Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

6 It-Talb Jistaʼ Jgħinek?

6 It-Talb Jistaʼ Jgħinek?

IL-​BIBBJA turi li t-​talb jgħin lill-​qaddejja leali t’Alla. (Luqa 22:40; Ġakbu 5:13) It-​talb jgħinna nersqu eqreb t’Alla, inħossuna aħjar, u jkollna saħħa aħjar. Kif?

Pereżempju, meta nirċievu rigal inkunu rridu nirringrazzjaw lil dak li jkun. Għala huwa importanti? Għax meta nuru kif inħossuna se napprezzaw iżjed. Huwa l-​istess meta nkellmu lil Alla! Ejja naraw xi eżempji.

Nitolbu biex nirringrazzjawh. Meta nirringrazzjaw lil Alla tal-​affarijiet tajbin li jkollna, se niffokaw fuq il-​barkiet li għandna. Imbagħad se nkunu iżjed ferħanin, pożittivi, u napprezzaw iżjed.—Filippin 4:6.

Eżempju: Ġesù wera li apprezza l-​mod kif Missieru semaʼ u wieġeb it-​talb tiegħu.—Ġwanni 11:41.

Nitolbu biex jaħfrilna. Meta nitolbu lil Alla biex jaħfrilna, se nifhmu aħjar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, jiddispjaċina iżjed għall-​iżbalji tagħna, u nifhmu l-​importanza taʼ li nobdu lil Alla. Dan se jgħinna ma nħossuniex daqshekk ħażin dwar dak li nkunu għamilna.

Eżempju: David talab biex juri kemm ħassu ħażin għal dak li kien għamel u li vera kien iddispjaċieh.—Salm 51.

Nitolbu biex nieħdu deċiżjonijiet. Meta nitolbu lil Ġeħova għall-​għajnuna biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin, se jgħinna nibqgħu umli. Dan se jfakkarna li dejjem għandna bżonn l-​għajnuna taʼ Ġeħova u li rridu nistrieħu fuqu.—Proverbji 3:5, 6.

Eżempju: Salamun talab lil Ġeħova biex jgħinu jkun sultan tajjeb fuq Iżrael.—1 Slaten 3:5-​12.

Nitolbu meta jkollna problemi serji. Aħna nistgħu niftħu qalbna m’Alla meta jkollna problemi kbar u ma nkunux nafu x’se naqbdu nagħmlu. Imbagħad se nħossuna aħjar u se nistrieħu iżjed fuq Ġeħova milli fuqna nfusna.—Salm 62:8.

Eżempju: Is-​Sultan Asa talab meta ffaċċja problema li vera inkwetatu.—2 Kronaki 14:11.

Nitolbu għal min hu fil-​bżonn. Meta nitolbu għal oħrajn se jgħinna biex ma nkunux egoisti. Minflok, jgħinna nħossu u nifhmu lil ħaddieħor.

Eżempju: Ġesù talab għad-​dixxipli tiegħu.—Ġwanni 17:9-​17.

Nitolbu biex infaħħruh. Meta nfaħħru lil Ġeħova għax-​xogħol sabiħ li għamel u għall-​kwalitajiet tiegħu, aħna se nirrispettawh u napprezzawh iżjed. Meta nitolbu hekk se jgħinna nersqu eqreb taʼ Missierna fis-​sema.

Eżempju: David wera kemm kien japprezza l-​ħolqien t’Alla.—Salm 8.

Meta nitolbu se nibbenefikaw ukoll għax nirċievu l-​paċi t’Alla, li hija ikbar mill-​ħsibijiet tagħna. (Filippin 4:7) Mhuwiex faċli li ssib il-​paċi f’din id-​dinja. Iżda meta ssib il-​paċi se jkollok saħħa aħjar. (Proverbji 14:30) Imma nistgħu nsibu l-​paċi t’Alla weħidna? Jew hemm xi ħaġa oħra importanti li rridu nagħmlu?

It-​talb jgħinna biex ikollna saħħa aħjar, inħossuna aħjar, u nkunu eqreb t’Alla