u jsejjħulek: ‘Belt tal-Mulej,’ ‘Sijon tal-Qaddis taʼ Iżrael.’” (Isaija 60:14) Iva, meta jaraw iż-żjieda abbundanti u l-mod taʼ ħajja superjuri li l-barka t’Alla ġġib lin-nies tiegħu, xi opponenti se jiġu mġagħlin ibaxxu rashom u jsejħu lill-“mara.” Jiġifieri, se jiġu sforzati jirrikonoxxu—jekk mhux issa, f’Armageddon żgur—li l-membri tal-fdal midluk u sħabhom verament jirrappreżentaw l-organizzazzjoni li Alla għandu fis-sema, ‘Belt tal-Mulej, Sijon tal-Qaddis taʼ Iżrael.’
Jużaw il-Mezzi Disponibbli
20. Liema bidla kbira sseħħ fiċ-ċirkustanzi tal-“mara”?
20 X’bidla kbira se sseħħ fiċ-ċirkustanzi tal-“mara” taʼ Jehovah! Jgħid Jehovah: “Għax kont mitluqa, u kienu jobogħduk, u ħadd ma kien jgħaddi minnek, nagħmlek kbira għal dejjem u l-għaxqa taʼ kull żmien. Bħal tarbija terdaʼ ħalib il-ġnus, u titmantna minn sider is-slaten, biex tagħraf li jien il-Mulej, is-Salvatur tiegħek, il-Feddej tiegħek, il-Qawwi taʼ Ġakobb.”—Isaija 60:15, 16.
21. (a) Ġerusalemm tal-qedem kif issir “kbira”? (b) Il-qaddejja midlukin taʼ Jehovah liema barkiet gawdew mill-1919 ’l hawn, u kif redgħu “ħalib il-ġnus”?
21 Għal 70 sena sħaħ, Ġerusalemm tal-qedem ma tibqax teżisti, biex ngħidu hekk, ‘ħadd ma jgħaddi minnha.’ Imma mis-sena 537 Q.E.K. ’l quddiem, Jehovah jerġaʼ jimla l-belt bin-nies, u b’hekk jagħmilha “kbira.” B’mod simili, lejn tmiem l-ewwel gwerra dinjija, l-Iżrael t’Alla għadda minn perijodu taʼ tiġrib li fih ħassu ‘mitluq’ għalkollox. Imma fl-1919, Jehovah xtara lura mill-jasar lill-qaddejja midlukin tiegħu, u minn dakinhar ’l hawn berikhom b’żjieda li qatt ma kien hawn bħalha u bi prosperità spiritwali. In-nies tiegħu redgħu “ħalib il-ġnus,” billi użaw xi riżorsi mill-ġnus biex javanzaw il-qima vera. Per eżempju, l-użu għaqli tat-teknoloġija moderna għamilha possibbli li jiġu tradotti u pubblikati Bibbji u letteratura Biblika f’mijiet taʼ lingwi. B’riżultat taʼ dan, mijiet t’eluf kull sena jistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah u jsiru jafu li Jehovah, permezz taʼ Kristu, hu s-Salvatur u l-Feddej tagħhom.—Atti 5:31; 1 Ġwann 4:14.
Progress Organizzazzjonali
22. Jehovah liema tip speċjali taʼ progress iwiegħed?
22 It-tkabbir fl-għadd tan-nies taʼ Jehovah jġib miegħu l-progress organizzazzjonali. Jistqarr Jehovah: “Minflok il-bronż, nġiblek id-deheb; flok il-ħadid, il-fidda; flok l-injam, il-bronż; flok il-ġebel, il-ħadid. U nagħmel is-Sliem it-tmexxija tiegħek, u l-Ġustizzja l-ħakma tiegħek.” (Isaija 60:17) Meta d-deheb jieħu post il-bronż tkun qed titjieb is-sitwazzjoni, u l-istess jgħodd għall-materjali l-oħrajn imsemmijin hawnhekk. Fi qbil maʼ dan, in-nies taʼ Jehovah esperjenzaw arranġamenti organizzazzjonali mtejbin matul l-aħħar jiem.
23, 24. In-nies taʼ Jehovah liema arranġamenti organizzazzjonali mtejbin esperjenzaw mill-1919 ’l hawn?
23 Sa l-1919, l-anzjani u d-djakni fil-kongregazzjonijiet kienu jiġu eletti b’mod demokratiku. Minn dik is-sena, direttur tas-servizz beda jinħatar b’mod teokratiku biex jindokra l-attivitajiet tas-servizz taʼ l-għalqa fil-kongregazzjoni, imma kien hemm każi meta xi anzjani li ġew eletti ħaduha kontra d-direttur tas-servizz. Fl-1932, l-affarijiet inbidlu. Permezz tar-rivista Watchtower, il-kongregazzjonijiet intqalilhom biex ma jibqgħux jaħtru l-anzjani u d-djakni b’elezzjoni. Minflok, kellu jiġi elett kumitat tas-servizz biex jaħdem id f’id mad-direttur tas-servizz. Dan kien titjib kbir.
24 Fl-1938, iddaħħal iktar “deheb” meta ġie stabbilit li l-qaddejja kollha fil-kongregazzjoni kellhom jinħatru b’mod teokratiku. L-amministrazzjoni tal-kongregazzjoni bdiet tiġi fdata f’idejn qaddej tal-kumpanija (iktar tard, qaddej tal-kongregazzjoni) u d-diversi qaddejja li kienu jassistuh, ilkoll maħturin taħt l-indokrar taʼ “l-ilsir leali u diskret.” c (Mattew 24:45-47, NW) Madankollu, fl-1972 kien mifhum li l-metodu Skritturali taʼ kif tiġi indokrata kongregazzjoni huwa permezz taʼ ġemgħa t’anzjani u mhux permezz taʼ raġel wieħed. (Filippin 1:1) Bidliet oħrajn saru kemm fil-kongregazzjoni kif ukoll fil-Ġemgħa li Tiggverna. Eżempju taʼ dan taʼ l-aħħar deher nhar is-7 t’Ottubru, 2000, meta tħabbar li l-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna li kienu qegħdin jaqdu bħala diretturi tal-Watch Tower Society of Pennsylvania u taʼ korporazzjonijiet imseħbin magħha kienu rriżenjaw volontarjament. B’dan il-mod, il-Ġemgħa li Tiggverna, li tirrappreżenta lill-ilsir leali u diskret, tistaʼ tagħti iktar attenzjoni lejn li tieħu ħsieb l-indokrar spiritwali tal-kongregazzjoni t’Alla u l-imseħbin tagħha, in-nagħaġ oħra. (Atti 20:28) Dawn l-arranġamenti kollha kienu titjib. Saħħew l-organizzazzjoni taʼ Jehovah u bierku lill-adoraturi tiegħu.
25. Min kien hemm wara l-progress organizzazzjonali tan-nies taʼ Jehovah, u dawn liema benefiċċji ħasdu?
25 Min kien hemm wara dan it-titjib? Sar dan minħabba l-abbiltà organizzazzjonali jew il-moħħ intelliġenti taʼ xi bnedmin? Le, għax Jehovah qal: “Inġiblek id-deheb.” Dan il-progress kollu huwa r-riżultat taʼ gwida divina. Hekk kif in-nies taʼ Jehovah jissottomettu ruħhom għall-gwida tiegħu u jagħmlu xi aġġustamenti, dawn jaħsdu l-benefiċċji. Is-sliem isaltan fosthom, u l-imħabba għat-tjieba ġġagħalhom jaqduh.
26. Liema marka li tidentifika lill-Kristjani veri tiġi notata saħansitra minn dawk li jopponu?
26 Is-sliem li jagħti Alla kapaċi jġib bidla kbira. Jehovah jwiegħed: “Ma tinstemax aktar dnewwa f’artek, u ħerba u qerda fi trufijietek; swarek jissejjħu: ‘Ħelsien,’ u bwiebek: ‘Foħrija.’” (Isaija 60:18) Kemm hu veru dan! Anki dawk li jopponu jammettu li s-sliem huwa marka li tispikka fost il-Kristjani veri. (Mikea 4:3) Permezz taʼ dan is-sliem m’Alla u fost ix-Xhieda taʼ Jehovah nfushom, kull post fejn jiltaqgħu dawn il-Kristjani jsir bħal oasi rifreskanti f’dinja vjolenti. (1 Pietru 2:17) Hawnhekk qegħdin iduqu bil-quddiem l-abbundanza taʼ sliem li se jkun hemm meta l-abitanti kollha taʼ l-art se jkunu “mgħallma mill-Mulej.”—Isaija 11:9; 54:13.
Id-Dawl Glorjuż taʼ l-Approvazzjoni Divina
27. Liema dawl kontinwu jiddi fuq il-“mara” taʼ Jehovah?
27 Il-qawwa tad-dawl li jiddi fuq Ġerusalemm hija deskritta minn Jehovah meta jgħid: “Ma ddawwlekx aktar ix-xemx binhar, u lanqas jiddi għalik il-qamar billejl, għax il-Mulej ikunlek id-dawl għal dejjem u Alla tiegħek ikun sebħek. Ma tinżilx aktar ix-xemx għalik u lanqas jgħib il-qamar, għax il-Mulej ikun id-dawl tiegħek għal dejjem u jintemmu l-jiem tal-vistu tiegħek.” (Isaija 60:19, 20) Jehovah se jkompli jkun ‘dawl għal dejjem’ għall-“mara” tiegħu. Hu qatt ma ‘jinżel’ bħax-xemx jew “jgħib” bħall-qamar. d Id-dawl kontinwu t’approvazzjoni tiegħu jiddi fuq il-Kristjani midlukin, ir-rappreżentanti umani tal-“mara” t’Alla. Huma, flimkien mal-kotra kbira, igawdu ħuġġieġa tant kbira taʼ dawl spiritwali li ebda dlam fix-xena politika jew ekonomika tad-dinja ma jistaʼ jbattiha. U għandhom fiduċja fil-futur jiddi li Jehovah poġġa quddiemhom.—Rumani 2:7; Apokalissi 21:3-5.
28. (a) X’inhu mwiegħed dwar l-abitanti taʼ Ġerusalemm li jiġu lura? (b) Il-Kristjani midlukin x’wirtu fl-1919? (ċ) It-twajbin għal kemm żmien se jirtuha l-art?
28 Dwar l-abitanti taʼ Ġerusalemm, Jehovah jissokta jgħid: “Kulħadd ikun ġust fil-poplu tiegħek u jirtu l-art għal dejjem [“għal żmien indefinit,” “NW”]; huma xitla li jien ħawwilt, xogħol idejja għal foħriti.” (Isaija 60:21) Meta l-Iżraelin naturali ġew lura minn Babilonja, ‘wirtu l-art.’ Imma f’dan il-każ, iż-“żmien indefinit” kien sa l-ewwel seklu E.K. meta l-eżerċti Rumani qerdu lil Ġerusalemm u l-istat Lhudi. Fl-1919, il-membri tal-fdal taʼ Kristjani midlukin ħarġu mill-jasar spiritwali u wirtu art spiritwali. (Isaija 66:8) Din l-art, jew qasam t’attività, hija mmarkata bi prosperità spiritwali bħal ġenna li mhix se tbatti. Kuntrarju għal Iżrael tal-qedem, Iżrael spiritwali bħala ġemgħa mhux se jkun infidil. Iktar minn hekk, il-profezija taʼ Isaija se jkollha wkoll twettiq materjali meta l-art issir ġenna taʼ l-art letterali li tkun mimlija bi “sliem kotran.” Imbagħad it-twajbin li għandhom it-tama li jgħixu fuq l-art se jirtu l-art għal dejjem.—Salm 37:11, 29.
29, 30. “L-iżgħar” kif sar “elf”?
29 Fit-tmiem taʼ Isaija kapitlu 60 nistgħu nsibu wegħda solenni, li Jehovah jiggarantixxi b’ismu stess, meta jgħid: “L-iżgħar fostkom isir tribù [“elf,” “KŻ”] u l-iċken isir ġens qawwi. Jien il-Mulej, li nfittex nagħmel dan kollu f’waqtu.” (Isaija 60:22) Meta l-midlukin li kienu mxerrdin reġgħu saru attivi fl-1919, huma kienu “l-iżgħar.” e Imma l-għadd tagħhom immoltiplika hekk kif iddaħħlu l-Iżraelin spiritwali li kien fadal. U ż-żjieda saret fenomenali meta bdiet tinġabar il-kotra kbira.
30 Fi żmien qasir, is-sliem u t-tjieba li kienu jeżistu fost il-poplu t’Alla ġibdu lil tant nies taʼ qalb onesta li “l-iżgħar” letteralment kiber u sar “ġens qawwi.” Bħalissa, il-ġens fih iktar nies minn għadd konsiderevoli taʼ stati sovrani fid-dinja. B’mod ċar, permezz taʼ Ġesù Kristu, Jehovah dderieġa x-xogħol tas-Saltna u ħaffiflu l-pass. Kemm hu kommoventi li tara l-qima vera tinfirex mad-dinja kollha u li jkollok sehem f’dan! Iva, tħoss ferħ meta tirrealizza li din iż-żjieda tigglorifika lil Jehovah, li pprofetizza dawn l-affarijiet żmien twil ilu.
[Noti taʼ taħt]
a X’aktarx li Tarsis kienet tinsab fil-post li llum huwa magħruf bħala Spanja. Madankollu, skond xi kotba taʼ referenza, l-espressjoni “iġfna taʼ Tarsis” tirreferi għat-tip taʼ iġfna—“iġfna b’arbli għoljin li jsalpaw fl-oċeani”—li kienu “jifilħu għall-baħar biex jivvjaġġaw lejn Tarsis,” fi kliem ieħor, iġfna li kienu meqjusin bħala addattati biex jagħmlu vjaġġi twal lejn portijiet fil-bogħod.—1 Slaten 22:49 [22:48, NW].
b Waqt li qabel l-1930 kien hemm Kristjani attivi u żelużi li kellhom it-tama li jgħixu fuq l-art u li kienu assoċjati maʼ l-Iżrael t’Alla, madankollu l-għadd tagħhom beda jiżdied b’mod evidenti fis-snin 30 tas-seklu l-ieħor.
c Dak iż-żmien, il-kongregazzjonijiet lokali kienu jissejħu kumpaniji.
d L-appostlu Ġwanni juża lingwaġġ simili meta jiddeskrivi lil “Ġerusalemm il-ġdida,” il-144,000 fil-glorja tas-sema. (Apokalissi 3:12; 21:10, 22-26) Dan huwa xieraq, għax “Ġerusalemm il-ġdida” tirrappreżenta lill-membri kollha taʼ l-Iżrael t’Alla wara li jirċievu l-premju tagħhom fis-sema, u b’hekk, flimkien maʼ Ġesù Kristu, isiru l-parti prinċipali tal-“mara” t’Alla, “Ġerusalemm taʼ fuq.”—Galatin 4:26.
e Fl-1918 l-għadd medju taʼ dawk li ħadu sehem fl-ippridkar tal-kelma kull xahar kien inqas minn 4,000.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 305]
Il-“mara” tiġi kmandata biex ‘tqum’
[Stampa f’paġna 312, 313]
“L-iġfna taʼ Tarsis” iġorru t-tagħbija tagħhom t’adoraturi taʼ Jehovah