Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

2 Lil Min Għandna Nitolbu?

2 Lil Min Għandna Nitolbu?

ALLA jismaʼ t-​talb kollu? Ħafna nies jaħsbu li iva. Ħafna jaħsbu li r-​reliġjonijiet kollha huma tajbin, għalhekk jirraġunaw li ma tagħmilx differenza liema alla titlob. Imma dan veru?

Il-​Bibbja tgħidilna li n-​nies ħafna drabi ma jitolbux lill-​Alla l-​veru. Meta nkitbet il-​Bibbja, kienet xi ħaġa komuni li n-​nies jitolbu lill-​istatwi. Imma Alla kemm-​il darba kien avżahom dwar din id-​drawwa ħażina. Eżempju wieħed insibuh f’​Salm 115:4-​6, fejn jgħid hekk dwar l-​istatwi: “Widnejn għandhom, imma ma jistgħux jisimgħu.” Mela hawnhekk jurina b’mod ċar li huwa għalxejn li titlob lil alla li ma jistax jisimgħek.

Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mir-​rakkont li ġej. Il-​profeta Elija qal lill-​profeti taʼ Bagħal biex jitolbu lill-​alla tagħhom. Imbagħad hu kien se jitlob lil Alla tiegħu. Elija qal li l-​Alla l-​veru kien se jwieġeb u l-​wieħed falz le. Il-​profeti taʼ Bagħal damu jitolbu għal ħin twil, anki jgħajtu lill-​alla tagħhom, imma hu ma wiġibx! Ir-​rakkont jgħid: “Ma nstemaʼ l-​ebda leħen, u ħadd ma wiġibhom.” (1 Slaten 18:29) Imma x’ġara meta talab Elija?

Wara li Elija talab, l-​Alla tiegħu wieġbu mill-​ewwel billi bagħat nar mis-​sema u ħaraq l-​offerta tiegħu. Alla għala wieġeb it-​talba tiegħu? Aħna nistgħu nifhmu għala meta naqraw it-​talba t’Elija miktuba fl-​1 Slaten 18:36, 37. Hija talba qasira ħafna, imma fiha Elija juża tliet darbiet l-​isem t’Alla, Ġeħova.

Il-​Kangħanin kienu jqimu lil Bagħal u kienu jtuh ismijiet differenti skont fejn kienu joqogħdu. Imma Ġeħova hu l-​uniku isem tal-​Alla l-​veru. Hu qal lin-​nies tiegħu: “Jien Ġeħova. Dak hu ismi; u lil ħadd iktar ma nagħti l-​glorja tiegħi.”—Isaija 42:8.

Għala t-​talba t’Elija ġiet imwieġba u t-​talb tal-​profeti taʼ Bagħal le? Il-​prostituzzjoni u s-​sagrifiċċji tan-​nies kienu parti mill-​qima lil Bagħal. Il-​qima lil Ġeħova kienet differenti. Hu ma riedx lin-​nies tiegħu jimitaw dawn id-​drawwiet diżgustanti. Minflok, hu riedhom iqimuh b’mod nadif. Ukoll, aħseb dwar dan: Jekk ikollok tibgħat ittra lil ħabib, trid tuża l-​isem tiegħu. Jekk tuża isem taʼ xi ħaddieħor, il-​ħabib qatt mhu se jirċievi l-​ittra.

It-​talb t’Elija u tal-​profeti taʼ Bagħal wera li mhux it-​talb kollu jinstemaʼ

Jekk titlob lil Ġeħova, tkun qed titlob lil Missierna li ħalaq kollox. * Il-​profeta Isaija talab: “O Ġeħova, int Missierna.” (Isaija 63:16) Ġesù kien qed jitkellem dwar Ġeħova meta qal lid-​dixxipli tiegħu: “Jien tielaʼ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom.” (Ġwanni 20:17) Ġesù talab lil Alla Ġeħova li jiġi missieru. Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu qal lid-​dixxipli tiegħu biex jitolbu lil Ġeħova.—Mattew 6:9.

Tgħidilna l-​Bibbja biex nitolbu lil Ġesù, lil Marija, lill-​qaddisin, jew l-​anġli? Le, lil Ġeħova biss. Ejja naraw żewġ raġunijiet. L-​ewwel, it-​talb huwa tip taʼ qima, u l-​Bibbja tgħidilna li lil Ġeħova biss għandna nqimu. (Eżodu 20:5) It-​tieni, il-​Bibbja tgħid li hu “Semmiegħ it-​talb.” (Salm 65:2) Għalkemm Ġeħova jagħti ħafna responsabbiltajiet lil oħrajn, hu qatt ma ta din ir-​responsabbiltà lil ħaddieħor. Hu jwegħedna li hu stess se jismaʼ t-​talb tagħna.

Jekk trid li Alla jismaʼ t-​talb tiegħek, ftakar x’tgħid il-​Bibbja: “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jkun salvat.” (Atti 2:21) Imma Ġeħova jismaʼ t-​talb kollu? Jew hemm xi ħaġ’oħra li rridu nkunu nafu biex Ġeħova jismaʼ t-​talb tagħna?

^ par. 8 Xi reliġjonijiet jgħidu li hu ħażin li tgħid l-​isem personali t’Alla, anki fit-​talb. Meta nkitbet il-​Bibbja, l-​isem Ġeħova kien intuża madwar 7,000 darba. Pereżempju, kemm-​il darba nsibu ismu fit-​talb u s-​salmi.