Ipprovati—Imma Leali Lejn Jehovah!
Kapitlu Tlieta
Ipprovati—Imma Leali Lejn Jehovah!
1, 2. Liema ġrajjiet sinjifikanti servew bħala preludju għar-rakkont taʼ Danjel?
FIL-KTIEB profetiku taʼ Danjel is-siparju jitlaʼ fi żmien taʼ bidla importanti fix-xena internazzjonali. L-Assirja kienet għadha kif tilfet il-belt kapitali tagħha, Ninwè. L-Eġittu kien ġie ristrett għal pożizzjoni taʼ importanza żgħira lejn in-nofsinhar tal-pajjiż taʼ Ġuda. U Babilonja kienet tielgħa b’pass mgħaġġel bħala l-aqwa potenza fil-ġlieda għad-dominju dinji.
2 Fis-sena 625 Q.E.K., il-Fargħun Eġizzjan Neko wettaq sforz aħħari biex jimblokka l-espansjoni Babiloniża lejn in-nofsinhar. Għal dan l-għan, hu mexxa lill-armata tiegħu lejn Karkemis, li kienet tinsab fuq ix-xtut tan-naħa taʼ fuq tax-Xmara Ewfrat. Il-battalja taʼ Karkemis, bħalma saret tissejjaħ, kienet ġrajja deċiżiva u storika. L-armata Babiloniża, immexxija minn Nabukodonosor, il-Prinċep Werriet, tat daqqa mortali lill-qawwiet armati tal-Fargħun Neko. (Ġeremija 46:2) Bir-riħ fil-poppa bħala riżultat tar-rebħa li kellu, Nabukodonosor kines lis-Sirja u lill-Palestina u, prattikament, temm id-dominju Eġizzjan f’dan ir-reġjun. Kienet biss il-mewt taʼ missieru, Nabopolassar, li ġabet waqfa temporanja għall-kampanja tiegħu.
3. X’kien ir-riżultat taʼ l-ewwel kampanja taʼ Nabukodonosor kontra Ġerusalemm?
3 Is-sena taʼ wara, Nabukodonosor—issa mqiegħed fuq it-tron bħala sultan taʼ Babilonja—dawwar l-attenzjoni tiegħu mill-ġdid lejn il-kampanji militari tiegħu fis-Sirja u fil-Palestina. Kien matul dan il-perijodu li hu ġie Ġerusalemm għall-ewwel darba. Il-Bibbja tirrapporta: “Fi żmienu Nabukodonosor, sultan taʼ Babilonja, talaʼ kontra tiegħu; u Ġeħojakim dam taħt il-ħakma tiegħu għal tliet snin, imma mbagħad qam kontrieh.”—2 Slaten 24:1.
NABUKODONOSOR F’ĠERUSALEMM
4. Kif trid tiġi mifhuma l-espressjoni “fit-tielet sena tas-saltna taʼ Ġeħojakim” f’Danjel 1:1?
4 L-espressjoni “għal tliet snin” hija taʼ interess speċjali għalina, għax il-kliem tal-bidu taʼ Danjel jgħid: “Fit-tielet sena tas-saltna taʼ Ġeħojakim is-Sultan taʼ Ġuda, Nabukodonosor, is-sultan taʼ Babilonja, talaʼ Ġerusalemm biex jaħbat għaliha.” (Danjel 1:1) Fit-tielet sena tal-kariga kompleta taʼ sultan taʼ Ġeħojakim, li saltan mis-sena 628 sas-sena 618 Q.E.K., Nabukodonosor kien għadu ma sarx “is-sultan taʼ Babilonja” imma kien il-prinċep werriet. Fis-sena 620 Q.E.K., Nabukodonosor ġiegħel lil Ġeħojakim iħallas il-ħaraġ. Imma wara xi tliet snin, Ġeħojakim irribella. B’hekk, kien fis-sena 618 Q.E.K., jew matul it-tielet sena tal-kariga taʼ sultan taʼ Ġeħojakim bħala vassall taʼ Babilonja, li s-Sultan Nabukodonosor ġie għat-tieni darba Ġerusalemm, biex jikkastiga lir-ribelluż Ġeħojakim.
5. X’kien ir-riżultat tat-tieni kampanja taʼ Nabukodonosor kontra Ġerusalemm?
5 Ir-riżultat taʼ dan l-assedju kien li “Alla . . . telaqlu f’idejh lil Ġeħojakim, sultan taʼ Ġuda, u xi ħaġa mit-tagħmir tat-tempju taʼ Alla.” (Danjel 1:2) Ġeħojakim x’aktarx li miet, jew assassinat jew f’xi rvell, matul l-istadji bikrin taʼ l-assedju. (Ġeremija 22:18, 19) Fis-sena 618 Q.E.K., Ġeħojakin, ibnu taʼ 18-il sena, laħaq sultan warajh. Imma l-ħakma taʼ Ġeħojakin damet biss tliet xhur u għaxart ijiem, u hu ċeda fis-sena 617 Q.E.K.—Qabbel it-2 Slaten 24:10-15.
6. X’għamel Nabukodonosor bit-tagħmir sagru tat-tempju f’Ġerusalemm?
6 Bħala priża, Nabukodonosor ħa xi tagħmir sagru tat-tempju f’Ġerusalemm u ‘ġarru fl-art taʼ Singħar, fid-dar taʼ l-alla tiegħu, u qegħdu fit-teżor tat-tempju taʼ l-alla tiegħu,’ Marduk, jew Merodak bl-Ebrajk. (Danjel 1:2; Ġeremija 50:2) Ġiet skoperta iskrizzjoni Babiloniża li fiha Nabukodonosor huwa rappreżentat bħala li qed jgħid dwar it-tempju taʼ Marduk: “Jien ħżint ġewwa fidda u deheb u ħaġar prezzjuż . . . u poġġejt hemm it-teżor taʼ saltnati.” Se naqraw mill-ġdid dwar dan it-tagħmir sagru fi żmien is-Sultan Beltassar.—Danjel 5:1-4.
IL-FJUR FOST IŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAʼ ĠERUSALEMM
7, 8. Minn Danjel 1:3, 4, u 6, x’nistgħu nikkonkludu dwar il-passat taʼ Danjel u t-tliet sħabu?
7 F’Babilonja ma nġabux biss it-teżori tat-tempju taʼ Jehovah. Jgħid ir-rakkont: “Mbagħad is-sultan ordna lil Asfenaż, il-kbir fost l-uffiċjali tiegħu, biex iġib lil xi wħud mill-Iżraelin, kemm minn nisel is-sultan u kemm minn tal-kbarat, żgħażagħ li ma jkun fihom ebda difett, sbieħ f’surithom, mħarrġin f’kull għerf, mogħnija bid-dehen, jafu jħaddmu l-għaqal, u li jkunu jinqalgħu biex jaqdu fil-palazz tas-sultan.”—Danjel 1:3, 4.
8 Min ġie magħżul? Jintqalilna: “Fosthom kien hemm Danjel, Ħananija, Misaèl u Għażarija, minn ulied Ġuda.” (Danjel 1:6) Dan jitfaʼ xaqq dawl fuq dak li altrimenti huwa l-passat mistur taʼ Danjel u sħabu. Per eżempju, ninnotaw li kienu “minn ulied Ġuda,” it-tribù rjali. Kemm jekk kienu ġejjin mil-linja rjali jew le, huwa raġunevoli li naħsbu li għallinqas kienu ġejjin minn familji taʼ xi importanza u setgħa. Minbarra li kienu b’saħħithom fil-moħħ u fil-ġisem, kellhom ukoll dehen, għerf, għarfien, u dixxerniment—dan kollu meta kellhom biss età żgħira biżżejjed biex jissejħu “żgħażagħ [“tfal,” NW],” forsi ftit wara li għalqu t-tlettax-il sena. Danjel u sħabu bilfors li kienu jispikkaw—il-fjur—fost iż-żgħażagħ f’Ġerusalemm.
9. Għala tidher ħaġa ċerta li Danjel u t-tliet sħabu kellhom ġenituri li jibżgħu minn Alla?
9 Ir-rakkont ma jgħidilniex min kienu l-ġenituri taʼ dawn iż-żgħażagħ. B’danakollu, donnu jidher ċert li kienu individwi devoti u li kienu ħadu bis-serjetà r-responsabbiltajiet tagħhom bħala ġenituri. Meta nikkunsidraw il-kundizzjoni ħażina morali u spiritwali li kienet prevalenti f’Ġerusalemm f’dak iż-żmien, speċjalment fost ‘nisel is-sultan u l-kbarat,’ jidher ċar li l-kwalitajiet eċċellenti li kellhom Danjel u t-tliet sħabu ma ġewx b’kumbinazzjoni. M’għandniex għalfejn ngħidu, il-ġenituri bilfors li qasmu qalbhom meta raw lil uliedhom jittieħdu lejn pajjiż imbiegħed. Li kieku kienu jafu x’se jkun ir-riżultat, kemm kienu jħossuhom kburin! Kemm huwa importanti li l-ġenituri jrabbu lil uliedhom “fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej”!—Efesin 6:4.
BATTALJA GĦALL-MOĦĦ
10. X’għallmuhom liż-żgħażagħ Ebrej, u x’kien l-iskop taʼ dan?
10 Immedjatament, bdiet battalja għall-imħuħ żgħażagħ taʼ dawn l-eżiljati. Biex ikun ċert li dawn l-adolexxenti Ebrej jissawru biex jiffittjaw fis-sistema Babiloniża, Nabukodonosor ħareġ digriet li l-uffiċjali tiegħu ‘jgħallmuhom il-kitba u l-ilsien tal-Kaldin.’ (Danjel 1:4) Din ma kinitx xi edukazzjoni ordinarja. The International Standard Bible Encyclopedia tispjega li kienet “tinkludi l-istudju tas-Sumerjan, l-Akkadjan, l-Aramajk . . . , u lingwi oħrajn, kif ukoll il-letteratura estensiva miktuba bihom.” “Il-letteratura estensiva” kienet tikkonsisti fl-istorja, il-matematika, l-astronomija, eċċ., eċċ. Madankollu, “testi reliġjużi assoċjati, kemm l-omina [it-teħbir] u kemm l-astroloġija . . . , kellhom parti kbira ferm.”
11. Liema passi ttieħdu biex jiġi assigurat li ż-żgħażagħ Ebrej jiġu assimilati f’dik li hi ħajja rjali Babiloniża?
11 Sabiex dawn iż-żgħażagħ Ebrej jadottaw kompletament id-drawwiet u l-kultura f’dik li hi ħajja rjali Babiloniża, “is-sultan ried ukoll li taʼ kuljum jibda jingħatalhom sehem mill-ikel tas-sultan u mill-inbid li kien jixrob hu, u li jibqgħu jitħarrġu għal tliet snin, meta mbagħad jibdew jidhru quddiem is-sultan.” (Danjel 1:5) Barra minn hekk, “lilhom il-kap taʼ l-uffiċjali tahom ismijiet oħrajn: lil Danjel semmieh Beltesassar, lil Ħananija Sidrak, lil Misaèl Mesak, u lil Għażarija Għabednegu.” (Danjel 1:7) Fi żminijiet Bibliċi kienet drawwa komuni li individwu jingħata isem ġdid biex jimmarka xi ġrajja sinjifikanti f’ħajtu. Per eżempju, Jehovah biddel l-ismijiet t’Abram u Saraj għal Abraham u Sara. (Ġenesi 17:5, 15, 16) Li bniedem ibiddel l-isem taʼ xi ħadd ikun evidenza ċara t’awtorità jew dominanza. Meta Ġużeppi sar l-amministratur taʼ l-ikel fl-Eġittu, il-Fargħun semmieh Safenat-panija.—Ġenesi 41:44, 45; qabbel it-2 Slaten 23:34; 24:17.
12, 13. Għala jistaʼ jingħad li t-tibdil taʼ l-ismijiet taż-żgħażagħ Ebrej kien sforz biex tinqered il-fidi tagħhom?
12 Fil-każ taʼ Danjel u t-tliet ħbiebu Ebrej, it-tibdil taʼ l-ismijiet kien sinjifikanti. L-ismijiet li kienu tawhom il-ġenituri tagħhom kienu f’armonija mal-qima taʼ Jehovah. “Danjel” ifisser “L-Imħallef Tiegħi Hu Alla.” “Ħananija” jfisser “Jehovah Wera Favur.” “Misaèl” x’aktarx ifisser “Min Hu Bħal Alla?” “Għażarija” jfisser “Jehovah Għen.” Bla dubju kienet it-tama ferventi tal-ġenituri tagħhom li wliedhom jikbru taħt il-gwida t’Alla Jehovah biex isiru l-qaddejja fidili u leali tiegħu.
13 Madankollu, l-ismijiet ġodda mogħtijin lill-erbaʼ Ebrej kienu kollha assoċjati mill-qrib maʼ dawk t’allat foloz, u dan issuġġerixxa li dak Alla veru kien intrebaħ minn divinitajiet bħal dawn. Xi sforz insidjuż biex tinqered il-fidi taʼ dawn iż-żgħażagħ!
14. X’ifissru l-ismijiet ġodda mogħtijin lil Danjel u lit-tliet sħabu?
14 Isem Danjel ġie mibdul għal Beltesassar, li jfisser “Ipproteġi l-Ħajja tas-Sultan.” B’mod evidenti, din kienet forma mqassra taʼ invokazzjoni lil Bel, jew Marduk, l-alla prinċipali taʼ Babilonja. Kemm jekk Nabukodonosor kellu xi sehem fl-għażla taʼ dan l-isem għal Danjel u kemm jekk le, hu kien kburi li jirrikonoxxi li dan kien “bħalma jismu l-alla tiegħ[u].” (Danjel 4:5 [4:8, NW]) Ħananija ngħata l-isem ġdid taʼ Sidrak, li xi awtoritajiet jemmnu li huwa isem imħallat li jfisser “Kmand taʼ Aku.” Huwa interessanti li tkun taf li Aku kien l-isem taʼ alla Sumerjan. Misaèl ngħata l-isem ġdid taʼ Mesak (possibbilment, Mi·sha·aku), milli jidher bidla makakka taʼ “Min Hu Bħal Alla?” għal “Min Hu Dak Li Aku Hu?” L-isem Babiloniż t’Għażarija kien Għabednegu, li x’aktarx ifisser “Qaddej taʼ Negu.” U “Negu” huwa isem ieħor għal “Nebu,” l-isem taʼ divinità li ngħata wkoll lil għadd taʼ ħakkiema Babiloniżi.
DETERMINATI LI JIBQGĦU LEALI LEJN JEHOVAH
15, 16. Liema perikli kkonfrontaw issa lil Danjel u lil sħabu, u x’kienet ir-reazzjoni tagħhom?
15 L-ismijiet Babiloniżi, il-programm taʼ ri-edukazzjoni, u d-dieta speċjali—dan kollu kien attentat mhux biss biex Danjel u t-tliet żgħażagħ Ebrej jiġu assimilati fil-mod taʼ ħajja Babiloniża imma wkoll biex ibegħedhom minn Alla tagħhom, Jehovah, u mit-taħriġ u l-passat reliġjużi tagħhom. X’se jagħmlu dawn iż-żgħażagħ, konfrontati minn din il-pressjoni u t-tentazzjoni kollha?
16 Ir-rakkont ispirat jgħid: “Danjel kien għamel il-ħsieb li ma jitniġġisx bl-ikel tas-sultan u bl-inbid li kien jixrob hu.” (Danjel 1:8a) Għalkemm Danjel kien l-uniku wieħed imsemmi b’ismu, minn dak li ġara wara huwa evidenti li t-tliet imseħbin tiegħu appoġġaw id-deċiżjoni li ħa. Il-kliem “kien għamel il-ħsieb” juri li l-istruzzjoni provduta mill-ġenituri taʼ Danjel u minn oħrajn lura f’daru kienet messitlu qalbu. Bla dubju, taħriġ simili ggwida lit-tliet Ebrej l-oħrajn meta kienu jieħdu xi deċiżjoni. Dan jagħti stampa fil-wisaʼ tal-valur taʼ li ngħallmu lit-tfal tagħna, anki meta donnhom ikunu jidhru li huma żgħar wisq biex jifhmu.—Proverbji 22:6; 2 Timotju 3:14, 15.
17. Danjel u sħabu għala oġġezzjonaw biss għall-provvedimenti taʼ kuljum tas-sultan u mhux għall-arranġamenti l-oħrajn?
17 Iż-żgħażagħ Ebrej għala oġġezzjonaw biss għall-ikel u għall-inbid imma mhux għall-arranġamenti l-oħrajn? Ir-raġunar taʼ Danjel jindika b’mod ċar għala: “Biex ma jitniġġisx.” Individwu ma jitniġġisx neċessarjament billi jkollu jitgħallem “il-kitba u l-ilsien tal-Kaldin” u billi jingħata isem Babiloniż, għalkemm dan jistaʼ jkun oġġezzjonabbli. Ikkunsidra l-eżempju taʼ Mosè, kważi 1,000 sena qabel. Għalkemm kien ‘imrawwem fl-għerf kollu taʼ l-Eġizzjani,’ baqaʼ leali lejn Jehovah. It-trobbija tiegħu mill-ġenituri tiegħu stess tagħtu pedament solidu. Għaldaqstant, “permezz tal-fidi Mosè, meta kiber, ma riedx jissejjaħ bin it-tifla tal-Fargħun; u għażel li aħjar ikun imkasbar flimkien mal-poplu taʼ Alla milli jgawdi l-hena tad-dnub, hena li jgħaddi f’qasir żmien.”—Atti 7:22; Lhud 11:24, 25.
18. Il-provvedimenti tas-sultan b’liema modi kienu se jniġġsu liż-żgħażagħ Ebrej?
18 Il-provvedimenti tas-sultan Babiloniż b’liema mod kienu se jniġġsu liż-żgħażagħ? L-ewwel, l-ikel setaʼ kien jinkludi affarijiet projbiti mil-Liġi Mosajka. Per eżempju, il-Babiloniżi kienu jieklu annimali mhux nodfa, xi ħaġa projbita għall-Iżraeliti taħt il-Liġi. (Levitiku 11:1-31; 20:24-26; Dewteronomju 14:3-20) It-tieni, il-Babiloniżi ma kellhomx id-drawwa li jiżvinaw l-annimali li kienu joqtlu qabel ma jieklu l-laħam tagħhom. Il-liġi taʼ Jehovah dwar id-demm kienet tinkiser direttament meta wieħed jiekol laħam bid-demm fih. (Ġenesi 9:1, 3, 4; Levitiku 17:10-12; Dewteronomju 12:23-25) It-tielet, dawk li jqimu lill-allat foloz ġeneralment joffru l-ikel tagħhom lill-idoli qabel ma jikluh f’xi ikla taʼ komunjoni. Qaddejja taʼ Jehovah ma jkunux iridu li jkollhom x’jaqsmu maʼ dan! (Qabbel l-1 Korintin 10:20-22.) Fl-aħħarnett, ħafna ikel rikk u xorb qawwi jum wara l-ieħor ma tantx huma tajbin għas-saħħa tan-nies hi x’inhi l-età tagħhom, aħseb u ara għaż-żgħażagħ.
19. X’setaʼ għadda minn moħħ iż-żgħażagħ Ebrej, imma x’għenhom biex jaslu għall-konklużjoni t-tajba?
19 Li tkun taf x’għandek tagħmel hi ħaġa, imma li jkollok il-kuraġġ li tagħmilha meta tkun taħt pressjoni jew tentazzjoni hi ħaġa oħra. Danjel u t-tliet ħbiebu setgħu rraġunaw li ladarba kienu ’l bogħod mill-ġenituri u l-ħbieb tagħhom, dawn ma kinux se jkunu jafu x’għamlu. Setaʼ għadda minn moħħhom ukoll li din kienet l-ordni tas-sultan u li ma deher li kien hemm ebda alternattiva. Iżjed minn hekk, żgħażagħ oħrajn bla dubju kienu pronti jaċċettaw l-arranġamenti u jgħoddu l-fatt li jipparteċipaw bħala privileġġ u mhux tbatija. Imma ħsieb żbaljat bħal dan setaʼ jwassal faċilment għall-waqgħa f’xi dnub sigriet, li hija nasba għal ħafna żgħażagħ. Iż-żgħażagħ Ebrej kienu jafu li “kullimkien iħarsu għajnejn il-Mulej” u li “Alla jġib għall-ħaqq tiegħu l-għemejjel kollha, sa l-inqas ħaġa moħbija, sew tajba u sew ħażina.” (Proverbji 15:3; Koħèlet 12:14) Ejjew ilkoll kemm aħna nieħdu lezzjoni mill-korsa taʼ dawn iż-żgħażagħ leali.
IL-KURAĠĠ U L-PERSISTENZA KIENU PREMJANTI
20, 21. Danjel liema azzjoni ħa, u b’liema riżultat?
20 Wara li ddeċieda f’qalbu li jirreżisti l-influwenzi li jikkorrompu, Danjel issokta jaġixxi f’armonija mad-deċiżjoni tiegħu. “Talab [“baqaʼ jitlob,” NW] lill-kap taʼ l-uffiċjali biex ma jitniġġisx.” (Danjel 1:8b) “Baqaʼ jitlob”—x’espressjoni taʼ min jinnotaha! Spiss, sforz persistenti jkun meħtieġ jekk nittamaw li jkollna suċċess f’li nirreżistu t-tentazzjonijiet jew negħlbu ċerti dgħjufijiet.—Galatin 6:9.
21 Fil-każ taʼ Danjel, il-persistenza tat il-frott. “Alla ta lil Danjel li jsib tjieba u ħniena quddiem il-kap taʼ l-uffiċjali.” (Danjel 1:9) Ma kienx minħabba li Danjel u sħabu kienu attraenti u intelliġenti li eventwalment l-affarijiet irnexxewlhom. Pjuttost, kien minħabba l-barka taʼ Jehovah. Bla dubju, Danjel ftakar fil-proverbju Ebrajk: “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” (Proverbji 3:5, 6) Kien tabilħaqq premjanti li jiġi segwit dak il-parir.
22. Il-kap taʼ l-uffiċjali qajjem liema oġġezzjoni leġittima?
22 Għall-ewwel, il-kap taʼ l-uffiċjali oġġezzjona: “Nibżaʼ minn sidi s-sultan, li ordna x’għandkom tixorbu, li ma jmurx jaralkom wiċċkom mixrub aktar minn dak taż-żgħażagħ l-oħra taʼ mparkom; inkella mbagħad rasi jkollha tagħmel tajjeb għalikom quddiem is-sultan!” (Danjel 1:10) Dawn kienu oġġezzjonijiet u beżgħat leġittimi. Is-Sultan Nabukodonosor ma kienx jippermetti li xi ħadd ma jobdihx, u l-uffiċjal irrealizza li ‘rasu’ kienet tkun fil-periklu kieku kellu jaġixxi kontra l-istruzzjonijiet tas-sultan. X’kien se jagħmel Danjel?
23. Permezz tal-korsa li ħa, Danjel kif wera dehen u għerf?
23 Hawn hu fejn kien hemm bżonn id-dehen u l-għerf. Iż-żagħżugħ Danjel x’aktarx li ftakar fil-proverbju: “Tweġiba ħelwa ttaffi l-korla, kelma iebsa tqajjem l-għadab.” (Proverbji 15:1) Minflok ma insista b’ras iebsa biex it-talba tiegħu tintlaqaʼ, u b’hekk possibbilment jipprovoka lil oħrajn biex jagħmlu martri minnu, Danjel ħallieha tibred il-kwistjoni. Fiż-żmien xieraq, hu avviċina lill-“għassies,” li forsi kien iktar lest li jippermetti xi ftit flessibiltà peress li ma kellux jagħti kont direttament lis-sultan.—Danjel 1:11, Saydon.
PROPOSTA PROVA TAʼ GĦAXART IJIEM
24. Danjel liema prova ppropona?
24 Danjel ippropona prova lill-gwardjan, billi qal: “Nitolbok tagħmel prova taʼ għaxart ijiem fuq il-qaddejja tiegħek, biex lilna tagħtina nieklu ħxejjex u nixorbu l-ilma. Mbagħad ejja ħares lejna u lejn iż-żgħażagħ l-oħra li jieklu mill-ikel tas-sultan, u fuq dak li tara, imxi mal-qaddejja tiegħek.”—Danjel 1:12, 13.
25. X’kien x’aktarx inkluż fil-“ħxejjex” servuti lil Danjel u lit-tliet ħbiebu?
25 Għaxart ijiem fuq il-‘ħaxix u l-ilma’—kienu huma se jsiru ‘wiċċhom mixrub’ meta mqabblin maʼ l-oħrajn? Il-kelma “ħxejjex” hija tradotta minn kelma Ebrajka li bażikament tfisser “żrieragħ.” Ċerti traduzzjonijiet tal-Bibbja jittraduċuha bħala “legumi,” li tfisser “iż-żrieragħ li jittieklu taʼ diversi prodotti tal-familja tal-legumi (bħal piżelli, ful, jew għads).” Xi studjużi jħossu li l-kuntest jindika dieta li ma tinkludix biss żrieragħ li jittieklu. Xogħol taʼ referenza jgħid: “Dik li Danjel u sħabu kienu qegħdin jitolbu kienet id-dieta sempliċi bil-ħaxix tal-popolin minflok id-dieta iktar rikka u mimlija laħam tal-mejda rjali.” B’hekk, il-ħxejjex setgħu kienu jinkludu ikliet nutrijenti mħawrin bil-ful, ħjar, tewm, kurrat, għads, bħajra, u basal u ħobż magħmul minn diversi qmuħ. Żgur li din ħadd ma se jikkunsidraha xi dieta li tħallik bil-ġuħ. Milli jidher, il-gwardjan fehmu l-punt. “Hu qagħad għal dak li qalulu, u għaddiehom minn prova taʼ għaxart ijiem.” (Danjel 1:14) X’kien ir-riżultat?
26. X’kien ir-riżultat tal-prova taʼ għaxart ijiem, u l-affarijiet għala żvolġew hekk?
26 “Meta għaddew l-għaxart ijiem, dehru li kienu sbieħu u tqawwew f’ġisimhom aktar miż-żgħażagħ l-oħra li kienu jieklu mill-ikel tas-sultan.” (Danjel 1:15) Dan ma jridx jittieħed bħala evidenza li dieta bil-ħaxix hija superjuri għal dieta iktar rikka mimlija laħam. Perijodu taʼ għaxart ijiem huwa żmien qasir għal kwalunkwe tip taʼ dieta biex jipproduċi riżultati tanġibbli, imma m’huwiex qasir iżżejjed għal Jehovah biex iwettaq l-iskop tiegħu. “Il-barka tal-Mulej iġġib l-għana, u xejn ma jżid magħha t-taħbit tagħna,” tgħid il-Kelma tiegħu. (Proverbji 10:22) L-erbaʼ żgħażagħ Ebrej poġġew il-fidi u l-fiduċja tagħhom f’Jehovah, u hu m’abbandunahomx. Sekli wara, Ġesù Kristu baqaʼ ħaj mingħajr ikel għal 40 jum. F’dan ir-rigward, hu kkwota l-kliem li nsibu f’Dewteronomju 8:3, fejn naqraw: “Mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b’dak kollu li joħroġ minn fomm il-Mulej, b’dan jgħix il-bniedem.” L-esperjenza taʼ Danjel u ħbiebu hija eżempju klassiku taʼ dan.
ID-DEHEN U L-GĦERF JIEĦDU POST L-IKEL U L-INBID
27, 28. Id-dieta li Danjel u t-tliet ħbiebu ssottomettew ruħhom għaliha b’liema modi kienet preparazzjoni għal affarijiet akbar li kienu ġejjin?
27 L-għaxart ijiem kienu biss prova, imma r-riżultati kienu konvinċenti ferm. “Għalhekk l-uffiċjal [“l-għassies,” Saydon] neħħielhom l-ikel speċjali tagħhom u l-inbid li tahom jixorbu, u newwlilhom il-ħxejjex.” (Danjel 1:16) M’huwiex diffiċli timmaġina x’ħasbu ż-żgħażagħ l-oħrajn dwar Danjel u sħabu fil-programm taʼ taħriġ. Żgur li għalihom kien jidher ferm taʼ bluha li festa tas-sultan tiġi mibdula kuljum mal-ħxejjex. Imma provi kbar u tiġrib kbir kienu qed jixirfu fuq ix-xefaq, u dawn kienu se jirrikjedu l-attenzjoni u s-serjetà kollha li ż-żgħażagħ Ebrej setgħu jiksbu. Fuq kollox, kienu l-fidi u l-fiduċja tagħhom f’Jehovah li kellhom jgħadduhom b’suċċess mill-provi tal-fidi tagħhom.—Qabbel Ġożwè 1:7.
28 L-evidenza li Jehovah kien maʼ dawn iż-żgħażagħ tistaʼ tidher f’dak li se jingħad issa: “Lil dawk l-erbaʼ żgħażagħ Alla tahom għerf u għaqal f’kull kitba u għerf, u Danjel sar jifhem id-dehriet u l-ħolm kollu.” (Danjel 1:17) Biex ikampaw maż-żminijiet diffiċli li kienu ġejjin, huma kellhom bżonn iktar minn forza fiżika u saħħa. “L-għerf jidħollok f’moħħok, u t-tagħrif ikun l-għaxqa taʼ qalbek. L-għaqal jgħasses fuqek, il-fehma tajba tħarsek, teħilsek minn triq il-ħażen.” (Proverbji 2:10-12) Dan kien preċiż dak li Jehovah ta lill-erbaʼ żgħażagħ leali biex jarmahom għal dak li kien ġej.
29. Danjel kif kellu l-ħila “jifhem id-dehriet u l-ħolm kollu”?
29 Jingħad li Danjel “sar jifhem id-dehriet u l-ħolm kollu.” Dan ma jfissirx li kien sar xi psikiku. Huwa interessanti li għalkemm Danjel hu meqjus bħala wieħed mill-profeti l-kbar Ebrej, hu qatt ma ġie ispirat biex ilissen xi dikjarazzjonijiet bħal “dan jgħid Sidi l-Mulej” jew “dan jgħid il-Mulej taʼ l-eżerċti.” (Isaija 28:16; Ġeremija 6:9) Madankollu, kien biss taħt il-gwida taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla li Danjel kellu l-ħila jifhem u jinterpreta dehriet u ħolm li rrivelaw l-iskop taʼ Jehovah.
FINALMENT, IL-PROVA KRUĊJALI
30, 31. Il-korsa li ħadu Danjel u sħabu kif uriet li kienet taʼ benefiċċju għalihom?
30 It-tliet snin taʼ ri-edukazzjoni u tħejjija spiċċaw. Imbagħad ġiet il-prova kruċjali—intervista persunali mas-sultan. “Meta wasal iż-żmien li fih iż-żgħażagħ kellhom jidħlu quddiem is-sultan, kif hu stess kien ordna, il-kap taʼ l-uffiċjali daħħalhom quddiem Nabukodonosor.” (Danjel 1:18) Kien wasal iż-żmien biex l-erbaʼ żgħażagħ jagħtu kont tagħhom infushom. Kien se jkunilhom taʼ benefiċċju li żammew mal-liġijiet taʼ Jehovah minflok ma ċedew għall-modi Babiloniżi?
31 “Is-sultan qagħad jitkellem magħhom, u fosthom ilkoll ma nstab ħadd bħal Danjel, Ħananija, Misaèl u Għażarija; u dawn baqgħu quddiem is-sultan.” (Danjel 1:19) X’vendikar sħiħ kien dak għall-aġir tagħhom matul it-tliet snin li kienu għaddew! Ma kinitx bluha min-naħa tagħhom li jibqgħu fuq dieta dettata mill-fidi u l-kuxjenza tagħhom. Danjel u ħbiebu tbierku b’affarijiet akbar talli kienu leali f’dak li setaʼ deher li kien l-inqas. Il-privileġġ li ‘jibqgħu quddiem is-sultan’ kien l-objettiv imfittex miż-żgħażagħ kollha fil-programm taʼ taħriġ. Il-Bibbja ma tgħidx jekk l-erbaʼ żgħażagħ Ebrej kinux l-uniċi li ntgħażlu. Kien x’kien il-każ, il-korsa leali tagħhom ġabitilhom tabilħaqq “ħlas tajjeb.”—Salm 19:12 [19:11, NW].
32. Għala jistaʼ jingħad li Danjel, Ħananija, Misaèl, u Għażarija gawdew privileġġ akbar milli jkunu fis-servizz tas-sultan?
32 “Qatt rajt wieħed imħarreġ fis-sengħa tiegħu? Dan mas-slaten issibu,” tgħid l-Iskrittura. (Proverbji 22:29) B’hekk, Danjel, Ħananija, Misaèl, u Għażarija ntgħażlu minn Nabukodonosor biex jieqfu quddiem is-sultan, jiġifieri, biex ikunu parti mill-assemblea rjali u formali taʼ kunsillieri u uffiċjali. F’dan kollu, nistgħu naraw l-id taʼ Jehovah timmanuvra l-affarijiet sabiex permezz taʼ dawn iż-żgħażagħ—speċjalment permezz taʼ Danjel—isiru magħrufin aspetti importanti taʼ l-iskop divin. Għalkemm kien unur li tintgħażel biex tkun parti mill-assemblea formali taʼ kunsillieri u uffiċjali taʼ Nabukodonosor, kien unur ferm akbar li tintuża b’mod daqshekk meraviljuż mis-Sultan Universali, Jehovah.
33, 34. (a) Is-sultan għala kien impressjonat biż-żgħażagħ Ebrej? (b) Liema lezzjoni nistgħu nisiltu mill-esperjenza taʼ l-erbaʼ Ebrej?
33 Nabukodonosor malajr skopra li l-għerf u d-dehen li Jehovah kien ta lill-erbaʼ żgħażagħ Ebrej kienu ferm superjuri għall-għerf u d-dehen li kellhom il-kunsillieri u l-għorrief kollha tiegħu. “F’kull ħaġa taʼ għerf u għaqal li kien jistaqsihom is-sultan, kien isibhom għaxar darbiet aqwa mill-maġi u l-bassara kollha li kien hemm fis-saltna kollha tiegħu.” (Danjel 1:20) Kif setaʼ dan ikun xort’oħra? Il-“maġi” u l-“bassara” strieħu fuq it-tagħlim dinji u superstizzjuż taʼ Babilonja, filwaqt li Danjel u ħbiebu poġġew il-fiduċja tagħhom fl-għerf minn fuq. Sempliċement ma setaʼ jkun hemm ebda paragun—ebda sfida!
34 L-affarijiet ma tantx tbiddlu matul is-sekli li għaddew. Fl-ewwel seklu E.K., meta l-filosofija Griega u l-liġi Rumana kienu popolari, l-appostlu Pawlu ġie mnebbaħ jikteb: “L-għerf taʼ din id-dinja hu bluha quddiem Alla. Għax hemm miktub: ‘Hu li jaqbad l-għorrief fil-ħażen tagħhom’; u terġaʼ: ‘Il-Mulej jaf li fiergħa huma l-ħsibijiet taʼ l-għorrief’. Għalhekk ħadd ma għandu jiftaħar bil-bnedmin.” (1 Korintin 3:19-21) Illum, jeħtieġ li nżommu sod maʼ dak li għallimna Jehovah u mhux niġu żvijati faċilment mit-tlellix u x-xinxilli tad-dinja.—1 Ġwann 2:15-17.
LEALI SAT-TMIEM
35. Kemm jintqalilna dwar it-tliet imseħbin taʼ Danjel?
35 Il-fidi qawwija taʼ Ħananija, Misaèl, u Għażarija tintwera b’mod drammatiku f’Danjel kapitlu 3, f’konnessjoni maʼ l-istatwa tad-deheb taʼ Nabukodonosor fuq il-wita taʼ Dura u mal-prova tal-forn tan-nar iħeġġeġ. Dawn l-Ebrej li kellhom il-biżaʼ t’Alla bla dubju baqgħu leali lejn Jehovah sakemm mietu. Dan nafuh għaliex mingħajr dubju l-appostlu Pawlu kien qed jalludi għalihom meta kiteb dwar dawk li “bil-qawwa tal-fidi . . . tfew il-qawwa tan-nar.” (Lhud 11:33, 34) Dawn l-individwi huma eżempji li jispikkaw għall-qaddejja taʼ Jehovah, żgħar u kbar.
36. Danjel kellu liema karriera taʼ l-għaġeb?
36 Inkwantu għal Danjel 1:21, l-aħħar vers taʼ kapitlu 1 jgħid: “Danjel baqaʼ hemm sa l-ewwel sena tas-sultan Ċiru.” Ir-rakkont storiku jirrivela li Ċiru għeleb lil Babilonja f’lejl wieħed, fis-sena 539 Q.E.K. B’mod evidenti, minħabba r-reputazzjoni u l-qagħda tiegħu, Danjel kompla jaqdi bħala wieħed mill-kunsillieri u l-uffiċjali taʼ Ċiru. Fil-fatt, Danjel 10:1 jgħidilna li “fit-tielet sena taʼ Ċiru, sultan tal-Persja,” Jehovah rrivelalu kwistjoni importanti ferm lil Danjel. Jekk kien adolexxent meta ttieħed f’Babilonja fis-sena 617 Q.E.K., allura kellu kważi 100 sena meta rċieva dik il-viżjoni finali. X’karriera twila u mbierka taʼ servizz leali lejn Jehovah!
37. Liema lezzjonijiet nistgħu nisiltu meta nikkunsidraw Danjel kapitlu 1?
37 L-ewwel kapitlu tal-ktieb taʼ Danjel ma fihx biss storja t’erbaʼ żgħażagħ leali li jgħaddu b’suċċess minn provi għall-fidi. Jurina kif Jehovah jistaʼ juża lil kulmin irid biex iwettaq l-iskop tiegħu. Ir-rakkont juri li bil-permess taʼ Jehovah, dak li forsi jidher li hu gwaj jistaʼ jaqdi skop utli. U jgħidilna li l-fedeltà f’affarijiet żgħar iġġib premju kbir ferm.
X’INNOTAJT?
• X’jistaʼ jingħad dwar il-passat taʼ Danjel u t-tliet ħbiebu żgħażagħ?
• It-trobbija mill-aħjar taʼ l-erbaʼ żgħażagħ Ebrej kif ġiet taħt prova f’Babilonja?
• Jehovah kif ippremja lill-erbaʼ Ebrej għall-waqfa kuraġġuża tagħhom?
• Il-qaddejja tal-lum taʼ Jehovah x’lezzjonijiet jistgħu jitgħallmu minn Danjel u t-tliet imseħbin tiegħu?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 30]