Is-Slaten Rivali Jidħlu fis-Seklu 20
Kapitlu Ħmistax
Is-Slaten Rivali Jidħlu fis-Seklu 20
1. Wieħed storjografu min jgħid li kienu l-mexxejja taʼ l-Ewropa fis-seklu 19?
“HEMM dinamiżmu dwar l-Ewropa tas-seklu dsatax li jisboq bil-kbir lil kwalunkwe ħaġa li kienet magħrufa qabel,” jikteb l-istorjografu Norman Davies. Hu jżid: “L-Ewropa vvibrat b’qawwa bħal qatt qabel: b’qawwa teknika, qawwa ekonomika, qawwa kulturali, qawwa interkontinentali.” Il-mexxejja tas-“‘seklu tal-qawwa’ trijonfanti taʼ l-Ewropa,” jgħid Davies, “kienu l-ewwelnett il-Gran Britannja . . . u fis-snin taʼ wara, il-Ġermanja.”
“MOĦĦHOM IFASSAL IL-ĦAŻEN”
2. Hekk kif intemm is-seklu 19, liema qawwiet okkupaw l-irwoli tas-“sultan tat-tramuntana” u tas-“sultan tan-nofsinhar”?
2 Hekk kif is-seklu 19 kien wasal biex jintemm, l-Imperu Ġermaniż kien “is-sultan tat-tramuntana” u l-Britannja okkupat il-pożizzjoni “tas-sultan tan-nofsinhar.” (Danjel 11:14, 15) “Iż-żewġ slaten,” qal l-anġlu taʼ Jehovah, “b’moħħhom ifassal il-ħażen, jgħidu kliem b’ieħor saħansitra waqt li jkunu fuq mejda waħda.” Hu kompla: “Imma ma jaslu mkien, għax ikun għadu m’huwiex il-waqt.”—Danjel 11:27.
3, 4. (a) Min sar l-ewwel imperatur tar-Reich Ġermaniż, u liema alleanza ġiet ifformata? (b) Il-Kajżer Guliermu liema politika segwa?
3 Fit-tmintax taʼ Jannar, 1871, Guliermu I sar l-ewwel imperatur tar-Reich, jew Imperu, Ġermaniż. Hu ħatar lil Otto von Bismarck bħala kanċillier. Billi ffoka fuq li jiżviluppa l-imperu l-ġdid, Bismarck evita konflitti maʼ nazzjonijiet oħrajn u fforma alleanza maʼ l-Awstrija-Ungerija u maʼ l-Italja, magħrufa bħala l-Alleanza Tripla. Imma dak li kien jinteressa lil dan is-sultan il-ġdid tat-tramuntana malajr ġie f’konflitt maʼ dak li kien jinteressa lis-sultan tan-nofsinhar.
4 Wara li fl-1888 mietu Guliermu I u s-suċċessur tiegħu Federiku III, telaʼ fuq it-tron Guliermu II li kellu 29 sena. Guliermu II, jew il-Kajżer Guliermu, ġiegħel lil Bismarck jirriżenja u segwa politika li kellha tespandi l-influwenza tal-Ġermanja madwar id-dinja. “Taħt Guliermu II,” jgħid wieħed storjografu, “[il-Ġermanja] assumiet attitudni arroganti u aggressiva.”
5. Iż-żewġ slaten kif qagħdu bil-qegħda madwar “mejda waħda,” u x’qalu hemmhekk?
5 Meta l-Kżar Nikola II tar-Russja laqqaʼ konferenza tal-paċi f’The Hague, l-Olanda, fl-24 t’Awissu, 1898, l-atmosfera kienet waħda taʼ tensjoni internazzjonali. Din il-konferenza u dik li segwietha fl-1907 stabbilew il-Qorti Permanenti taʼ l-Arbitraġġ f’The Hague. Billi saru membri taʼ din il-qorti, ir-Reich Ġermaniż kif ukoll il-Gran Britannja taw l-impressjoni li kienu favur il-paċi. Qagħdu bil-qegħda madwar “mejda waħda,” u b’hekk dehru li kienu ħbieb, imma ‘moħħhom fassal il-ħażen.’ It-tattika diplomatika taʼ li “jgħidu kliem b’ieħor . . . fuq mejda waħda” ma setgħetx tippromwovi l-paċi vera. Inkwantu għall-ambizzjonijiet politiċi, kummerċjali, u militari tagħhom, ‘ma waslu mkien’ bihom għaliex ‘kien għadu m’huwiex il-waqt’ t’Alla Jehovah għat-tmiem taż-żewġ slaten.
“KONTRA L-PATT IMQADDES”
6, 7. (a) Is-sultan tat-tramuntana b’liema mod ‘reġaʼ lura lejn pajjiżu’? (b) Is-sultan tan-nofsinhar kif irreaġixxa għall-fatt li s-sultan tat-tramuntana kien qed jifrex l-influwenza tiegħu?
6 L-anġlu t’Alla ssokta jgħid: “U [is-sultan tat-tramuntana] jerġaʼ lura lejn pajjiżu b’ġid kbir, kollu thewdin kontra l-patt imqaddes, iħabrek u jerġaʼ jmur f’pajjiżu.”—Danjel 11:28.
7 Il-Kajżer Guliermu mar lura lejn il-‘pajjiż,’ jew il-kundizzjoni fuq l-art, tas-sultan tat-tramuntana tal-qedem. Kif? Billi bena ħakma imperjali mfassla biex tespandi r-Reich Ġermaniż u testendi l-influwenza tiegħu. Guliermu II beda jsus wara għanijiet kolonjali fl-Afrika u f’postijiet oħrajn. Billi ried jisfida s-supremazija Britannika fuq il-baħar, hu ssokta jibni flotta potenti. “Il-qawwa navali tal-Ġermanja, minn waħda taʼ bla importanza, saret it-tieni waħda biss wara dik tal-Britannja fi ftit iktar minn għaxar snin,” tgħid The New Encyclopædia Britannica. Sabiex iżżomm is-supremazija tagħha, il-Britannja fil-fatt kellha tespandi l-programm navali tagħha. Il-Britannja nnegozjat ukoll l-entente cordiale (ftehim kordjali) maʼ Franza u qbil simili mar-Russja, u b’hekk ifformat il-Ftehim Triplu. L-Ewropa kienet issa maqsuma f’żewġ kampijiet militari—fuq naħa l-Alleanza Tripla u fuq l-oħra l-Ftehim Triplu.
8. L-Imperu Ġermaniż kif ġie li jkollu “ġid kbir”?
8 L-Imperu Ġermaniż segwa politika aggressiva li rriżultat f’“ġid kbir” għall-Ġermanja għaliex din kienet il-parti ewlenija taʼ l-Alleanza Tripla. L-Awstrija-Ungerija u l-Italja kienu Kattoliċi Rumani. Għalhekk, l-Alleanza Tripla gawdiet ukoll il-favur papali, mentri s-sultan tan-nofsinhar, bil-Ftehim Triplu tiegħu, li fil-parti l-kbira ma kienx Kattoliku, ma gawdiex dan il-favur.
9. Is-sultan tat-tramuntana kif kien ‘kontra l-patt imqaddes’ f’qalbu?
9 Xi ngħidu dwar il-poplu taʼ Jehovah? Dawn kienu ilhom li ddikjaraw li “żmien il-ġnus” kellu jintemm fl-1914. a (Luqa 21:24) F’dik is-sena, is-Saltna t’Alla f’idejn Ġesù Kristu, l-Eredi tas-Sultan David, ġiet stabbilita fis-smewwiet. (2 Samwel 7:12-16; Luqa 22:28, 29) Sa minn Marzu taʼ l-1880, ir-rivista Watch Tower rabtet il-ħakma tas-Saltna t’Alla mat-tmiem taʼ “żmien il-ġnus,” jew “żmien il-Ġentili.” (KŻ) Imma qalb is-sultan Ġermaniku tat-tramuntana kienet ‘kontra l-patt imqaddes tas-Saltna.’ Minflok ma rrikonoxxa l-ħakma tas-Saltna, il-Kajżer Guliermu ‘ħabrek’ billi ppromwova l-pjanijiet li kellu biex jiddomina d-dinja. Iżda, b’dan l-aġir hu żeraʼ ż-żerriegħa għall-Ewwel Gwerra Dinjija.
IS-SULTAN “JAQTAʼ QALBU” FI GWERRA
10, 11. Kif bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija, u dan kif kien fil-“waqt”?
10 “Meta jasal il-waqt [is-sultan tat-tramuntana] imur lejn in-nofsinhar,” bassar l-anġlu, “imma din il-mawra tiegħu taʼ l-aħħar ma tkunx bħal taʼ qabel.” (Danjel 11:29) Il-“waqt” t’Alla biex itemm id-dominju taʼ l-art mill-Ġentili ġie fl-1914 meta hu stabbilixxa s-Saltna fis-sema. Dik is-sena, fit-28 taʼ Ġunju, l-Arċiduka Awstrijak Francis Ferdinand u martu ġew assassinati minn terrorist Serbjan f’Sarajevo, il-Bosnja. Dik kienet ix-xrara li kebbset l-Ewwel Gwerra Dinjija.
11 Il-Kajżer Guliermu ħeġġeġ lill-Awstrija-Ungerija biex tirritalja kontra s-Serbja. L-Awstrija-Ungerija, żgurata mill-appoġġ tal-Ġermanja, iddikjarat gwerra kontra s-Serbja fit-28 taʼ Lulju, 1914. Imma r-Russja ndaħlet biex tgħin lis-Serbja. Meta l-Ġermanja ddikjarat gwerra kontra r-Russja, Franza (waħda mill-alleati fil-Ftehim Triplu) appoġġat lir-Russja. Il-Ġermanja mbagħad iddikjarat gwerra kontra Franza. Biex Pariġi ssir aċċessibbli iktar malajr, il-Ġermanja invadiet il-Belġju, li n-newtralità tiegħu kienet ġiet garantita mill-Britannja. Għalhekk, il-Britannja ddikjarat gwerra kontra l-Ġermanja. Nazzjonijiet oħrajn involvew ruħhom, u l-Italja minn maʼ naħa marret maʼ l-oħra. Matul il-gwerra, il-Britannja għamlet lill-Eġittu l-protettorat tagħha sabiex ma tħallix lis-sultan tat-tramuntana jagħlaq il-Kanal taʼ Swejz u jinvadi l-Eġittu, il-pajjiż tal-qedem tas-sultan tan-nofsinhar.
12. Matul l-ewwel gwerra dinjija, l-affarijiet b’liema mod ma seħħewx “bħal taʼ qabel”?
12 “Minkejja d-daqs u s-saħħa taʼ l-Alleati,” tgħid The World Book Encyclopedia, “il-Ġermanja donnha kienet qrib li tirbaħ il-gwerra.” F’konflitti li saru qabel bejn iż-żewġ slaten, l-Imperu Ruman, bħala sultan tat-tramuntana, kien ħareġ rebbieħ b’mod konsistenti. Imma din id-darba, ‘il-mawra tiegħu taʼ l-aħħar ma kinitx bħal taʼ qabel.’ Is-sultan tat-tramuntana tilifha l-gwerra. Biex jagħti r-raġuni għal dan il-fatt, l-anġlu qal: “Jiġu għalih l-iġfna taʼ Kittin, u hu jaqtaʼ qalbu.” (Danjel 11:30a) X’kienu dawn “l-iġfna taʼ Kittin”?
13, 14. (a) Fil-biċċa l-kbira x’kienu l-“iġfna taʼ Kittin” li ġew kontra s-sultan tat-tramuntana? (b) Kif ġew iktar iġfna taʼ Kittin hekk kif kompliet l-ewwel gwerra dinjija?
13 Fi żmien Danjel, Kittin kien Ċipru. Kmieni fl-ewwel gwerra dinjija, Ċipru kien inkorporat mal-Britannja. Iktar minn hekk, skond The Zondervan Pictorial Encyclopedia of the Bible, l-isem Kittin “jiġi estiż biex jinkludi l-P[unent] in ġenerali, imma sp[eċjalment] il-P[unent] li jbaħħar.” In-New International Version tittraduċi l-espressjoni “iġfna taʼ Kittin” bħala “xwieni tax-xtajtiet tal-punent.” Matul l-ewwel gwerra dinjija, l-iġfna taʼ Kittin kienu prinċipalment l-iġfna tal-Britannja, ankrati ’l barra mill-kosta tal-punent taʼ l-Ewropa.
14 Hekk kif il-gwerra ssoktat bil-mod il-mod, il-Flotta Britannika ssaħħet b’iktar iġfna taʼ Kittin. Fis-sebgħa taʼ Mejju, 1915, is-sottomarin Ġermaniż U-20 għarraq il-vapur tal-passiġġieri Lusitania ’l barra mill-kosta tan-nofsinhar taʼ l-Irlanda. Fost il-mejtin kien hemm 128 Amerikan. Iktar tard, il-Ġermanja estendiet il-konflitt bis-sottomarini għal ġo l-Atlantiku. Sussegwentement, fis-6 t’April, 1917, il-President taʼ l-Istati Uniti Woodrow Wilson iddikjara gwerra kontra l-Ġermanja. Billi ġie rinforzat bil-bastimenti tal-gwerra u bit-truppi taʼ l-Istati Uniti, is-sultan tan-nofsinhar—issa l-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana—kien fi gwerra totali mas-sultan rival tiegħu.
15. Is-sultan tat-tramuntana meta ‘qataʼ qalbu’?
15 Taħt l-attakk mill-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana, is-sultan tat-tramuntana ‘qataʼ qalbu’ u ċeda l-armi f’Novembru taʼ l-1918. Guliermu II ħarab fl-eżilju fl-Olanda, u l-Ġermanja saret repubblika. Imma s-sultan tat-tramuntana kien għadu jferfer.
IS-SULTAN “JAĦDEM” B’MOD EFFETTIV
16. Skond il-profezija, is-sultan tat-tramuntana kif kellu jirreaġixxi għat-telfa tiegħu?
16 “[Is-sultan tat-tramuntana] jerġaʼ lura. Mixgħul bil-korla jaħdem kontra l-patt imqaddes, u mill-ġdid iżomm fi ħsiebu lil dawk li jkunu nfirdu mill-patt imqaddes.” (Danjel 11:30b) Hekk ipprofetizza l-anġlu, u hekk ġara.
17. X’wassal biex Adolf Hitler jitlaʼ fil-poter?
17 Wara li spiċċat il-gwerra, fl-1918, l-Alleati rebbiħin imponew trattat taʼ paċi bħala kastig fuq il-Ġermanja. Il-poplu tal-Ġermanja sabhom kefrin it-termini tat-trattat, u r-repubblika l-ġdida kienet dgħajfa mill-bidu. Il-Ġermanja theżżet għal xi snin f’hemm estrem u ġarrbet id-Dipressjoni l-Kbira li fl-aħħar mill-aħħar ħalliet sitt miljuni bla xogħol. Sa kmieni fis-snin 30, il-kundizzjonijiet kienu addattati biex Adolf Hitler jitlaʼ fil-poter. Hu sar kanċillier f’Jannar taʼ l-1933 u s-sena taʼ wara assuma l-presidenza taʼ dak li n-Nazi sejħulu t-Tielet Reich. b
18. Hitler kif ‘ħadem’ b’mod effettiv?
18 Minnufih wara li telaʼ fil-poter, Hitler fetaħ attakk feroċi kontra “l-patt imqaddes” li kien irrappreżentat mill-aħwa midlukin taʼ Ġesù Kristu. (Mattew 25:40) F’dan hu ‘ħadem’ b’mod effettiv kontra dawn il-Kristjani leali, billi ppersegwita krudelment lil ħafna minnhom. Hitler gawda suċċessi ekonomiċi u diplomatiċi, billi ‘ħadem’ b’mod effettiv f’dawk l-oqsma wkoll. Fi ftit snin għamel lill-Ġermanja potenza taʼ min jikkunsidraha fix-xena dinjija.
19. Biex ifittex l-appoġġ, Hitler maʼ min innamra?
19 Hitler ‘żamm fi ħsiebu lil dawk li jkunu nfirdu mill-patt imqaddes.’ Min kienu dawn? B’mod evidenti, il-mexxejja tal-Kristjaneżmu, li sostnew li kellhom relazzjoni taʼ patt m’Alla imma li ma kinux baqgħu dixxipli taʼ Ġesù Kristu. Hitler talab b’suċċess l-appoġġ taʼ “dawk li . . . nfirdu mill-patt imqaddes.” Per eżempju, għamel konkordat mal-Papa f’Ruma. Fl-1935, Hitler ħoloq il-Ministeru għall-Affarijiet tal-Knisja. Wieħed mill-għanijiet tiegħu kien li jġib il-knejjes Evanġeliċi taħt il-kontroll taʼ l-istat.
IL-“FORZI” MIBGĦUTIN MIS-SULTAN
20. Is-sultan tat-tramuntana liema “forzi” utilizza, u kontra min?
20 Hitler malajr daħal fi gwerra, bħalma kien bassar l-anġlu b’mod korrett: “Xi forzi mibgħuta minnu joqogħdu jkasbru s-santwarju u l-fortizza, ineħħu s-sagrifiċċju tal-ħruq taʼ kuljum.” (Danjel 11:31a) Il-“forzi” kienu l-qawwiet militari wżati mis-sultan tat-tramuntana sabiex jiġġieled kontra s-sultan tan-nofsinhar fit-Tieni Gwerra Dinjija. Fl-ewwel taʼ Settembru, 1939, “forzi” Nazisti invadew il-Polonja. Jumejn wara, il-Britannja u Franza ddikjaraw gwerra kontra l-Ġermanja sabiex jgħinu lill-Polonja. Hekk bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-Polonja ċediet malajr, u ftit wara, qawwiet armati Ġermaniżi okkupaw id-Danimarka, in-Norveġja, l-Olanda, il-Belġju, il-Lussemburgu, u Franza. “Fi tmiem l-1941,” skond The World Book Encyclopedia, “il-Ġermanja Nazista ddominat il-kontinent.”
21. Il-folja kif inqalbet kontra s-sultan tat-tramuntana matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u x’kien ir-riżultat taʼ dan?
21 Avolja l-Ġermanja u l-Unjoni Sovjetika kienu ffirmaw Trattat taʼ Ħbiberija, Kooperazzjoni, u Demarkazzjoni, Hitler issokta jinvadi territorju Sovjetiku fit-22 taʼ Ġunju, 1941. Din l-azzjoni ġabet lill-Unjoni Sovjetika fuq in-naħa tal-Britannja. L-armata Sovjetika offriet reżistenza qawwija minkejja l-avvanzi spettakolari u bikrin tal-qawwiet armati Ġermaniżi. Fis-sitta taʼ Diċembru, 1941, l-armata Ġermaniża fil-fatt sofriet telfa f’Moska. L-għada, il-Ġappun, l-alleat tal-Ġermanja, ibbombardja Pearl Harbor, il-Ħawajj. Malli sar jaf b’dan, Hitler qal lil taʼ madwaru: “Issa impossibbli li nitilfuha l-gwerra.” Fil-ħdax taʼ Diċembru hu ddikjara gwerra bl-għaġla kontra l-Istati Uniti. Imma ma ħasibx li kemm l-Unjoni Sovjetika u kemm l-Istati Uniti kienu b’saħħithom daqshekk. Bl-armata Sovjetika tattakka mil-lvant u l-qawwiet armati Britanniċi u Amerikani jrossuh mill-punent, il-folja malajr inqalbet kontra Hitler. Il-qawwiet armati Ġermaniżi bdew jitilfu territorju wara ieħor. Wara s-suwiċidju taʼ Hitler, il-Ġermanja ċediet għall-Alleati, fis-7 taʼ Mejju, 1945.
22. Is-sultan tat-tramuntana kif ‘kasbar is-santwarju u neħħa s-sagrifiċċju tal-ħruq taʼ kuljum’?
22 “[Il-forzi Nazisti] joqogħdu jkasbru s-santwarju u l-fortizza, ineħħu s-sagrifiċċju tal-ħruq taʼ kuljum,” qal l-anġlu. F’Ġuda tal-qedem is-santwarju kien parti mit-tempju f’Ġerusalemm. Madankollu, meta l-Lhud ċaħdu lil Ġesù, Jehovah ċaħad lilhom u t-tempju tagħhom. (Mattew 23:37–24:2) Mill-ewwel seklu E.K. ’l hawn, it-tempju taʼ Jehovah attwalment sar wieħed spiritwali, bil-qaddis tal-qodos tiegħu fis-smewwiet u bitħa spiritwali fuq l-art, fejn jaqdu l-aħwa midlukin taʼ Ġesù, il-Qassis il-Kbir. Mis-snin tletin ’il quddiem, il-“kotra kbira” qiemu fi sħubija mal-fdal midluk u għalhekk jintqal li jaqdu ‘fit-tempju t’Alla.’ (Apokalissi 7:9, 15; 11:1, 2; Lhud 9:11, 12, 24) F’pajjiżi li kienu taħt il-kontroll tiegħu, is-sultan tat-tramuntana pprofana l-bitħa tat-tempju fuq l-art billi ppersegwita bla waqfien lill-fdal midluk u lil sħabhom. Tant kienet ħarxa l-persekuzzjoni li tneħħa “s-sagrifiċċju tal-ħruq taʼ kuljum”—is-sagrifiċċju pubbliku taʼ tifħir lil isem Jehovah. (Lhud 13:15) Madankollu, minkejja s-sofferenza orribbli, Kristjani midlukin u leali flimkien man-“nagħaġ oħra” baqgħu jippridkaw matul it-Tieni Gwerra Dinjija.—Ġwann 10:16.
‘IL-ĦAĠA MISTKERRHA TITQIEGĦED F’POSTHA’
23. X’kienet “il-ħaġa mistkerrha” fl-ewwel seklu?
23 Meta t-tmiem tat-tieni gwerra dinjija kien fil-qrib, seħħ żvilupp ieħor, sewwa sew bħalma kien bassar l-anġlu t’Alla. “[I]qiegħdu dik il-ħaġa mistkerrha, li ġġib il-ħerba.” (Danjel 11:31b, KŻ) Ġesù wkoll kien tkellem dwar “il-ħaġa mistkerrha.” Fl-ewwel seklu, din uriet li kienet l-armata Rumana li ġiet lejn Ġerusalemm fis-sena 66 E.K. biex ixxejjen l-irvell Lhudi. c—Mattew 24:15; Danjel 9:27.
24, 25. (a) X’inhi l-“ħaġa mistkerrha” fi żmienna? (b) “Il-ħaġa mistkerrha” meta u kif ‘tqegħdet’ f’postha?
24 Liema “ħaġa mistkerrha” ‘tqegħdet’ f’postha fi żmienna? Milli jidher, hija imitazzjoni “mistkerrha” tas-Saltna t’Alla. Din kienet il-Lega tan-Nazzjonijiet, il-bhima salvaġġa lewn l-iskarlat li niżlet fil-bir bla qiegħ, jew ma baqgħetx teżisti bħala organizzazzjoni taʼ paċi dinjija, meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija. (Apokalissi 17:8) Madanakollu, “il-Bhima” salvaġġa kellha “titlaʼ mill-bir bla qiegħ.” Dan għamlitu meta, fl-24 t’Ottubru, 1945, ġiet stabbilita l-Ġnus Magħquda, b’50 nazzjon bħala membru inkluż dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika. B’hekk, “il-ħaġa mistkerrha” mbassra mill-anġlu—il-Ġnus Magħquda—tqegħdet f’postha.
25 Il-Ġermanja kienet għadu ewlieni kontra s-sultan tan-nofsinhar matul iż-żewġ gwerer dinjin u kienet tokkupa l-pożizzjoni tas-sultan tat-tramuntana. Min kien imissu jokkupa din il-pożizzjoni?
[Noti taʼ taħt]
a Ara Kapitlu 6 taʼ dan il-ktieb.
b L-Imperu Ruman Qaddis kien l-ewwel reich, u l-Imperu Ġermaniż, it-tieni.
c Ara Kapitlu 11 taʼ dan il-ktieb.
X’INNOTAJT?
• Fi tmiem is-seklu 19, liema qawwiet wettqu l-irwoli tas-sultan tat-tramuntana u tas-sultan tan-nofsinhar?
• Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, ir-riżultat tal-konflitt kif wera li ‘taʼ l-aħħar ma kienx bħal taʼ qabel’ għas-sultan tat-tramuntana?
• Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, Hitler kif għamel lill-Ġermanja qawwa taʼ min jikkunsidraha fuq ix-xena dinjija?
• X’kien ir-riżultat tar-rivalità bejn is-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar matul it-Tieni Gwerra Dinjija?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Tabella/Stampi f’paġna 268]
SLATEN F’DANJEL 11:27-31
Is-Sultan Is-Sultan
tat-Tramuntana tan-Nofsinhar
Danjel 11:27-30a L-Imperu Ġermaniż Il-Britannja, segwita
(L-Ewwel Gwerra mill-Qawwa Dinjija
Dinjija) Anglo-Amerikana
Danjel 11:30b, 31 It-Tielet Reich Il-Qawwa Dinjija
taʼ Hitler Anglo-Amerikana
(It-Tieni Gwerra Dinjija)
[Stampa]
Il-President Woodrow Wilson mar-Re Ġorġ V
[Stampa]
Ħafna Kristjani kienu persegwitati f’kampijiet tal-konċentrament
[Stampa]
Mexxejja fil-Kristjaneżmu appoġġaw lil Hitler
[Stampa]
Il-karozza li fiha ġie assassinat l-Arċiduka Ferdinand
[Stampa]
Suldati Ġermaniżi, l-Ewwel Gwerra Dinjija
[Stampa f’paġna 257]
F’Yalta fl-1945, il-Prim Ministru Britanniku Winston Churchill, il-President taʼ l-Istati Uniti Franklin D. Roosevelt, u l-Prim Ministru Sovjetiku Joseph Stalin qablu fuq pjanijiet biex jokkupaw il-Ġermanja, jifformaw gvern ġdid fil-Polonja, u jlaqqgħu konferenza biex jifformaw il-Ġnus Magħquda
[Stampi f’paġna 258]
1. L-Arċiduka Ferdinand 2. Il-flotta Ġermaniża 3. Il-flotta Britannika 4. Il-Lusitania 5. L-Istati Uniti jiddikjaraw gwerra
[Stampi f’paġna 263]
Adolf Hitler ħassu fiduċjuż li se jirbaħ wara li l-Ġappun, li kien l-alleat tal-Ġermanja fil-gwerra, ibbombardja Pearl Harbor