IL 25 TAQSIMA
Pariri Dwar il-Fidi, il-Kondotta, u l-Imħabba
Ġakbu, Pietru, Ġwanni, u Ġuda jiktbu ittri biex jinkuraġġixxu lil sħabhom fit-twemmin
ĠAKBU u Ġuda kienu ħut Ġesù mill-omm. Pietru u Ġwanni kienu tnejn mit-12-il appostlu taʼ Ġesù. Dawn l-erbat irġiel b’kollox kitbu sebaʼ ittri li jinstabu fl-Iskrittura Griega Kristjana. Kull waħda minn dawn l-ittri għandha l-isem taʼ min kitibha. It-twissijiet imnebbħin li jinstabu f’dawn l-ittri kellhom l-iskop li jgħinu lill-Kristjani jżommu l-integrità lejn Ġeħova u l-lealtà tagħhom lejn is-Saltna t’Alla.
Il-Kristjani għandhom juru l-fidi. Mhuwiex biżżejjed li wieħed jgħid li għandu l-fidi. Il-fidi vera twassal għall-azzjonijiet. “Tabilħaqq,” jikteb Ġakbu, “il-fidi mingħajr l-għemejjel hi mejta.” (Ġakbu 2:26) Meta wieħed jaġixxi bil-fidi matul il-provi, se jżid is-sabar tiegħu. Sabiex jirnexxi, Kristjan jeħtieġ li jitlob lil Alla għall-għerf, konvint li Alla se jagħtihulu. Is-sabar iwassal għall-approvazzjoni t’Alla. (Ġakbu 1:2-6, 12) Jekk bil-fidi wieħed iżomm l-integrità, Alla Ġeħova se jaġixxi. “Ersqu qrib lejn Alla,” jgħid Ġakbu, “u hu jersaq qrib lejkom.”—Ġakbu 4:8.
Il-fidi taʼ Kristjan trid tkun b’saħħitha biżżejjed biex tgħinu jirreżisti t-tentazzjonijiet u l-influwenzi immorali. Minħabba li kien jgħix f’ambjent moralment ħażin, Ġuda ħeġġeġ lil sħabu fit-twemmin biex ‘jiġġieldu bl-aħrax għall-fidi.’—Ġuda 3.
Il-Kristjani għandu jkollhom kondotta nadifa. Ġeħova jistenna li dawk li jqimuh ikunu qaddisin, jiġifieri, nodfa f’kollox. Pietru jikteb: “Kunu intom ukoll qaddisin fil-kondotta kollha tagħkom, għax hu miktub: ‘Kunu qaddisin, għax jien [Ġeħova] qaddis.’” (1 Pietru 1:15, 16) Il-Kristjani għandhom eżempju mill-aqwa x’jimitaw. “Kristu sofra għalikom,” jgħid Pietru, “u ħallielkom mudell biex timxu mill-qrib wara l-passi tiegħu.” (1 Pietru 2:21) Għalkemm il-Kristjani jistgħu jbatu minħabba li jimxu mal-livelli għoljin t’Alla, huma jżommu “kuxjenza tajba.” (1 Pietru 3:16, 17) Pietru jħeġġeġ lill-Kristjani biex joktru fil-kondotta qaddisa u għemejjel li jirriflettu d-devozzjoni lejn Alla, waqt li jistennew il-jum taʼ ġudizzju t’Alla u d-dinja l-ġdida mwiegħda li fiha “tgħammar il-ġustizzja.”—2 Pietru 3:11-13.
“Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.”—Ġakbu 4:8
Il-Kristjani għandhom juru l-imħabba. “Alla hu mħabba,” jikteb Ġwanni. L-appostlu jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li Alla wera l-imħabba kbira tiegħu billi bagħat lil Ġesù bħala ‘sagrifiċċju għal dnubietna.’ Il-Kristjani kif għandhom iwieġbu għal dan? Ġwanni jispjega: “Maħbubin, jekk Alla ħabbna b’dan il-mod, mela aħna għandna l-obbligu li nħobbu lil xulxin.” (1 Ġwanni 4:8-11) Mod wieħed kif nuru mħabba bħal din hu billi nkunu ospitabbli lejn sħabna fit-twemmin.—3 Ġwanni 5-8.
Iżda dawk li jqimu lil Ġeħova kif jistgħu juru mħabbithom lejh? Ġwanni jwieġeb: “L-imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-kmandamenti tiegħu; u madankollu l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġwanni 5:3; 2 Ġwanni 6) Dawk li jobdu lil Alla huma żgurati li Alla se jibqaʼ jħobbhom u jwegħedhom “il-ħajja taʼ dejjem.”—Ġuda 21.
—Ibbażat fuq Ġakbu; 1 Pietru; 2 Pietru; 1 Ġwanni; 2 Ġwanni; 3 Ġwanni; Ġuda.