It-Tjieba Tinbet f’Sijon
Kapitlu Tnejn u Għoxrin
It-Tjieba Tinbet f’Sijon
1, 2. Liema bidla se sseħħ dalwaqt f’Iżrael, u bis-saħħa taʼ min se sseħħ?
ĦA TIXXANDAR il-libertà! Jehovah qatagħha li jeħles lin-nies tiegħu u jibgħathom lura lejn pajjiż l-antenati tagħhom. Il-qima vera se terġaʼ titfaċċa, bħal żerriegħa li tinbet wara bexxa xita. Meta jasal dak il-jum, id-disprament se jinbidel f’tifħir ferrieħi, u l-irjus li qabel kienu mgħottijin bl-irmied tan-niket se jiġu inkurunati bl-approvazzjoni divina.
2 Bis-saħħa taʼ min se sseħħ din il-bidla meraviljuża? Jehovah biss jistaʼ jagħmel ħaġa bħal din. (Salm 9:20, 21 [9:19, 20, NW]; Isaija 40:25) Il-profeta Sofonija kkmanda b’mod profetiku: “Għajjat bil-ferħ taʼ qalbek, bint Sijon, Iżrael, sammaʼ leħnek! Infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha, bint Ġerusalemm! Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza li kellek kontrik.” (Sofonija 3:14, 15) Xi żmien taʼ ferħ se jkun dan! Meta Jehovah jġib lura lill-fdal mifdi minn Babilonja fis-sena 537 Q.E.K., dan se jkun bħal ħolma li saret realtà.—Salm 126:1.
3. Il-kliem profetiku taʼ Isaija kapitlu 61 kemm-il twettiq għandu?
3 Dan it-tiġdid huwa mbassar f’Isaija kapitlu 61. Madankollu, waqt li huwa ċar li din il-profezija twettqet fis-sena 537 Q.E.K., titwettaq b’dettall akbar f’perijodu li kien se jiġi iktar tard. It-twettiq iktar dettaljat jinvolvi lil Ġesù u lis-segwaċi tiegħu fl-ewwel seklu u lill-poplu taʼ Jehovah fi żmienna. Għalhekk, kemm hu sinifikanti dan il-kliem ispirat!
“Is-Sena tal-Grazzja”
4. Min hu inkarigat biex iwassal bxara tajba fl-ewwel twettiq taʼ Isaija 61:1, u min fit-tieni?
4 Jikteb Isaija: “L-ispirtu taʼ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, bagħatni ndewwi l-qalb miksura; biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs.” (Isaija 61:1) Min hu inkarigat biex iwassal il-bxara t-tajba? X’aktarx li fl-ewwel twettiq huwa Isaija, li hu ispirat minn Alla biex jikteb bxara tajba għall-imjassrin li jinsabu f’Babilonja. Madankollu, Ġesù indikalna l-iktar twettiq importanti meta l-kliem taʼ Isaija applikah għalih innifsu. (Luqa 4:16-21) Iva, Ġesù ntbagħat biex jgħid bxara tajba lill-ġwejdin, u għal dan l-għan ġie midluk bl-ispirtu qaddis fil-magħmudija tiegħu.—Mattew 3:16, 17.
5. Min ippriedkaha l-bxara t-tajba għal xi 2,000 sena?
5 Iktar minn hekk, Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex ikunu evanġelizzaturi, jew predikaturi tal-bxara t-tajba. Nhar Pentekoste tas-sena 33 E.K., madwar 120 minn dawn ġew midlukin bl-ispirtu qaddis u saru wlied spiritwali t’Alla. (Atti 2:1-4, 14-42; Rumani 8:14-16) Dawn ukoll kienu inkarigati biex iwasslu l-bxara t-tajba lill-ġwejdin u lil dawk b’qalbhom maqsuma. Dawn il-120 kienu l-ewwel minn 144,000 li ġew midlukin b’dan il-mod. L-aħħar membri minn dan il-grupp għadhom attivi fuq l-art illum. Għaldaqstant, għal madwar 2,000 sena, is-segwaċi midlukin taʼ Ġesù kienu qed jagħtu xiehda lin-nies biex “jindmu u jduru lejn Alla u jemmnu fil-Mulej tagħna Ġesù.”—Atti 20:21.
6. Min irċieva serħan meta semaʼ l-bxara t-tajba pridkata fil-qedem, u xi ngħidu għal-lum?
6 Il-messaġġ ispirat taʼ Isaija ġabilhom serħan lil-Lhud li nidmu f’Babilonja. Fi żmien Ġesù u d-dixxipli tiegħu, dan il-messaġġ ġab serħan lil-Lhud li kienu qalbhom maqsuma minħabba l-ħażen li kien hemm f’Iżrael u kienu mifnijin fil-jasar minħabba t-tradizzjonijiet reliġjużi foloz tal-Ġudaiżmu fl-ewwel seklu. (Mattew 15:3-6) Illum miljuni sħaħ fil-Kristjaneżmu li qegħdin maqbudin fi drawwiet pagani u tradizzjonijiet li jiddiżonoraw lil Alla qegħdin “jitniehdu u jitbikkew” minħabba l-qżiżijiet li jsiru f’din is-sistema reliġjuża. (Eżekjel 9:4) Dawk li jwieġbu għall-bxara t-tajba jiġu meħlusin minn dan l-istat tal-biki. (Mattew 9:35-38) L-għajnejn tal-fehma jinfetħulhom beraħ meta jitgħallmu jqimu lil Jehovah “fl-ispirtu u l-verità.”—Ġwann 4:24.
7, 8. (a) X’inhuma ‘s-sentejn tal-grazzja’? (b) X’inhuma ‘jiem il-vendetta’ taʼ Jehovah?
7 Hemm skeda għall-ippridkar tal-bxara t-tajba. Ġesù u s-segwaċi tiegħu kienu inkarigati: ‘Niedu s-sena tal-grazzja tal-Mulej, u jum il-vendetta taʼ Alla tagħna; biex tfarrġu lill-imnikktin.’ (Isaija 61:2) Sena hija żmien twil, imma għandha bidu kif ukoll tmiem. “Is-sena tal-grazzja” taʼ Jehovah hija l-perijodu li fih jagħti lill-ġwejdin l-opportunità li jwieġbu meta hu jxandar il-ħelsien.
8 Fl-ewwel seklu, is-sena tal-grazzja għall-ġens Lhudi bdiet fis-sena 29 E.K. meta Ġesù ta bidu għall-ministeru tiegħu fuq l-art. Hu qal lil-Lhud: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.” (Mattew 4:17) Din is-sena tal-grazzja damet sa “jum il-vendetta” taʼ Jehovah, li laħaq il-quċċata tiegħu fis-sena 70 E.K. meta Jehovah ppermetta lill-eżerċti Rumani jeqirdu lil Ġerusalemm u t-tempju tagħha. (Mattew 24:3-22) Illum aħna qegħdin ngħixu f’sena tal-grazzja oħra, li bdiet fl-1914 meta s-Saltna t’Alla ġiet stabbilita fis-smewwiet. Din is-sena tal-grazzja se tintemm b’jum il-vendetta ieħor li se jkun iktar mifrux meta Jehovah jġib il-qerda taʼ din is-sistema t’affarijiet dinjija kollha kemm hi fit-“tribulazzjoni l-kbira.”—Mattew 24:21, NW.
9. Illum min jibbenefika mis-sena tal-grazzja taʼ Jehovah?
9 Illum min jibbenefika mis-sena tal-grazzja t’Alla? Dawk li jaċċettaw il-messaġġ, juru li huma ġwejdin, u jappoġġaw biż-żelu x-xandir tas-Saltna t’Alla fil-“ġnus kollha.” (Mark 13:10) Dawn l-individwi jsibu li l-bxara t-tajba verament tfarraġhom. Madankollu, dawk li ma jaċċettawx il-messaġġ, u b’hekk ma jiħdux vantaġġ mis-sena tal-grazzja taʼ Jehovah, dalwaqt se jkollhom jiffaċċjaw ir-realtà taʼ jum il-vendetta tiegħu.—2 Tessalonikin 1:6-9.
Frott Spiritwali li Jigglorifika lil Alla
10. Il-Lhud li jirritornaw minn Babilonja kif inhuma effettwati mill-att kbir taʼ Jehovah għan-nom tagħhom?
10 Il-Lhud li jirritornaw minn Babilonja jirrealizzaw li Jehovah wettaq att kbir għan-nom tagħhom. In-niket tagħhom bħala lsiera jinbidel f’ferħ u tifħir għaliex fl-aħħarnett jinsabu ħelsin. B’hekk, Isaija jwettaq l-inkarigu profetiku tiegħu, jiġifieri, ‘biex iferraħ lil dawk li jibku f’Sijon, jagħtihom kuruna flok irmied, żejt tal-ferħ flok l-ilbies tal-vistu, l-għana tal-foħrija flok ruħ mitluqa. Isejħulhom ballut tas-sewwa, mħawla mill-Mulej għal foħritu.’—Isaija 61:3.
11. Fl-ewwel seklu min kellu raġuni tajba biex ifaħħar lil Jehovah għall-att kbir tiegħu?
11 Fl-ewwel seklu, il-Lhud li aċċettaw il-ħelsien mill-jasar tar-reliġjon falza wkoll faħħru lil Alla għall-att kbir tiegħu għan-nom tagħhom. L-ispirtu mitluq tagħhom inbidel f’“għana tal-foħrija” meta bħala ġens ma baqgħux mejtin spiritwalment. Id-dixxipli taʼ Ġesù kienu l-ewwel li esperjenzaw bidla bħal din meta n-niket tagħhom minħabba mewtu nbidel f’ferħ meta ġew midlukin bl-ispirtu qaddis mill-Mulej irxoxtat tagħhom. F’qasir żmien, bidla simili kienet esperjenzata minn 3,000 ruħ oħra, li kienu ġwejdin. Huma wieġbu għall-ippridkar taʼ dawn il-Kristjani, li kien għadhom kif ġew midlukin, u tgħammdu nhar Pentekoste tas-sena 33 E.K. (Atti 2:41) Kemm ħassewhom ferħanin, fiduċjużi li kellhom il-barka taʼ Jehovah! Minflok ma “jibku f’Sijon,” irċivew l-ispirtu qaddis u ġew rifreskati biż-“żejt taʼ ferħ,” li jissimbolizza l-hena taʼ dawk li jitbierku b’mod għani minn Jehovah.—Lhud 1:9.
12, 13. (a) Min kienu l-“ballut tas-sewwa” fost il-Lhud li rritornaw fis-sena 537 Q.E.K.? (b) Min kienu l-“ballut tas-sewwa” minn Pentekoste tas-sena 33 E.K. ’l hawn?
12 Jehovah jbierek lill-poplu tiegħu bil-“ballut tas-sewwa.” Min hu ffigurat minn dan il-ballut? Fis-snin taʼ wara s-sena 537 Q.E.K., kienu individwi li studjaw il-Kelma t’Alla u mmeditaw fuqha u kkultivaw il-livelli taʼ tjieba taʼ Jehovah. (Salm 1:1-3; Isaija 44:2-4; Ġeremija 17:7, 8) Irġiel bħal Esdra, Ħaggaj, Żakkarija, u l-Qassis il-Kbir Ġożwè wrew li kienu “ballut” li jispikka—qalbenin għall-verità u kontra t-tniġġis spiritwali fil-ġens.
13 Minn Pentekoste tas-sena 33 E.K. ’l quddiem, Alla ħawwel “ballut tas-sewwa” simili—Kristjani midlukin kuraġġużi—fil-qasam spiritwali tal-ġens ġdid tiegħu, l-“Iżrael taʼ Alla.” (Galatin 6:16) Matul is-sekli, dawn is-siġar tal-“ballut” saru jgħoddu 144,000. Huma pproduċew frott taʼ tjieba biex isebbħu, jew iġibu glorja, lil Alla Jehovah. (Apokalissi 14:3) L-aħħar uħud minn dawn is-siġar impressjonanti tal-“ballut” iffjorixxew fis-snin taʼ wara l-1919, meta Jehovah reġaʼ ta l-ħajja lill-membri tal-fdal taʼ l-Iżrael t’Alla biex ma jibqgħux inattivi, kif kien ġralhom għal ftit taż-żmien. Billi pprovdielhom provvista abbundanti taʼ ilmijiet spiritwali, Jehovah pproduċa verament foresta taʼ siġar taʼ tjieba li jagħmlu l-frott.—Isaija 27:6.
14, 15. L-adoraturi meħlusin taʼ Jehovah f’liema proġetti ħadu sehem b’seħħ mis-sena (a) 537 Q.E.K.? (b) 33 E.K.? (ċ) 1919?
14 Waqt li jenfasizza x-xogħol taʼ dawn is-siġar tal-“ballut,” Isaija jkompli: “Mill-ġdid għad jibnu l-ħerbiet tal-qedem, itellgħu t-tiġrif taʼ l-imgħoddi, iġeddu l-bliet imġarrfa, meqruda minn żmien twil.” (Isaija 61:4) Taħt id-digriet tas-Sultan Ċiru tal-Persja, il-Lhud leali li rritornaw minn Babilonja bnew mill-ġdid lil Ġerusalemm u t-tempju tagħha, li kienu tħallew ħerba għal żmien twil. Proġetti taʼ tiġdid kellhom ukoll jimmarkaw is-snin taʼ wara s-sena 33 E.K. u l-1919.
15 Fis-sena 33 E.K., id-dixxipli taʼ Ġesù kienu mnikktin ferm meta hu ġie arrestat, interrogat, u maqtul. (Mattew 26:31) Madankollu, il-ħarsa tagħhom inbidlet meta hu dehrilhom wara li ġie rxoxtat. U meta l-ispirtu qaddis ġie msawwab fuqhom, huma daħlu b’ruħhom u b’ġisimhom għax-xogħol taʼ l-ippridkar tal-bxara t-tajba, “f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art.” (Atti 1:8) B’hekk, huma bdew jistabbilixxu mill-ġdid il-qima safja. Bl-istess mod, mill-1919 ’il quddiem Ġesù Kristu ġiegħel lill-membri tal-fdal taʼ ħutu l-midlukin jibnu mill-ġdid “bliet imġarrfa, meqruda minn żmien twil.” Għal sekli sħaħ, il-kleru tal-Kristjaneżmu naqas li jgħallem l-għarfien dwar Jehovah, u floku għallem tradizzjonijiet magħmulin mill-bniedem u duttrini mhux skritturali. Il-Kristjani midlukin naddfu l-kongregazzjonijiet tagħhom minn prattiċi li kienu mċappsin bir-reliġjon falza sabiex it-tiġdid tal-qima vera setaʼ jimxi ’l quddiem. U bdew dik li kellha tkun l-akbar kampanja taʼ għoti taʼ xiehda li d-dinja qatt rat.—Mark 13:10.
16. Min qed jgħin lill-Kristjani midlukin fix-xogħol tagħhom taʼ tiġdid, u b’liema xogħlijiet ġew fdati?
16 Dan kien inkarigu kbir immens. Kif setgħu r-relattivament ftit membri li kien fadal mill-Iżrael t’Alla jwettqu biċċa xogħol bħal din? Jehovah nebbaħ lil Isaija biex jiddikjara: “Ikun hemm il-barranin li jirgħu l-imrieħel tagħkom, wlied il-frustiera jaħdmulkom ir-rabaʼ, u jeħdulkom ħsieb id-dwieli.” (Isaija 61:5) Il-barranin u l-frustieri figurattivi huma l-“kotra kbira” tan-“nagħaġ oħra” taʼ Ġesù. a (Apokalissi 7:9; Ġwann 10:11, 16) Dawn m’humiex midlukin bl-ispirtu qaddis bl-għan li jkollhom wirt fis-sema. Minflok, għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art magħmula ġenna. (Apokalissi 21:3, 4) Xorta waħda, huma jħobbu lil Jehovah u ġew fdati bi dmirijiet spiritwali taʼ li jirgħu l-imrieħel, jaħdmu r-rabaʼ, u jieħdu ħsieb id-dwieli. Dawn l-attivitajiet m’humiex xi biċċa xogħol taʼ kafkaf. Taħt id-direzzjoni tal-fdal taʼ l-Iżrael t’Alla, dawn il-ħaddiema jagħtu daqqa t’id biex jirgħu, imantnu u jagħmlu xogħol taʼ ħsad fost in-nies.—Luqa 10:2; Atti 20:28; 1 Pietru 5:2; Apokalissi 14:15, 16.
17. (a) Il-membri taʼ l-Iżrael t’Alla x’se jissejħu? (b) Liema hu l-uniku sagrifiċċju li hu meħtieġ għall-maħfra tad-dnubiet?
17 Xi ngħidu għall-Iżrael t’Alla? Jehovah jgħidilhom, permezz taʼ Isaija: “Lilkom isejjħulkom: ‘Il-Qassisin tal-Mulej,’ ‘Qaddejja taʼ Alla tagħna’ isemmukom. Tieklu l-ġid tal-ġnus, tissebbħu bil-glorja tagħhom.” (Isaija 61:6) F’Iżrael tal-qedem, Jehovah pprovda s-saċerdozju Levitiku biex joffri sagrifiċċji għan-nom tal-qassisin infushom u taʼ sħabhom l-Iżraelin. Madankollu, fis-sena 33 E.K., Jehovah ma baqax juża s-saċerdozju Levitiku u ta bidu għal arranġament aħjar. Hu aċċetta l-ħajja perfetta taʼ Ġesù bħala sagrifiċċju għad-dnubiet tal-bnedmin. Minn dakinhar ’l hawn, ma kien meħtieġ ebda sagrifiċċju ieħor. Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù jibqaʼ validu għal dejjem.—Ġwann 14:6; Kolossin 2:13, 14; Lhud 9:11-14, 24.
18. L-Iżrael t’Alla jifforma liema tip taʼ saċerdozju, u x’inhu l-inkarigu tiegħu?
18 Għalhekk, il-membri taʼ l-Iżrael t’Alla kif inhuma l-“Qassisin tal-Mulej”? Meta kien qed jikteb lil sħabu l-Kristjani midlukin, l-appostlu Pietru qal: “Intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih, biex ixxandru t-tifħir taʼ dak li sejjħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu taʼ l-għaġeb.” (1 Pietru 2:9) Għaldaqstant, bħala grupp, il-Kristjani midlukin jifformaw saċerdozju b’inkarigu speċifiku: biex jgħidu lill-ġnus dwar il-glorja taʼ Jehovah. Iridu jkunu xhieda tiegħu. (Isaija 43:10-12) Matul l-aħħar jiem, il-Kristjani midlukin wettqu fedelment dan l-inkarigu vitali. B’riżultat taʼ dan, miljuni sħaħ issa qed jieħdu sehem magħhom f’li jagħtu xiehda dwar is-Saltna taʼ Jehovah.
19. Il-Kristjani midlukin se jkunu privileġġati li jwettqu liema servizz?
19 Iżjed minn hekk, il-membri taʼ l-Iżrael t’Alla għandhom il-prospett li jaqdu bħala qassisin b’mod ieħor. Wara li jmutu, dawn jiġu rxoxtati għal ħajja fis-sema bħala spirti immortali. Hemmhekk huma jaqdu mhux biss bħala ħakkiema maʼ Ġesù fis-Saltna tiegħu imma wkoll bħala qassisin t’Alla. (Apokalissi 5:10; 20:6) Bħala talin, se jkunu privileġġati li japplikaw il-benefiċċji tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù għall-bnedmin leali fuq l-art. Fil-viżjoni li ra l-appostlu Ġwanni u li nsibu fil-ktieb taʼ l-Apokalissi kapitlu 22, dawn jiġu deskritti mill-ġdid bħala ‘siġar.’ Dawn is-‘siġar’ kollha, li jgħoddu 144,000, jidhru fis-sema, jipproduċu ‘frott taʼ tnax-il xorta, iroddu l-frott tagħhom darba fix-xahar; il-weraq tas-siġar huma duwa tajba għall-ġnus.’ (Apokalissi 22:1, 2) X’servizz saċerdotali meraviljuż hu dan!
Għajb u Umiljazzjoni, Imbagħad Hena
20. Minkejja l-oppożizzjoni, is-saċerdozju rjali liema barka jistenna?
20 Mill-1914 ’l hawn, meta bdiet is-sena tal-grazzja taʼ Jehovah, is-saċerdozju rjali ma ra xejn ħlief oppożizzjoni mill-membri tal-kleru tal-Kristjaneżmu. (Apokalissi 12:17) Minkejja dan, l-isforzi kollha li saru biex iwaqqfu l-ippridkar tal-bxara t-tajba fl-aħħar mill-aħħar fallew. Il-profezija taʼ Isaija bassritu dan, billi qalet: “Għaliex id-doppju kien l-għajb tagħhom; mistħija u żebliħ kien sehemhom. Għalhekk id-doppju jirtu f’arthom, u jkollhom hena bla tmiem.”—Isaija 61:7.
21. Il-Kristjani midlukin kif gawdew porzjon doppju taʼ barkiet?
21 Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-membri tal-fdal midluk sofrew l-għajb u l-umiljazzjoni taħt idejn il-Kristjaneżmu nazzjonalistiku. Membri tal-kleru kienu fost dawk li b’mod falz akkużaw b’sedizzjoni lil tmien aħwa leali mill-kwartieri ġenerali fi Brooklyn. Dawn l-aħwa ġew mitfugħin il-ħabs b’mod inġust għal disaʼ xhur. Finalment, fir-rebbiegħa taʼ l-1919, ġew meħlusin, u iktar tard l-akkużi kollha li nġiebu kontrihom ġew irtirati. B’hekk, min ħaseb li se jwaqqaf ix-xogħol taʼ l-ippridkar sab li kollox baqaʼ f’wiċċu. Minflok ma ħalla lill-adoraturi tiegħu jsofru għajb dejjiemi, Jehovah ħelishom u ħadhom lura lejn “arthom,” il-qasam spiritwali tagħhom. Hemmhekk huma rċivew porzjon doppju taʼ barkiet. Il-fatt li rċivew il-barka taʼ Jehovah pattielhom bil-kbir għal dak kollu li kienu sofrew. Verament kellhom għalfejn jgħajtu bil-ferħ!
22, 23. Il-Kristjani midlukin kif imitawh lil Jehovah, u hu kif ippremjahom?
22 Dak li Jehovah jgħid issa jipprovdi raġuni oħra biex il-Kristjani taʼ llum jithennew: “Jien hu l-Mulej, li nħobb id-dritt, u nobgħod il-ħella u l-qerq. U jien bis-sewwa nħallashom, u nagħmel magħhom patt għal dejjem.” (Isaija 61:8) Permezz taʼ l-istudju tagħhom tal-Bibbja, il-membri tal-fdal midluk tgħallmu jħobbu l-ġustizzja u jobogħdu l-ħażen. (Proverbji 6:12-19; 11:20) Tgħallmu “jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet,” billi jibqgħu newtrali fil-gwerer u t-taqlib politiku bejn il-ġnus. (Isaija 2:4) Ħallew ukoll warajhom prattiċi li jiddiżonoraw lil Alla, bħalma huma l-malafama, l-adulterju, is-serq, u s-sokor.—Galatin 5:19-21.
23 Peress li l-Kristjani midlukin għandhom l-istess imħabba għall-ġustizzja li għandu l-Ħallieq tagħhom, Jehovah ‘ħallashom bis-sewwa.’ Dan il-‘ħlas’ jinkludi patt li jdum għal dejjem—il-patt il-ġdid—patt li Ġesù ħabbar lis-segwaċi tiegħu fil-lejl qabel ma miet. Huwa fuq il-bażi taʼ dan il-patt li huma saru ġens spiritwali, il-poplu speċjali t’Alla. (Ġeremija 31:31-34; Luqa 22:20) Bis-saħħa taʼ dan il-patt, Jehovah se jwettaq il-benefiċċji kollha tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa, inkluż il-maħfra tad-dnubiet kemm għall-midlukin kif ukoll għall-uħud leali l-oħrajn kollha fost il-bnedmin.
Nithennew bil-Barkiet taʼ Jehovah
24. Minn fost il-ġnus min huma n-“nisel” li jsiru mberkin, u kif saru “nisel”?
24 Xi wħud fost il-ġnus irrikonoxxew li l-barka taʼ Jehovah qiegħda fuq il-poplu tiegħu. Dan kien imbassar bil-wegħda taʼ Jehovah: “Nisilhom ikun magħruf fost il-ġnus, u wliedhom qalb il-popli. Kull min jarahom jagħrafhom li huma nisel imbierek mill-Mulej.” (Isaija 61:9) Il-membri taʼ l-Iżrael t’Alla, il-Kristjani midlukin, baqgħu attivi fost il-ġnus matul is-sena tal-grazzja taʼ Jehovah. Illum dawk li wieġbu għall-ministeru tagħhom jgħoddu bil-miljuni. Billi jaħdmu fil-qrib maʼ l-Iżrael t’Alla, dawn in-nies tal-ġnus għandhom il-privileġġ li jsiru n-“nisel imbierek mill-Mulej.” Il-kundizzjoni hienja tagħhom jistgħu jarawha l-bnedmin kollha.
25, 26. Il-Kristjani kollha kif jidwu s-sentimenti li nsibu f’Isaija 61:10?
25 Il-Kristjani kollha, kemm il-midlukin kif ukoll in-nagħaġ oħra, iħarsu ’l quddiem biex ifaħħru lil Jehovah għall-eternità. Huma jaqblu b’qalbhom kollha mal-profeta Isaija, li jgħid taħt ispirazzjoni: “Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi. Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarus imżejjen b’kuruna, bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.”—Isaija 61:10.
26 Billi huma lebsin il-“mantar tal-ġustizzja,” il-Kristjani midlukin huma determinati li jibqgħu safjin u nodfa f’għajnejn Jehovah. (2 Korintin 11:1, 2) Peress li ġew dikjarati twajbin minn Jehovah bl-għan li jirtu ħajja fis-sema, huma qatt u qatt ma se jirritornaw lejn il-qasam imġarraf taʼ Babilonja l-Kbira, li kienu ġew meħlusin minnu. (Rumani 5:9; 8:30) L-ilbies tas-salvazzjoni huwa imprezzabbli għalihom. Sħabhom in-nagħaġ oħra huma determinati b’mod simili li jħarsu l-livelli għoljin tal-qima safja t’Alla Jehovah. Peress li “l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-demm tal-Ħaruf,” jiġu dikjarati twajbin u se jibqgħu ħajjin wara t-tribulazzjoni l-kbira. (Apokalissi 7:14; Ġakbu 2:23, 25) Sakemm jasal dak iż-żmien, huma jimitaw lil sħabhom il-midlukin billi jevitaw kwalunkwe tinġis minn Babilonja l-Kbira.
27. (a) Matul ir-Renju Millennjali, x’se ‘jinbet’ quddiem il-ġnus kollha? (b) It-tjieba kif qed tinbet diġà fost il-bnedmin?
27 Illum l-adoraturi taʼ Jehovah jitgħaxxqu li jinsabu f’ġenna spiritwali. Dalwaqt se jgawdu wkoll Ġenna taʼ l-art f’sens fiżiku. Aħna nħarsu ’l quddiem b’qalbna kollha lejn dak iż-żmien, li hu deskritt b’mod ċar fl-aħħar vers taʼ Isaija kapitlu 61: “Bħalma l-art tnibbet, bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih, hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja u l-foħrija, quddiem kollha kemm huma l-ġnus.” (Isaija 61:11) Matul ir-Renju Millennjali taʼ Kristu, l-art se ‘tnibbet il-ġustizzja.’ Il-bnedmin se jgħajtu għajat tar-rebħa, u t-tjieba se tinfirex sat-trufijiet taʼ l-art. (Isaija 26:9) Madankollu, aħna m’għandniex għalfejn noqogħdu nistennew dan il-jum glorjuż sabiex nagħtu tifħir quddiem il-ġnus kollha. It-tjieba diġà qed tinbet fost il-miljuni li jigglorifikaw lil Alla tas-sema u jxandru l-bxara t-tajba dwar is-Saltna tiegħu. Saħansitra issa l-fidi u t-tama tagħna jagħtuna kull raġun biex nithennew bil-barkiet li jagħtina Alla tagħna.
[Nota taʼ taħt]
a Isaija 61:5 setaʼ kellu twettiq fil-qedem, ladarba kien hemm xi wħud li ma kinux Lhud li akkumpanjaw lil-Lhud naturali meta rritornaw lejn Ġerusalemm u x’aktarx li għenuhom fit-tiġdid tal-pajjiż. (Esdra 2:43-58) Madankollu, minn vers 6 l-profezija donnha tapplika biss għall-Iżrael t’Alla.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 323]
Isaija għandu bxara tajba x’ixandrilhom lill-ilsiera Lhud
[Stampa f’paġna 331]
Mis-sena 33 E.K. ’l hawn, Jehovah ħawwel 144,000 ‘balluta tas-sewwa’
[Stampa f’paġna 334]
L-art se tnibbet it-tjieba