Messaġġ taʼ Tama għall-Imjassrin Qalbhom Maqtugħa
Kapitlu Sittax
Messaġġ taʼ Tama għall-Imjassrin Qalbhom Maqtugħa
1. Iddeskrivi s-sitwazzjoni tal-Lhud li kienu eżiljati f’Babilonja.
KIEN perijodu ikrah fl-istorja taʼ Ġuda. In-nies f’patt m’Alla ttieħdu bil-forza minn pajjiżhom u issa kienu qed isofru fil-jasar f’Babilonja. Veru li tħallitilhom ftit tal-libertà biex iwettqu l-affarijiet tagħhom taʼ kuljum. (Ġeremija 29:4-7) Xi wħud kisbu snajjaʼ professjonali jew armaw b’xi negozju. a (Neħemija 3:8, 31, 32) Minkejja dan, il-ħajja ma kinitx faċli għall-ilsiera Lhud. Kienu fil-jasar, kemm fiżikament kif ukoll spiritwalment. Ejja naraw kif.
2, 3. Il-qima li l-Lhud kienu jagħtu lil Jehovah kif ġiet effettwata mill-eżilju?
2 Meta l-eżerċti Babiloniżi qerdu lil Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K., ir-riżultat ma kienx biss li l-ġens sar ħerba, imma l-qima vera wkoll ħadet daqqa taʼ ħarta. Huma ħadu kulma sabu fit-tempju taʼ Jehovah u qerduh. Barra minn hekk, ħarbtu l-arranġament tas-saċerdozju billi lil xi wħud mit-tribù taʼ Levi ħaduhom ilsiera u lil oħrajn qatluhom. Bla tempju għall-qima, bla artal, u bla saċerdozju organizzat, kien impossibbli għal-Lhud li joffru sagrifiċċji lil dak Alla veru kif kien ordnat mil-Liġi.
3 Il-Lhud leali xorta waħda setgħu jżommu l-identità reliġjuża tagħhom billi jipprattikaw iċ-ċirkonċiżjoni u jsegwu l-Liġi sa fejn kien possibbli. Per eżempju, setgħu ma jiħdux minn ikel projbit u josservaw is-Sabat. Imma b’dan issograw li jaqgħu għaċ-ċajt quddiem il-ħakkiema tagħhom, għax il-Babiloniżi kienu jqisu r-ritwali reliġjużi tal-Lhud bħala li huma banali. Il-kundizzjoni tagħhom bħala eżiljati b’qalbhom maqtugħa tistaʼ tidher fi kliem is-salmista: “F’xatt ix-xmajjar taʼ Babilonja, hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna, aħna u niftakru f’Sijon. Mas-siġar tal-luq tagħha, dendilna ċ-ċetri tagħna. Għax hemm, dawk li jassruna, talbuna ngħannulhom xi għanja; dawk li hemm għakksuna stennew minna għana taʼ ferħ: ‘Għannulna mill-għana taʼ Sijon.’”—Salm 137:1-3.
4. Għala kien ikun għalxejn li l-Lhud iduru lejn ġnus oħrajn biex jeħilsuhom, imma lejn min setgħu jduru għall-għajnuna?
4 Allura, il-Lhud fil-jasar lejn min setgħu jduru biex ifarraġhom? Minfejn kienet se tiġi s-salvazzjoni tagħhom? Ċertament li mhux minn xi wieħed mill-ġnus taʼ madwarhom! Dawn kollha kienu bla saħħa kontra l-eżerċti taʼ Babilonja, u ħafna minnhom kienu jobogħduhom lil-Lhud. Imma s-sitwazzjoni ma kinitx bla tama. Għalkemm kienu rribellaw kontra Jehovah meta kienu poplu ħieles, hu ħenn għalihom u għamlilhom stedina li tqawwilhom qalbhom, avolja kienu fl-eżilju.
“Ejjew għall-Ilma”
5. X’inhu s-sinifikat tal-kliem “ejjew għall-ilma”?
5 Permezz taʼ Isaija, Jehovah jkellem b’mod profetiku lil-Lhud li qegħdin fil-jasar f’Babilonja: “Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma; intom ukoll li m’għandkomx flus. Ejjew, ixtru u kulu b’xejn, nbid u ħalib bla ħlas.” (Isaija 55:1) Dan il-kliem huwa simboliku għall-aħħar. Per eżempju, ikkunsidra l-istedina: “Ejjew għall-ilma.” Mingħajr ilma impossibbli li tgħix. Mingħajr dan il-likwidu prezzjuż, aħna l-bnedmin nistgħu nibqgħu ħajjin biss għal xi ġimgħa. Għaldaqstant, huwa xieraq li Jehovah juża l-ilma bħala xebh biex juri l-effett li se jkollu kliemu fuq il-Lhud imjassrin. Il-messaġġ tiegħu se jirrifreskahom, bħal xarba kiesħa f’ġurnata sħuna. Se jtemmilhom l-istat taʼ dwejjaq li waqgħu fih, billi jaqtgħalhom l-għatx li għandhom għall-verità u t-tjieba. U se jimliehom bit-tama li jinħelsu mill-jasar. Xorta waħda, biex jibbenefikaw, il-Lhud eżiljati jridu jixorbuh il-messaġġ t’Alla, joqogħdu attenti għalih, u jaġixxu fuqu.
6. Il-Lhud kif se jibbenefikaw jekk jixtru “nbid u ħalib”?
6 Jehovah joffri wkoll “inbid u ħalib.” Il-ħalib isaħħaħ il-ġisem tat-trabi u jgħin lit-tfal biex jikbru. Bl-istess mod, il-kliem taʼ Jehovah se jsaħħaħ lin-nies tiegħu spiritwalment u jgħinhom isaħħu r-relazzjoni li għandhom miegħu. Iżda, xi ngħidu għall-inbid? L-inbid jintuża spiss f’okkażjonijiet u festi. Fil-Bibbja, jiġi assoċjat mar-riżq u l-hena. (Salm 104:15) Billi jgħid lin-nies tiegħu biex ‘jixtru l-inbid,’ Jehovah qed jassigurahom li, jekk jirritornaw b’qalbhom kollha lejn il-qima vera, se ‘jkunu tassew ferħanin.’—Dewteronomju 16:15; Salm 19:9 [19:8, NW]; Proverbji 10:22.
7. Il-mogħdrija taʼ Jehovah lejn l-eżiljati għala hija meraviljuża, u x’tgħallimna dwaru?
7 Kemm hu ħanin Jehovah biex joffri dan ix-xorb spiritwali lil-Lhud eżiljati! Il-mogħdrija tiegħu hija iktar u iktar meraviljuża meta niftakru kemm kienu stinati u ribellużi l-Lhud matul iż-żmien. Mhux għax jixirqilhom li jkunu approvati minn Jehovah. Madankollu, is-salmista David kiteb sekli qabel: “Ħanin u twajjeb il-Mulej, idum ma jagħdab u kollu mogħdrija. Ma joqgħodx jitlewwem magħna, u anqas jinkorla għal dejjem.” (Salm 103:8, 9) Jehovah mhux talli ma jabbandunax lin-nies tiegħu imma talli qed jieħu l-ewwel pass biex jerġaʼ jħabbibhom miegħu. Verament, hu Alla li “jogħġbu juri ħniena.”—Mikea 7:18.
Fiduċja Żbaljata
8. Ħafna mil-Lhud fejn poġġewha l-fiduċja tagħhom, minkejja liema twissija?
8 S’issa ħafna Lhud għadhom ma poġġewx il-fiduċja sħiħa tagħhom f’Jehovah biex isalvaw. Per eżempju, qabel il-waqgħa taʼ Ġerusalemm, il-ħakkiema tagħha fittxew l-appoġġ taʼ ġnus setgħana billi żnew, biex ngħidu hekk, kemm maʼ l-Eġittu kif ukoll maʼ Babilonja. (Eżekjel 16:26-29; 23:14) Ġeremija kellu raġun iwissihom: “Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin, li jfittex il-qawwa tiegħu fil-ġisem, u titbiegħed qalbu mill-Mulej.” (Ġeremija 17:5) Madankollu, in-nies t’Alla għamlu preċiż hekk!
9. Ħafna Lhud kif għandhom mnejn qegħdin ‘jaħlu flushom f’dak li m’huwiex ħobż’?
9 Issa jinsabu fil-jasar taħt wieħed mill-ġnus li kienu poġġew il-fiduċja tagħhom fih. Tgħallmuha l-lezzjoni? Jistaʼ jkun li ħafna minnhom ma tgħallmuhiex, għax Jehovah jistaqsi: “Għaliex taħlu fluskom f’dak li m’huwiex ħobż, u ġidkom f’dak li ma jxebbax?” (Isaija 55:2a) Jekk il-Lhud fil-jasar qed jafdaw f’xi ħadd ieħor u mhux f’Jehovah, dawn qegħdin ‘jaħlu flushom f’dak li m’huwiex ħobż.’ Żgur li m’humiex se jiksbu l-ħelsien minn Babilonja bil-politika tagħha li qatt ma tħalli lill-imjassrin jirritornaw lejn arthom. Fil-verità, Babilonja, bl-imperjaliżmu, il-kummerċjaliżmu, u l-qima falza tagħha, m’għandha xejn x’toffrilhom lil-Lhud eżiljati.
10. (a) Jehovah kif se jippremja lil-Lhud eżiljati jekk jagħtuh widen? (b) Jehovah x’patt kien għamel maʼ David?
10 Jehovah jitlob bil-ħniena lill-poplu tiegħu: “Isimgħu minni, u tieklu tajjeb, u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin. Agħtuni widen u ersqu lejja, isimgħu u tieħdu r-ruħ. Nagħmel patt magħkom għal dejjem, biex iseħħu l-favuri mwiegħda lil David.” (Isaija 55:2b, 3) L-unika tama għal dawn in-nies li huma bil-ġuħ spiritwalment tiddependi minn Jehovah, li issa qed ikellimhom b’mod profetiku permezz taʼ Isaija. L-istess ħajja tagħhom tiddependi milli jagħtu widen għall-messaġġ t’Alla, għax hu jgħid li billi jagħmlu hekk, se ‘jieħdu r-ruħ.’ Iżda, x’inhu ‘l-patt għal dejjem’ li Jehovah se jikkonkludi maʼ dawk li jisimgħu minnu? Dan il-patt huwa “biex iseħħu l-favuri mwiegħda lil David.” Sekli qabel, Jehovah wiegħed lil David li t-tron tiegħu kien se “jibqaʼ sħiħ għal dejjem.” (2 Samwel 7:16) Għaldaqstant, ‘il-patt għal dejjem’ imsemmi hawnhekk għandu x’jaqsam mal-kariga taʼ ħakkiem.
Werriet Permanenti għal Saltna taʼ Dejjem
11. It-twettiq tal-wegħda li Alla għamel lil David għala jistaʼ jidher li huwa idea esaġerata għal dawk li huma eżiljati f’Babilonja?
11 Irridu nammettu li l-idea taʼ ħakma fil-linja taʼ David tistaʼ tidher li hi esaġerata għal dawn il-Lhud eżiljati. Huma tilfu pajjiżhom u saħansitra l-istat bħala nazzjon! Imma dan se jkun biss għal ftit żmien. Jehovah ma nsiehx il-patt li għamel maʼ David. Jidher kemm jidher dubjuż mill-ħarsa tal-bniedem, l-iskop t’Alla dwar Saltna għal dejjem fil-linja taʼ David żgur se jirnexxi. Imma kif u meta? Fis-sena 537 Q.E.K., Jehovah jeħles lin-nies tiegħu mill-jasar f’Babilonja u jiħodhom lura lejn art twelidhom. Jirriżulta dan f’li tiġi stabbilita saltna li tibqaʼ għal dejjem? Le, huma jibqgħu sudditi taʼ imperu pagan ieħor, il-Medo-Persja. “Iż-żminijiet stabbiliti” li fihom jaħkmu l-ġnus għadhom m’għaddewx. (Luqa 21:24, NW) Peress li ma kien hemm ebda sultan f’Iżrael, il-wegħda li Jehovah għamel lil David se tibqaʼ ma titwettaqx għal sekli sħaħ.
12. Jehovah liema pass ħa biex iwettaq il-patt għas-Saltna li kien għamel maʼ David?
12 Iktar minn 500 sena wara l-ħelsien taʼ Iżrael mill-jasar f’Babilonja, Jehovah għamel pass kbir biex iwettaq il-patt tas-Saltna. Hu ttrasferixxa l-ħajja taʼ Ibnu l-ewwel imwieled, il-bidu tax-xogħol taʼ ħolqien tiegħu, mill-glorja tas-sema għal ġol-ġuf taʼ Marija, il-verġni Lhudija. (Kolossin 1:15-17) Meta ħabbrilha din il-ġrajja, l-anġlu taʼ Jehovah qal lil Marija: “Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron taʼ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” (Luqa 1:32, 33) Għalhekk, Ġesù twieled fil-linja rjali taʼ David u wiret id-dritt li jkun sultan. Meta jingħata t-tron, Ġesù se jaħkem “għal dejjem.” (Isaija 9:6 [9:7, NW]; Danjel 7:14) B’hekk, it-triq kienet issa miftuħa biex titwettaq il-wegħda li Jehovah għamel sekli ilu lis-Sultan David li jagħtih werriet permanenti.
‘Kmandant fuq il-Popli’
13. Ġesù kif kien “xhud fost il-ġnus” kemm matul il-ministeru tiegħu u kemm wara t-tlugħ tiegħu fis-sema?
13 X’se jagħmel dan li għad ikun sultan? Jgħid Jehovah: “Ara, jien qegħedtu xhud fost il-ġnus, prinċep u leġiżlatur [“mexxej u kmandant,” “NW”] fuq il-popli.” (Isaija 55:4) Meta kiber, Ġesù kien ir-rappreżentant taʼ Jehovah fuq l-art, ix-xhud t’Alla għall-ġnus. Matul il-ħajja tiegħu bħala bniedem, il-ministeru tiegħu kien immirat lejn “in-nagħaġ il-mitlufa tad-dar taʼ Iżrael.” Madankollu, ftit qabel ma telaʼ s-sema, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha . . . Ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.” (Mattew 10:5, 6; 15:24; 28:19, 20) B’hekk, maż-żmien, il-messaġġ tas-Saltna twassal għand dawk li ma kinux Lhud, u xi wħud minnhom ħadu sehem fit-twettiq tal-patt li sar maʼ David. (Atti 13:46) B’dan il-mod, saħansitra wara l-mewt, l-irxoxt, u t-tlugħ tiegħu fis-sema, Ġesù kompla jkun ‘ix-xhud taʼ Jehovah fost il-ġnus.’
14, 15. (a) Ġesù kif ta prova li kien “mexxej u kmandant”? (b) Is-segwaċi taʼ Ġesù fl-ewwel seklu xi prospett kienu jħaddnu?
14 Ġesù kellu jkun ukoll “mexxej u kmandant.” Fi qbil maʼ din id-deskrizzjoni profetika, meta kien fuq l-art Ġesù aċċetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tiegħu bħala kap u kien minn taʼ quddiem f’kull aspett. Hu ġibed folol kbar għal warajh, għallimhom il-kliem tal-verità, u wriehom il-benefiċċji li jkollhom dawk li jsegwu t-tmexxija tiegħu. (Mattew 4:24; 7:28, 29; 11:5) Hu ħarreġ lid-dixxipli tiegħu b’mod effettiv u ppreparahom biex iwettqu l-kampanja taʼ ppridkar li kellhom quddiemhom. (Luqa 10:1-12; Atti 1:8; Kolossin 1:23) Fi tliet snin u nofs biss, Ġesù poġġa l-pedament għal kongregazzjoni magħquda u internazzjonali b’eluf taʼ membri li ġejjin minn ħafna razez! Ried ikun tassew “mexxej u kmandant” biex setaʼ jwettaq xogħol taʼ daqstant kobor u importanza. b
15 Dawk li nġabru fil-kongregazzjoni Kristjana taʼ l-ewwel seklu kienu midlukin bl-ispirtu qaddis t’Alla, u kellhom il-prospett li jsiru ħakkiema mseħbin maʼ Ġesù fis-Saltna tiegħu tas-sema. (Apokalissi 14:1) Madankollu, il-profezija taʼ Isaija tħares iktar ’il bogħod miż-żmien tal-Kristjanità tal-bidu. L-evidenza turi li Ġesù Kristu ma bediex jaħkem bħala Sultan tas-Saltna t’Alla qabel l-1914. Ftit wara din is-sena, żviluppat sitwazzjoni fost il-Kristjani midlukin fuq l-art li kienet tixbah f’ħafna aspetti lil dik tal-Lhud eżiljati fis-sitt seklu Q.E.K. Fil-fatt, f’dak li ġralhom dawn il-Kristjani naraw twettiq akbar tal-profezija taʼ Isaija.
Jasar u Ħelsien fi Żmienna
16. Liema niket kien hemm wara li Ġesù ngħata t-tron fl-1914?
16 Meta Ġesù ngħata t-tron bħala Sultan fl-1914 seħħ niket dinji li qatt ma kien hawn bħalu qabel. Għala? Għaliex malli sar Sultan, Ġesù tefaʼ ’l barra mis-sema lil Satana u lill-ħlejjaq spirti mill-agħar l-oħrajn. Hekk kif intefaʼ fuq l-art, Satana beda jiggwerra kontra l-qaddisin li kien baqaʼ, il-fdal taʼ Kristjani midlukin. (Apokalissi 12:7-12, 17) L-agħar perijodu kien fl-1918 meta x-xogħol taʼ l-ippridkar lill-pubbliku kważi waqaf għalkollox u uffiċjali responsabbli mill-Watch Tower Society ġew mitfugħin il-ħabs fuq akkużi foloz taʼ sedizzjoni. B’dan il-mod, il-qaddejja taʼ Jehovah taʼ żmienna daħlu f’jasar spiritwali, li jfakkarna fil-jasar fiżiku tal-Lhud tal-qedem. Tmaqdir kbir ġie mitfugħ fuqhom.
17. Il-kundizzjoni tal-midlukin kif inbidlet fl-1919, u mbagħad kif ġew imsaħħin?
17 Madankollu, il-jasar tal-qaddejja midlukin t’Alla ma damx wisq. Nhar is-26 taʼ Marzu, 1919, l-uffiċjali li kienu fil-ħabs ġew meħlusin, u iktar tard l-akkużi kollha li nġiebu kontrihom ġew irtirati. Jehovah sawwab l-ispirtu qaddis fuq in-nies meħlusin tiegħu, u dan tahom il-qawwa u s-saħħa għax-xogħol li kellhom quddiemhom. B’ferħ kbir, huma wieġbu għall-istedina biex ‘jieħdu b’xejn l-ilma tal-ħajja.’ (Apokalissi 22:17) Huma xtraw “inbid u ħalib bla ħlas” u ġew imsaħħin spiritwalment għat-tkabbir meraviljuż li kien hemm maħżun għalihom, tkabbir li l-fdal midluk ma kienx qed jistennieh.
Kotra Kbira Tiġri Lejn il-Midlukin t’Alla
18. Liema żewġ gruppi jinsabu fost id-dixxipli taʼ Ġesù Kristu, u dawn x’jifformaw illum?
18 Id-dixxipli taʼ Ġesù jħaddnu waħda minn żewġ tamiet. L-ewwel, inġabret “merħla ċkejkna” li tgħodd 144,000. Dawn huma Kristjani midlukin taʼ nisel kemm Lhudi u kemm Ġentil, li huma l-“Iżrael taʼ Alla” u għandhom it-tama li jaħkmu maʼ Ġesù fis-Saltna tiegħu tas-sema. (Luqa 12:32; Galatin 6:16; Apokalissi 14:1) It-tieni, fl-aħħar jiem dehret “kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra.” Dawn għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art magħmula ġenna. Qabel ma tfaqqaʼ t-tribulazzjoni l-kbira, din il-kotra, li l-għadd tagħha mhux determinat minn qabel, taqdi spalla maʼ spalla mal-merħla ċkejkna, u ż-żewġ gruppi jifformaw “merħla waħda” taħt “ragħaj wieħed.”—Apokalissi 7:9,10; Ġwann 10:16.
19. “Ġens” li qabel ma kienx magħruf mill-Iżrael t’Alla kif wieġeb għas-sejħa taʼ dan il-ġens spiritwali?
19 Il-ġbir taʼ din il-kotra kbira jistaʼ jidher mill-kliem li ġej tal-profezija taʼ Isaija: “Int ġens li ma tafx bih issejjaħ; ġnus li ma jafukx jiġru lejk, minħabba fil-Mulej, Alla tiegħek, il-Qaddis taʼ Iżrael, għax lilek żejjen bil-ġieħ.” (Isaija 55:5) Fis-snin taʼ wara l-ħelsien tagħhom mill-jasar spiritwali, il-membri tal-fdal midluk għall-ewwel ma fehmux li qabel Armageddon kienu se jintużaw biex isejħu “ġens” kbir ħafna biex iqim lil Jehovah. Madankollu, hekk kif beda għaddej iż-żmien, ħafna individwi taʼ qalb onesta li ma kellhomx it-tama li jmorru fis-sema bdew jassoċjaw mal-midlukin u bdew jaqdu lil Jehovah bl-istess żelu bħal tal-midlukin. Dawn l-individwi ġodda nnotaw il-kundizzjoni msebbħa tan-nies t’Alla, u b’hekk irrikonoxxew li Jehovah kien fosthom. (Żakkarija 8:23) Fis-snin 30 tas-seklu l-ieħor, il-midlukin bdew jifhmu l-identità vera taʼ dan il-grupp li l-għadd tiegħu kien qed jiżdied f’nofshom. Huma bdew jindunaw li kien għad għandhom xogħol kbir taʼ ġbir quddiemhom. Il-kotra kbira kienet qed tirsisti biex tassoċja mal-poplu f’patt m’Alla, u bir-raġun.
20. (a) Fi żmienna, għala huwa urġenti li ‘nfittxu l-Mulej,’ u dan kif isir? (b) Jehovah kif se jimxi maʼ dawk li jfittxuh?
20 Fi żmien Isaija, ħarġet is-sejħa: “Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh, sejjħulu sakemm hu fil-qrib!” (Isaija 55:6) Fi żmienna, dan il-kliem huwa xieraq, kemm għal dawk li jifformaw l-Iżrael t’Alla u kemm għall-kotra kbira li dejjem qed tiżdied. Il-barka taʼ Jehovah m’hijiex bla ebda kundizzjoni, u lanqas l-istedina tiegħu m’hi se tibqaʼ miftuħa għal dejjem. Issa huwa ż-żmien biex infittxu l-favur t’Alla. Meta jasal iż-żmien stabbilit għall-ġudizzju taʼ Jehovah, se jkun tard wisq. Għaldaqstant, Isaija jgħid: “Ħa jħalli triqtu l-midneb, u l-bniedem il-ħażin fehmietu; ħa jerġaʼ lura għand il-Mulej u jħenn għalih, għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.”—Isaija 55:7.
21. Il-membri tal-ġens taʼ Iżrael kif urew li ma baqgħux fidili lejn id-dikjarazzjoni magħmula minn missirijiethom tal-qedem?
21 Il-frażi “ħa jerġaʼ lura għand il-Mulej” tindika li dawk li għandhom bżonn jindmu, qabel kellhom relazzjoni m’Alla. L-espressjoni tfakkarna li ħafna aspetti taʼ din il-parti mill-profezija taʼ Isaija jiġu applikati l-ewwel għal-Lhud li qegħdin fil-jasar f’Babilonja. Sekli sħaħ qabel, il-missirijiet tal-qedem taʼ dawn l-imjassrin iddikjaraw li kienu determinati li jobdu lil Jehovah meta qalu: “Ma jkun qatt li aħna nħallu l-Mulej biex naqdu allat oħra.” (Ġożwè 24:16) L-istorja turi li dak li “ma jkun qatt” fil-fatt seħħ, u seħħ ripetutament! In-nuqqas taʼ fidi min-naħa tan-nies t’Alla huwa r-raġuni għala huma ġew eżiljati f’Babilonja.
22. Jehovah għala jgħid li l-fehmiet u t-triqat tiegħu huma ogħla minn dawk tal-bnedmin?
22 X’se jiġri jekk jindmu? Permezz taʼ Isaija, Jehovah jwiegħed li se “jaħfer ħafna.” U hu jżid: “‘Il-fehmiet tiegħi m’humiex fehmietkom, u t-triqat tiegħi m’humiex triqatkom,’ oraklu tal-Mulej. ‘Għax daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art, daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom, u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.’” (Isaija 55:8, 9) Jehovah hu perfett, u l-fehmiet u t-triqat tiegħu tant huma fl-għoli li ħadd ma jistaʼ jilħaqhom. Saħansitra l-ħniena tiegħu qiegħda fuq livell li aħna l-bnedmin qatt ma nistgħu nittamaw li nilħquh. Ikkunsidra: Meta naħfru lil xi bniedem bħalna, ikun każ taʼ li midneb qed jaħfer lil midneb ieħor. Nirrealizzaw li xi darba jew oħra se jkollna bżonn li xi bniedem bħalna jaħfer lilna. (Mattew 6:12) Imma Jehovah jaħfer “ħafna,” avolja hu qatt m’għandu bżonn lil min jaħfirlu! Verament, hu Alla taʼ qalb tajba b’imħabba kbira. U fil-ħniena tiegħu, Jehovah jiftaħ bwieb is-sema biex isawwab barkiet kbar fuq dawk li jirritornaw lejh b’qalbhom kollha.—Malakija 3:10.
Barkiet għal Dawk li Jirritornaw Lejn Jehovah
23. Jehovah kif juri kemm hi ħaġa ċerta li titwettaq il-kelma tiegħu?
23 Jehovah jwiegħed lill-poplu tiegħu: “Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet, u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art, imma jġegħluha tnissel u tnibbet, u tagħti ż-żerriegħa ’l min jiżraʼ u l-ħobż ’il min jiekol, hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.” (Isaija 55:10, 11) Kulma jgħid Jehovah żgur li se jitwettaq. Sewwa sew bħalma x-xita u s-silġ li jinżlu mis-smewwiet iwettqu l-iskop tagħhom billi jsaqqu l-art u jnibbtu l-frott, hekk ukoll il-kelma taʼ Jehovah li toħroġ minn fommu hi għalkollox taʼ min joqgħod fuqha. Dak li jwiegħed, se jwettqu—b’ċertezza assoluta.—Numri 23:19.
24, 25. X’barkiet hemm maħżunin għal-Lhud fl-eżilju li jaġixxu fuq il-messaġġ taʼ Jehovah permezz taʼ Isaija?
24 Għaldaqstant, jekk il-Lhud jagħtu kas il-kliem li ntqalilhom b’mod profetiku permezz taʼ Isaija, żgur li se jirċievu s-salvazzjoni mwiegħda minn Jehovah. B’riżultat taʼ dan, se jesperjenzaw ferħ kbir. Jgħid Jehovah: “Iva, bil-ferħ għad toħorġu, u bis-sliem titwasslu. Quddiemkom f’għajat taʼ ferħ jinfexxu l-muntanji u l-għoljiet, u ċċapċap idejha kull siġra tar-rabaʼ. Minflok ix-xewk jitlaʼ ċ-ċipress, minflok l-għollieq ir-riħan. Dan ikun għall-glorja tal-Mulej, sinjal għal dejjem li ma jitħassar qatt.”—Isaija 55:12, 13.
25 Fis-sena 537 Q.E.K., il-Lhud eżiljati tabilħaqq li joħorġu bil-ferħ minn Babilonja. (Salm 126:1, 2) Meta jaslu Ġerusalemm, isibu pajjiż miżgħud bix-xewk u bl-għollieq—ftakar, il-pajjiż ilu ħerba għal għaxriet taʼ snin. Imma n-nies t’Alla li rritornaw lejn pajjiżhom jistgħu issa jagħtu daqqa t’id biex iġibu bidla sabiħa fil-pajjiż! Siġar għoljin ħafna, bħalma huma ċ-ċipress u r-riħan, jieħdu post ix-xewk u l-għollieq. Il-barka taʼ Jehovah tibda tidher kullimkien hekk kif il-poplu tiegħu jaqdih b’“għajat taʼ ferħ.” Ikun bħallikieku r-rabaʼ nnifsu qed jifraħ.
26. Liema kundizzjoni mbierka titgawda mill-poplu t’Alla llum?
26 Fl-1919 dawk li kien baqaʼ mill-Kristjani midlukin ġew meħlusin mill-jasar spiritwali tagħhom. (Isaija 66:8) Flimkien mal-kotra kbira taʼ nagħaġ oħra, issa qegħdin jaqdu lil Alla bil-ferħ f’ġenna spiritwali. Peress li ħelsu minn kull tebgħa taʼ influwenza Babiloniża, huma jgawdu kundizzjoni favorita, li għal Jehovah saret “glorja.” Ir-riżq spiritwali tagħhom jigglorifika lil ismu u jgħollih bħala dak Alla tal-profezija vera. Dak li Jehovah wettaq għalihom juri d-Divinità tiegħu u huwa evidenza tal-fedeltà tiegħu lejn il-kelma u l-ħniena tiegħu għal dawk li jindmu. Jalla dawk kollha li jkomplu ‘jixtru l-inbid u l-ħalib bla ħlas’ jifirħu waqt li jaqduh għal dejjem!
[Noti taʼ taħt]
a Instabu ħafna ismijiet Lhud f’dokumenti antiki li jittrattaw dwar in-negozju li kien isir f’Babilonja tal-qedem.
b Ġesù jkompli jindokra x-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. (Apokalissi 14:14-16) Illum, irġiel u nisa Kristjani jħarsu lejn Ġesù bħala l-Kap tal-kongregazzjoni. (1 Korintin 11:3) U fiż-żmien stabbilit minn Alla, Ġesù se jaġixxi bħala “mexxej u kmandant” b’mod ieħor, meta jidderieġi l-battalja deċiżiva kontra l-għedewwa t’Alla fil-gwerra t’Armageddon.—Apokalissi 19:19-21.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 234]
Il-Lhud li għandhom għatx spiritwali huma mistidnin biex ‘jiġu għall-ilma’ u biex ‘jixtru l-inbid u l-ħalib’
[Stampa f’paġna 239]
Ġesù wera li kien “mexxej u kmandant” fuq il-popli
[Stampi f’paġna 244, 245]
“Ħa jħalli triqtu l-midneb”